12.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
485 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-21 ta’ Ottubru 2005
li tistipula r-rekwiżiti għall-prevenzjoni ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-influwenza f'għasafar suxxettibbli miżmuma fiż-żoos fl-Istati Membri
(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4197)
(Test b'relevanza għaż-ŻEE)
(2005/744/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-għan li jinkiseb is-suq intern (1), u partikolarment l-Artikolu 10 (4) tagħha,
Billi:
(1) |
L-influwenza tat-tjur hija marda virali li tittieħed fit-tjur u l-għasafar, li hija kawża ta’ mortalità u ta’ disturbi li faċilment jistgħu jaslu għal proporzjonijiet epiżootiċi u li jistgħu jkunu ta' periklu serju għas-saħħa ta’ l-annimali u tal-pubbliku u li jnaqqsu b’ mod konsiderevoli l-qligħ mit-trobbija tat-tjur. |
(2) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/40/KEE tad-19 ta' Mejju 1992 li tintroduċi miżuri Komunitarji għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur (2) tistipula miżuri ta' kontrolll li għandhom jiġu applikati fil-każ ta' tifqigħa ta' l-influwenza tat-tjur fit-tjur ta' l-irziezet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw il-Kummerċ intra-Komunitarju. Dik id-Direttiva ma tapplikax fejn l-influwenza tat-tjur tirriżulta f'għasafar oħra iżda tipprevedi li, f'każijiet bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li jieħu. |
(3) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistipula rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-kummerċ fi u importazzjonijiet lejn il-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali stipulati f'regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A(I) għad-Direttiva 90/425/KEE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, tipprevedi li l-kummerċ fi u l-importazzjonijiet ta' annimali, semen, ova u embrijuni kkonċernati ma jistgħux ikunu pprojbiti jew ristretti għal raġunijiet marbuta mas-saħħa ta' l-annimali, ħlief għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni Komunitarja, u partikolarment kwalunkwe miżuri ta' protezzjoni meħuda. Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta' Marzu 1999 dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoos (4), tiddefinixxi żoos li huma koperti minn dik id-Direttiva. Dik id-definizzjoni ta' żoos għandha titqies għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni. Madankollu, dik id-definizzjoni teħtieġ suppliment fir-rigward tal-kummerċ għall-iskop ta' din id-Deċiżjoni. |
(4) |
L-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza dan l-aħħar ġiet ikkonfermata fit-Turkija, fir-Rumanija, fir-Russja, fil-Punent tal-muntanji Urali. Xhieda ċirkostanzjali u dejta ta' epidemjoloġija molekolari jissuġġerixxu bis-saħħa li l-virus ta' l-influwenza tat-tjur infirex lejn dawn il-pajjiżi mill-Ażja permezz ta' għasafar migratorji. Dan huwa ssuġġerit ukoll mir-rapport ta' missjoni reċenti lejn ir-Russja li twettqet mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (O.I.E.), li ġie ppublikat fl-14 ta' Ottubru 2005. |
(5) |
Fir-rigward tar-riskju ta' l-introduzzjoni ta' l-influwenza b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-influwenza fil-Komunità, il-Kummissjoni adottat diversi Deċiżjonijiet, inkluża d-Deċiżjoni 2005/734/KE li tistipula miżuri ta' bijosigurtà għat-tnaqqis tar-riskju ta' trażmissjoni ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-influwenza minn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali għal tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' ditezzjoni minn kmieni f'żoni ta' riskju partikolari (5). |
(6) |
Huwa xieraq li jiġu stipulati fuq il-livell Komunitarju, miżuri ta' bijosigurtà għall-prevenzjoni ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-influwenza f'għasafar suxxettibbli miżmuma fiż-żoos fl-Istati Membri sabiex tiġi mħarsa l-fawna selvaġġa u sabiex il-bijodiversità tiġi kkonservata. |
(7) |
It-tilqim ta' għasafar suxxettibbli fiż-żoos tista' tkun miżura preventiva addizzjonali li tixraq, taħt ċerti ċirkostanzi. |
(8) |
Huwa għalhekk ukoll xieraq li jiġu stipulati fuq il-livell Komunitarju ir-rekwiżiti essenzjali li jirrigwardaw it-tilqim ta' għasafar miżmuma fiż-żoos li għandhom isegwu l-Istati Membri, jekk iqisu li huwa xieraq li għasafar bħal dawn jitlaqqmu. |
(9) |
It-tilqim, minkejja li limitat għal kategoriji speċjali ta' annimali li mhumiex ikkonċernati b'xi mod importanti mal-kummerċ, jista' jikkontribwixxi għall-ipperikolar ta' l-istatus ta' l-influwenza tat-tjur f'termini ta' kummerċ internazzjonali, mhux biss għall-Istat Membru jew parti mit-territorju tiegħu fejn iseħħ it-tilqim. Għalhekk m'għandux iseħħ kummerċ f'għasafar imlaqqma sakemm ma jiġux sodisfatti ċerti rekwiżiti. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni sat-30 ta' Novembru 2005 bil-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba ta' din id-Deċiżjoni. |
(10) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Din id-Deċiżjoni tistipula r-regoli sabiex titnaqqas il-firxa ta' l-influwenza tat-tjur ikkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-influwenza (minn issa 'l quddiem “l-influwenza tat-tjur”) minn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali għal għasafar suxxettibbli fiż-żoos. Skond is-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika, dawk ir-regoli għandhom ikunu diretti, partikolarment, lejn il-prevenzjoni ta' kuntatt dirett u indirett bejn għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali, speċjalment it-tjur ta' l-ilma, ma' l-għasafar suxxettibbli fiż-żoos.
Artikolu 2
Għall-għan ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:
a) |
“Żoo” tfisser:
|
b) |
“Għasfur suxxettibbli” tfisser kull speċi ta' għasfur li x'aktar tkun suxxettibbli għall-influwenza tat-tjur u li mhux maħsuba għall-produzzjoni ta' prodotti ta' l-annimali. |
Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u prattikabbli sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni ta' l-influwenza tat-tjur minn għasafar fl-ambjent naturali tagħhom għal għasafar miżmuma fiż-żoos, filwaqt li jqisu l-kriterji u l-fatturi ta' riskju stipulati fl-Anness I.
Artikolu 4
Abbażi ta' l-evalwazzjoni tar-riskju, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu li japplikaw it-tilqim kontra l-influwenza tat-tjur għal għasafar suxxettibbli li jinżammu fiż-żoos, li jitqiesu li huma f'riskju mill-influwenza tat-tjur, skond ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II.
Artikolu 5
1. L-Istati Membri li beħsiebhom japplikaw it-tilqima, kif previst fl-Artikolu 4, għandhom iressqu lill-Kummissjoni u jippreżentaw uffiċjalment fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, il-programm tagħhom dwar it-tilqim ta' għasafar suxxettibbli li jinżammu fiż-żoos.
2. Il-programm ta' tilqim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih għall-inqas informazzjoni dettaljata dwar:
a) |
l-indirizz eżatt u l-post fejn jinsabu ż-żoos fejn għandha sseħħ it-tilqima; |
b) |
l-identifikazzjoni u n-numru speċifiċi ta' l-għasafar suxxettibbli; |
c) |
l-identifikazzjoni individwali ta' l-għasafar li għandhom jitlaqqmu; |
d) |
it-tip ta' vaċċina li għandha tintuża, l-iskema ta' tilqim u meta għandha sseħħ. |
e) |
ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet li jiġu implimentati l-miżuri ta' tilqim; |
f) |
l-iskeda tat-tilqim li għandu jseħħ. |
Artikolu 6
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni minnufih. Huma għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bihom.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, nhar il-21 ta’ Ottubru 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).
(2) ĠU L 167, 22.6.1992, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.
(3) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva Nru 2004/68 (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 320).
(5) ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/745/KE (ĠU L 279, 22.10.2005, p. 79).
ANNESS I
Kriteji u fatturi ta' riskju Li għandhom jitqiesu Fl-Applikazzjoni tal-Miżuri Stabbiliti Fl-Artikolu 3 Fuq żoos Individwali
1. |
Jekk iż-żoo jinsab fuq ir-rotot migratorji ta' l-għasafar, partikolarment jekk dawn jipproċedu mill-Ażja ċentrali jew tal-lvant, u ż-żoni tal-Baħar Kaspju u tal-Baħar l-Iswed; |
2. |
Id-distanza taż-żoo minn artijiet mistagħdra, għadajjar, paludi, lagi jew xmajjar fejn jistgħu jinġabru t-tjur migratorji ta' l-ilma; |
3. |
Jekk iż-żoo jinsab f'żoni b'densità għolja ta' għasafar migratorji, partikolarment tjur ta' l-ilma; |
ANNESS II
REKWIŻITI GĦALL-UŻU TAT-TILQIM
1. |
L-iskala li fuqha għandu jseħħ it-tilqim |
It-tilqim għandu jseħħ biss fuq għasafar suxxettibbli f'żoo. |
2. |
Speċi ta' l-għasafar li għandhom jitlaqqmu; |
Lista ta' l-għasafar kollha li għandhom jitlaqqmu flimkien ma' l-identifikazzjoni individwali għandha tiġi stipulata u miżmuma għall-inqas għal 10 snin mid-data tat-tilqima. |
3. |
Dewmien tat-tilqima |
L-għasafar kollha li għandhom jitlaqqmu f'żoo għandhom jitlaqqmu malajr kemm jista' jkun. Fi kwalunkwe każ, kull tilqima f'żoo għandha titlesta fi żmien 96 siegħa. |
4. |
Waqfien speċifiku ta' l-għasafar imlaqqma u prodotti ta' għasafar imlaqqma |
M'għandux iseħħ kummerċ f'għasafar imlaqqma u lanqas ma għandhom jiġu mċaqalqin sakemm mhux taħt superviżjoni uffiċjali bejn iż-żoos fl-istess Stat Membru, jew taħt l-awtorizzazzjoni speċifika ta' Stat Membru ieħor. Prodotti ta' l-għasafar minn għasafar bħal dawn m'għandhomx jidħlu fil-katina ta' l-ikel. |
5. |
Identifikazzjoni speċjali u reġistrazzjoni speċjali ta' l-għasafar imlaqqma |
Għasafar imlaqqma għandhom ikunu identifikabbli individwalment u r-rekords ta' l-identità ta' dawn l-għasafar għandhom ikunu annotati b'mod ċar kif inhu xieraq. Identifikazzjoni li ma titħassarx li tindika l-għasafar li tlaqqmu għandha tiġi applikata fil-ħin tat-tilqima kull meta jkun possibbli. |
6. |
Eżekuzzjoni tal-kampanja ta' tilqim |
It-tilqim għandu jitwettaq taħt is-superviżjoni ta' veterinarju uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti. Miżuri neċessarji għandhom ikunu fis-seħħ sabiex tiġi evitata l-firxa possibbli tal-virus. Kwalunkwe kwantitajiet reżidwi tal-vaċċin għandhom jiġu rritornati fil-punt tad-distribuzzjoni tat-tilqim b'rekord miktub dwar in-numru ta' l-għasafar mlaqqma u n-numru ta' dożi li ntużaw. Kull meta possibbli, kampjuni tad-demm għandhom jittieħdu qabel u għall-inqas 30 jum wara t-tilqim għal testjar sjeroloġiku għall-influwenza tat-tjur. Rekord tar-riżultati tat-test għandu jinżamm għall-inqas għal 10 snin. |
7. |
Il-vaċċin li għandu jintuża |
Il-vaċċin inattivat li għandu uintuża għandu ukun ifformulat kif jixraq u għandu jkun effettiv kontra t-tip tal-virus li qed jiċċirkola. Għandu jintuża skond l-istruzzjonijiet tal-manifattur u/jew l-awtoritajiet veterinarji. |
8. |
Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-programm lill-Kummissjoni |
Rapport dettaljat dwar l-eżekuzzjoni tal-programm li jinkludi r-riżultati tat-testjar li twettaq għandu jiġi provdut lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali. |