12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

319


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-1 ta’ Settembru 2005

dwar kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn servej ta' bażi dwar il-prevalenza tas-Salmonella fil-qatgħat tal-brojlers ta’ Gallus gallus li jrid jitwettaq fl-Istati Membri

(notifikata taħt dokument numru C(2005) 3276)

(2005/636/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1)

Billi skond id-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità għandha tieħu jew tassisti lill-Istati Membri ħalli jieħdu l-miżuri tekniċi u xjentifiċi neċessarji għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja u għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju.

(2)

Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u ta’ aġenti żoonotiċi speċifikati oħrajn li jinġarru ma’ l-ikel (2), għandha tiġi stabbilita mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-salmonella f’popolazzjonijiet ta’ qatgħat ta’ brojlers ta’ Gallus gallus (“brojlers”) sa tmiem l-2006.

(3)

Sabiex tiġi ffissata l-mira Komunitarja, jeħtieġ li tkun disponibbli data komparabbli dwar il-prevalenza tas-salmonella fil-popolazzjonijiet tal-brojlers fl-Istati Membri. Dan it-tip ta’ informazzjoni mhix disponibbli u għaldaqstant għandu jsir servej speċjali sabiex tiġi mmoniterjata l-prevalenza tas-salmonella fil-brojlers matul perjodu xieraq sabiex jiġu kkunsidrati l-varjazzjonijiet staġjonali possibbli.

(4)

Is-servej għandu jipprovdi l-informazzjoni teknika neċessarja għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja. B’kunsiderazzjoni ta' l-importanza tal-ġbir tad-data komparabbli dwar il-prevalenza tas-salmonella fil-brojlers fl-Istati Membri, dawn għandhom jingħataw kontribut finanzjarju mill-Komunità għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti speċifiċi tas-servej. Jixraq li 100 % ta' l-ispejjeż imġarrba għat-testijiet fil-laboratorju jiġu rimborżati soġġetti għal limitu ta’ nfiq. L-ispejjeż l-oħra kollha bħat-teħid tal-kampjuni, l-ivvjaġġar, l-amministrazzjoni, eċċ. m'għandhom ikunu eliġibbli għal ebda kontribut finanzjarju Komunitarju.

(5)

Għandu jingħata kontribut mill-Komunità dment li s-servej jitwettaq skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Komunitarja u suġġett li jkun konformi ma' ċerti kundizzjonijiet oħra.

(6)

Jingħata kontribut finanzjarju mill-Komunità sakemm l-azzjonijiet previsti jitwettqu b'mod effettiv u jekk l-awtoritajiet ifornu l-informazzjoni kollha neċessarja fil-limiti ta' żmien previsti.

(7)

Jeħtieġ li tiġi ċċarata r-rata li għandha tintuża għall-konverżjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-ħlas imressqa fil-muniti nazzjonali kif imfisser fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta' Diċembru 1998 li jistabbilixxi arranġamenti agromonetarji għall-euro (3).

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għan tas-servej u dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għandu jitwettaq servej sabiex tiġi evalwata l-prevalenza tas-Salmonella spp. madwar il-Komunità fil-qatgħat ta’ brojlers ta’ Gallus gallus (“brojlers”) li jittieħdu l-kampjuni minnhom tliet ġimgħat qabel jinħarġu mill-istabbiliment agrikolu magħżul sabiex jittieħdu għall-qatla (“is-servej”).

2.   Ir-riżultati tas-servej għandhom jintużaw sabiex jiġu ffissati l-miri Komunitarji kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

3.   Is-servej għandu jkopri perjodu ta’ sena li jibda mill-1 ta’ Ottubru 2005.

4.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “l-awtorità kompetenti” għandha tkun l-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ Stat Membru kif iddeżinjat skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

Artikolu 2

Qafas għat-teħid tal-kampjuni

1.   It-teħid tal-kampjuni għall-finijiet tas-servej għandu jiġi organizzat mill-Istati Membri u għandu jitwettaq mill-1 ta' Ottubru 2005 fi stabbilimenti agrikoli li fihom talanqas 5 000 tajra. F’kull stabbiliment agrikolu magħżul, għandhom jittieħdu l-kampjuni minn qatgħa waħda ta’ brojlers ta’ l-età adatta.

Madankollu, f’pajjiżi fejn in-numru kkalkulat ta’ qatgħat li għandhom jittieħdu l-kampjuni minnhom jisboq in-numru ta’ stabbilimenti agrikoli disponibbli b’talanqas 5 000 tajra, sabiex jinkiseb in-numru kkalkulat ta’ qatgħat, jistgħu jittieħdu l-kampjuni minn massimu ta’ erba’ qatgħat fl-istess stabbiliment agrikolu. Fejn possibbli, kull waħda mill-qatgħat addizzjonali minn stabbiliment agrikolu wieħed għandha tkun minn maqjel tal-brojlers differenti u l-kampjuni għandhom jittieħdu fi staġuni differenti.

Jekk in-numru ta’ qatgħat li minnhom iridu jittieħdu l-kampjuni xorta ma jkunx biżżejjed, jistgħu jintgħażlu wkoll stabbilimenti agrikoli progressivament iżgħar sakemm jinkisbu, fejn possibbli, talanqas 154 qatgħa.

Jekk in-numru ta’ qatgħat li minnhom iridu jittieħdu l-kampjuni xorta ma’ jkunx biżżejjed, jistgħu jittieħdu l-kampjuni minn aktar minn erba' qatgħat fl-istess stabbiliment agrikolu, b'konċentrazzjoni fuq l-akbar stabbilimenti agrikoli.

Fil-każ ta’ pajjiżi fejn anqas minn 80 % tat-tjur jinżammu fi stabbilimenti agrikoli b’aktar minn 5 000 tiġieġa tal-brojler, stabbilimenti agrikoli progressivament iżgħar jistgħu jintgħażlu mill-bidu.

2.   It-teħid tal-kampjuni għandu jsir mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha.

Artikolu 3

Id-detezzjoni tas-Salmonella spp u l-klassifikazzjoni abbażi tas-serotip ta’ l-iżolati relevanti

1.   Id-detezzjoni tas-Salmonella spp u l-klassifikazzjoni abbażi tas-serotip ta’ l-iżolati relevanti għandhom jitwettqu f'laboratorji referenzjarji nazzjonali għas-salmonella.

Madankollu, fejn xi laboratorju referenzjarju nazzjonali ma jkunx jiflaħ għat-twettiq ta' l-analiżi kollha jew jekk dan ma jkunx il-laboratorju li rutinament iwettaq id-detezzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinnominaw numru limitat ta' laboratorji oħrajn li jkunu involuti fil-kontrolli uffiċjali tas-salmonella ħalli dawn iwettqu l-analiżi.

Dawk il-laboratorji għandu jkollhom esperjenza ppruvata fl-użu tal-metodu ta' detezzjoni rekwiżit, għandhom jimplimentaw sistema ta' assikurazzjoni tal-kwalità li tkun konformi ma' l-istandard ta' l-ISO 17025, u għandhom ikunu sorveljati mil-laboratorju referenzjarju nazzjonali.

2.   Id-detezzjoni tas-Salmonella spp. għandha titwettaq skond il-metodu rrakkomandat mil-laboratorju referenzjarju Komunitarju għas-salmonella.

3.   Il-klassifikazzjoni abbażi tas-serotip ta’ l-iżolati relevanti għandha titwettaq skond l-iskema Kaufmann-White.

Artikolu 4

Il-ġbir tad-data, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

1.   L-awtorità nazzjonali responsabbli mit-tħejjija tar-rapport nazzjonali annwali skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE (4) għandha tiġbor u tevalwa r-riżultati miksuba skond l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni abbażi tal-qafas għat-teħid tal-kampjuni msemmi fl-Artikolu 2 tagħha, u għandha tirrapporta d-data neċessarja kollha u l-evalwazzjoni tagħha lill-Kummissjoni.

2.   Id-data relevanti miġbura għall-finijiet tas-servej għandha tiġi fornuta mill-Istati Membri lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari, fuq talba tal-Kummissjoni.

3.   Id-data u r-riżultati kumplessivi nazzjonali għandhom ikunu disponibbli pubblikament f’għamla li tiżgura l-kunfidenzjalità.

Artikolu 5

Speċifikazzjonijiet tekniċi

Il-kompiti u l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu b’mod konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ppreżentati fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali tad-19 ta' Lulju 2005 kif ippubblikati fil-websajt tal-Kummissjoni [http://europa.eu.int/comm/food/food/biosafety/salmonella/index_ en.htm].

Artikolu 6

L-ambitu tal-kontribut finanzjarju Komunitarju

1.   Il-Komunità għandha tipprovdi kontribut finanzjarju għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri għall-ittestjar fil-laboratorju, jiġifieri d-detezzjoni batterjoloġika tas-Salmonella spp. u l-klassifikazzjoni abbażi tas-serotip ta' l-iżolati relevanti.

2.   Il-kontribut finanzjarju massimu mill-Komunità għandu jkun ta’ EUR 20 għal kull test f’dik li hija detezzjoni batterjoloġika tas-Salmonella spp. u EUR 30 f'dik li hija klassifikazzjoni abbażi tas-serotip ta' l-iżolati relevanti.

3.   Il-kontribut finanzjarju mill-Komunità m’għandux jaqbeż l-ammonti ffissati fl-Anness I għal tul il-perjodu tas-servej.

Artikolu 7

Il-kundizzjonijiet għall-għotja ta’ kontribut finanzjarju Komunitarju

1.   Il-kontribut finanzjarju previst fl-Artikolu 6 għandu jingħata lill-Istati Membri sakemm is-servej ikun implimentat skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Komunitarja, inklużi r-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, u suġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġi implimentat is-servej għandhom jidħlu fis-seħħ sa l-1 ta' Ottubru 2005;

b)

għandu jingħadda rapport dwar il-progress li jkopri l-ewwel tliet xhur tas-servej sal-31 ta’ Jannar 2006;

c)

għandu jingħadda rapport finali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2006 dwar l-eżekuzzjoni teknika tas-servej, flimkien ma’ evidenza ta’ verifika li turi l-ispejjeż imġarrba u r-riżultati miksuba matul il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2005 sat-30 ta' Settembru 2006; l-evidenza ta' l-ispejjeż magħmula għandha talanqas tinkludi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II;

d)

is-servej għandu jiġi implimentat b’mod effettiv.

2.   50 % ta' l-ammont totali msemmi fl-Anness I jista' jitħallas bil-quddiem fuq rikjesta ta' l-Istat Membru kkonċernat.

3.   In-nuqqas ta' konformità mal-limitu ta' żmien fil-paragrafu 1(c) għandu jwassal għal tnaqqis progressiv tal-kontribut finanzjarju li jkollu jitħallas, li jammonta sa 25 % ta’ l-ammont totali sal-15 ta' Novembru 2006, 50 % sa l-1 ta’ Diċembru 2006 u 100 % sal-15 ta’ Diċembru 2006.

Artikolu 8

Ir-rata tal-kambju għal applikazzjonijiet f’muniti nazzjonali

Ir-rata tal-kambju għal applikazzjonijiet sottomessi f’muniti nazzjonali f’xahar “n” għandha tkun dik għall-10 jum tax-xahar “n+1” jew ta’ l-ewwel jum qabel dak il-jum li għalih tkun ikkwotata rata.

Artikolu 9

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2005.

Artikolu 10

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar l-1 ta’ Settembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1003/2005 (ĠU L 170, 1.7.2005, p. 12).

(3)  ĠU L 349, 24.12.1998, p. 1.

(4)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.


ANNESS I

Il-kontribut finanzjarju Komunitarju massimu lill-Istati Membri

(€)

Stat Membru

Ammont

Il-Belġju — BE

53 940

Ir-Repubblika Ċeka — CZ

50 605

Id-Danimarka — DK

46 545

Il-Ġermanja — DE

54 085

L-Estonja — EE

22 330

Il-Greċja — EL

54 375

Spanja — ES

55 390

Franza — FR

55 535

L-Irlanda — IE

49 300

L-Italja — IT

54 665

Ċipru — CY

45 675

Il-Latvija — LV

22 330

Il-Litwanja — LT

22 330

Il-Lussemburgu — LU

5 800

L-Ungerija — HU

50 605

Malta — MT

22 330

L-Olanda — NL

54 085

L-Awstrija — AT

51 620

Il-Polonja — PL

55 245

Il-Portugall — PT

54 085

Is-Slovenja — SI

51 040

Is-Slovakkja — SK

44 660

Il-Finlandja — FI

45 530

L-Iżvezja — SE

44 080

Ir-Renju Unit — UK

54 375

Totali

1 120 560


ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni