12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

489


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Ottubru 2005

li temenda d-Deċiżjoni 2005/734/KE li tistabbilixxi miżuri ta' bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' ditezzjoni minn kmieni f'żoni b'riskju partikolari

(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4199)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2005/745/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-għan li jinkiseb is-suq intern (1), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali li tittieħed fit-tjur u l-għasafar, li hija kawża ta’ mortalità u ta’ disturbi li faċilment jistgħu jaslu sa proporzjonijiet epiżootiċi u li jistgħu jkunu ta' periklu serju għas-saħħa ta’ l-annimali u tal-pubbliku u jnaqqsu konsiderevolment il-qligħ mit-trobbija tat-tjur. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiddaħħal permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ħajjin u fil-prodotti tat-tjur.

(2)

Influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza dan l-aħħar ġiet ikkonfermata f'pajjiżi terzi ġirien tal-Komunità. Xhieda ċirkostanzjali u data ta' epidemjoloġija molekolari jindikaw bil-qawwa li l-virus ta' l-influwenza tat-tjur infirex permezz ta' għasafar li jpassu.

(3)

Il-Kummissjoni, biex tagħmel monitoraġġ fuq is-sitwazzjoni fl-Istati Membri, adottat id-Deċiżjoni tas-17 ta' Ottubru 2005 li tapprova l-programmi għall-implimentazzjoni ta’ l-istħarriġ ta’ l-Istati Membri għall-inflwenza tat-tjur fit-tjur u fl-għasafar selvaġġi matul l-2005 u li tistipola regoli dwar ir-rappurtar u l-eliġibbiltà għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fin-nefqa għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi (2)..

(4)

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja li hu kkawżat mill-introduzzjoni tas-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza fi stabbilimenti tat-tjur ta' l-irziezet u postijiet oħra fejn jinżammu maqbuda l-għasafar, minn għasafar selvaġġi, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/734/KE tad-19 ta' Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta' bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' ditezzjoni minn kmieni f'żoni b'riskju partikolari (3), ġiet adottata.

(5)

Skond dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-istabbilimenti li jżommu tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem, li skond tagħrif epidemjoloġiku u ornitoloġiku għandhom jitqiesu f'riskju partikolari mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza tat-tjur li nfirex permezz ta' għasafar selvaġġi.

(6)

Hekk kif qed jersaq l-istaġun il-ġdid tal-passa għal għasafar selvaġġi fil-Komunità u daħlu rapporti dwar tifqigħat ġodda ta' l-influwenza tat-tjur f'pajjiżi terzi ġirien tal-Komunità, huwa xieraq li jissaħħu, u fejn jixraq jiġu ssupplimentati, il-miżuri Komunitarji diġà fis-seħħ skond id-Deċiżjoni 2005/734/KE biex jitrażżan ir-riskju ta' frix ta' l-influwenza tat-tjur.

(7)

Id-Deċiżjoni 2005/734/KE għandha għalhekk tkun emendata kif jixraq.

(8)

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni sal-5 ta' Novembru 2005 bil-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba ta' din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/734/KE għandha għalhekk tkun emendata skond dan li ġej:

1.

L-Artikolu 2a li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 2a

Miżuri addizzjonali li jrażżnu r-riskji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fiż-żoni tat-territorji tagħhom li huma identifikati bħala partikolarment f'riskju għall-introduzzjoni ta' l-influwenza tat-tjur, skond l-Artikolu 1(1), jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

huwa pprojbit li t-tjur jinżammu barra fil-mikxuf mingħajr dewmien żejjed; madankollu, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza li t-tjur jinżammu fil-mikxuf, biss jekk it-tjur huma pprovduti bl-ikel u x-xorb ġewwa jew taħt kenn li jiskoraġġixxi biżżejjed l-inżul ta' għasafar selvaġġi u jipprevjeni kuntatt mill-għasafar selvaġġi ma' l-ikel jew l-ilma mqiegħed għat-tjur ta' l-irziezet;

b)

il-ġibjuni ta' l-ilma li jinsabu barra meħtieġa għal raġunijiet ta' benesseri ta' l-annimali għal ċertu tjur ta' l-irziezet għandhom ikunu mgħottija biżżejjed kontra t-tjur ta' l-ilma selvaġġi;

c)

it-tjur ta’ l-irziezet m’għandhomx ikunu pprovduti bl-ilma minn ġibjuni ta' l-ilma tal-wiċċ aċċessibbli mill-għasafar selvaġġi, sakemm dan l-ilma ma jkunx ġie ttrattat ħalli jiżgura l-inattivazzjoni ta’ xi virus possibbli;

d)

huwa pprojbit l-użu ta' l-għasafar ta' l-ordni ta' l-Anseriformes u l-Charadriiformes bħala għasafar tat-taħrik matul il-kaċċa ta' l-għasafar; madankollu, dawn l-għasafar jistgħu jintużaw bħala għasafar tat-taħrik taħt superviżjoni stretta mill-awtorità kompetenti biex jinġibdu l-għasafar selvaġġi maħsuba għall-kampjuni fil-qafas tal-programm ta' sorveljanza stabbilit mid-Deċiżjoni 2005/732/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġabra ta' tjur ta’ l-irziezet u għasafar oħra fi swieq, spettakli, wirjiet u avvenimenti kulturali tkun ipprojbita; madankollu l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġabra ta' tjur ta’ l-irziezet u għasafar tat-trobbija oħra f’dawn l-istabbilimenti suġġetti għal valutazzjoni tar-riskju b’riżultat favorevoli.”

2.

Id-data “sal-31 ta' Jannar 2006” fl-Artikolu 4 tinbidel għad-diċitura “sa l-1 ta' Diċembru 2005”.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Huma għandhom minnufih jgħarrfu b'dan lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri

Magħmul fi Brussell, nhar il-21 ta’ Ottubru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2002/33/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(2)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 95.

(3)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105.