12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

556


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-4 ta’ Novembru 2005

li temenda d-Deċiżjoni 2002/499/KE li tawtorizza derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE għal dak li jirrigwarda pjanti nani li saru hekk b'mod naturali jew b'mezz artifiċjali ta' Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4235)

(2005/775/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri ta' protezzjoni kontra l-introduzzjoni fil-Komunità, ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti, kif ukoll kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti ta' Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., minbarra frott u żerriegħa, li joriġinaw f'pajjiżi li mhumiex Ewropej, fil-prinċipju m'għandhomx jiġu introdotti fil-Komunità. Madankollu, id-Direttiva 2000/29/KE tippermetti derogi minn din ir-regola, jekk jiġi stabbilit li m'hemm l-ebda riskju ta' introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara.

(2)

Id-Deċiżjoni 2002/499/KE (2), tipprevedi deroga għall-importazzjoni tal-pjanti ta' Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., minbarra frott u żrieragħ, li joriġinaw mill-Korea, bil-kundizzjoni li jiġu sodisfatti kundizzjonijiet speċifiċi.

(3)

Ir-Renju Unit talab estensjoni ta' dik id-deroga.

(4)

Is-sitwazzjoni li tiġġustifika dik id-deroga bagħet ma nbidlitx u d-deroga għandha għalhekk tkompli tapplika.

(5)

Id-Deċiżjoni 2002/499/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2002/499/KE hija emendata hekk:

1.

L-Artikolu 2 jinbidel bit-test li ġej:

“Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, qabel l-1ta' Awissu ta' kull sena mill-2005 sa l-2008, bl-informazzjoni dwar il-kwantitajiet importati matul is-sena qabel dik id-data skond din id-Deċiżjoni u b'rapport tekniku dettaljat tekniku dwar l-eżamijiet u/jew it-testijiet imwettqa fuq dawn il-pjanti matul il-perjodu ta' kwarantina msemmi fil-punt 10 ta' l-Anness.

Kwalunkwe Stat Membru, minbarra dak ta' l-importazzjoni, li fih il-pjanti ġew introdotti, għandu wkoll jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, qabel l-1 ta' Awissu ta' kull sena mill-2005 sa l-2008, b'rapport tekniku dettaljat dwar l-eżamijiet u/jew it-testijiet imwettqa fuq dawn il-pjanti introdotti matul is-sena qabel dik id-data matul il-perjodu ta' kwarantina msemmi fil-punt 10 ta' l-Anness.”

2.

L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

L-Istati Membri jistgħu japplikaw id-derogi msemmija fl-Artikolu 1 għal pjanti importati fil-Komunità f'dawn il-perjodi:

Pjanti

Perjodu

Chamaecyparis:

l-1.6.2004 sal-31.12.2007

Juniperus:

l-1.11.2004 sal-31.3.2005, l-1.11.2005 sal-31.3.2006 u l-1.11.2006 sal-31.3.2007

Pinus:

l-1.6.2004 sal-31.12.2007”

3.

Fit-tieni sentenza tal-punt 3 ta' l-Anness, “2004” tinbidel b' “kull sena”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar l-4 ta’ Novembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/16/KE (ĠU L 57, 3.3.2005, p. 19).

(2)   ĠU L 168, 27.6.2002, p. 53.