12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

574


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’Novembru 2005

dwar in-non-inklużjoni tan-naled fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4351)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2005/788/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b'mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta' l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprovdi li Stat Membru jista', matul perjodu ta' 12-il sena wara n-notifikazzjoni ta' dik id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux imniżżla fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li huma diġà fis-suq sentejn wara d-data tan-notifikazzjoni, filwaqt li dawk is-sustanzi jkunu qegħdin gradwalment jiġu eżaminati fi ħdan il-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni(KEE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 703/2001 (3) jistipulaw ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE. Għas-sustanza attiva naled, in-notifikant informa lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Diċembru 2004 li ma għadux jixtieq l-inklużjoni ta’ dik is-sustanza fl-Anness għad-Direttiva 91/414/KEE. Konsegwentement, dik is-sustanza attiva ma għandiex tiddaħħal f'dak l-Anness u l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet kollha għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom in-naled.

(3)

Għandha tingħata konċessjoni ta' żmien għar-rimi, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ stocks eżistenti sabiex dawn l-istocks jintużaw fi staġun wieħed ieħor ta' koltivazzjoni.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-naled mhux se jiġi inkluż, bħala sustanza attiva, fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

(a)

awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom in-naled jiġu rtirati sal-11 ta’ Mejju 2006.

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom in-naled ma tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Perjodu ta’ żmien mogħti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' stocks eżistenti se jkun qasir kemm jista’ jkun u se jiskadi mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2007.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar il-11 ta’ Novembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(2)   ĠU L 55, tad-29.2.2000, p. 25. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, tad-19.6.2003, p. 32).

(3)   ĠU L 98, tas-7.4.2001, p. 6.