21.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

281


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ DARFUR/1/2005

tad-29 ta' Lulju 2005

li taħtar Konsulent Militari għar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan

(2005/653/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2005 dwar l-azzjoni ta' sostenn ċivili-militari ta' l-Unjoni Ewropea għall-missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fir-reġjun ta' Darfur fis-Sudan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi

(1)

Fit-18 ta' Lulju 2005 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/556/PESK li taħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) għas-Sudan (2)

(2)

L-EUSR jiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-kontributi ta’ l-UE lill-AMIS. Taħt l- awtorità ta' l-EUSR, Ċellula ta' Koordinazzjoni ta' l-UE f'Addis Ababa (ACC), li tinkludi konsulent politiku, konsulent militari u konsulent tal-pulizija, tamministra l-koordinazzjoni ta' kuljum ma' l-atturi rilevanti kollha ta' l-UE u maċ-Ċentru ta' Kontroll Amministrattiv u ta' Maniġġar (ACMC) fil-katina ta' kmand ta' l-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u s-sostenn tempestiv ta' l-UE lill-AMIS II.

(3)

Il-Konsulent Militari ta' l-EUSR jgħin sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-komponent militari ta' l-azzjoni ta' sostenn ta' l-UE f'Addis Ababa u huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-koordinament ta' kuljum tal-komponent militari ta' l-azzjoni ta' sostenn ta' l-UE ma' l-ACMC.

(4)

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, wara r-rakkomandazzjoni mill-EUSR, ippropona li l-Kurunell Philippe Mendez jiġi maħtur bħala Konsulent Militari għall-EUSR.

(5)

Konformement ma' l-Artikolu 4 ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK, il-Kunsill awtorizza l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) sabiex jaħtar Konsulent Militari għall-EUSR.

(6)

Konformement ma' l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fit-tfassil u fl-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kurunell Philippe Mendez huwa b'dan maħtur Konsulent Militari għall-EUSR għas-Sudan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, nhar id-29 ta' Lulju 2005.

Għall-Kumitat Politiku u Ta' Sigurtà

Il-President

J. KING


(1)  ĠU L 188, 20.7.2005, p. 46.

(2)  ĠU L 188, 20.7.2005, p. 43.