Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/680/PESK tat- 12 ta' Awissu 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-Missjoni ta’ Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL KINSHASA)
Official Journal L 256 , 01/10/2005 P. 0057 - 0057
Official Journal L 168 , 21/06/2006 P. 0369 - 0369
Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/680/PESK tat- 12 ta' Awissu 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-Missjoni ta’ Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL KINSHASA) IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza, Billi: (1) Fid- 9 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK dwar il-Missjoni ta' Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, EUPOL KINSHASA [1]. (2) L-Artikolu 13 ta’ din l-Azzjoni Konġunta jipprovdi li l-istatus tal-persunal ta’ l-EUPOL KINSHASA fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inklużi fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji l-oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament tajjeb ta’ l-EUPOL KINSHASA, għandu jiġi miftiehem skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. (3) Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill, fl- 24 ta’ Jannar 2005, lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, li jassisti lill-Presidenza, sabiex jiftaħ negozjati f’isem din ta’ l-aħħar, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni nnegozja Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet ta’ l-EUPOL KINSHASA. (4) Minkejja l-Artikolu 11(4) tal-Ftehim, il-proċeduri ta’ akkwist ta’ beni u servizzi għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ trasparenza, proporzjonalità, trattament ugwali u non-diskriminazzjoni. (5) Il-Ftehim għandu jiġi approvat, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-Missjoni ta’ Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL KINSHASA), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna li jkollha s-setgħa li tiffirma l-Ftehim sabiex dan jorbot lill-Unjoni. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea [2]. Artikolu 4 Din id- Deċiżjoni għandha jkollha effett mill-jum ta’ l-adozzjoni tagħha. Magħmula fi Brussel, nhar it- 12 ta' Awissu 2005. Għall-Kunsill Il-President J. Straw [1] ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30. [2] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. --------------------------------------------------