12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

246


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Lulju 2005

li tissospendi l-proċedura ta’ eżami rigward l-ostakoli għall-kummerċ li jikkonsistu f’miżuri imposti u fi prassi tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj li jolqtu l-kummerċ ta’ l-iScotch whisky

(2005/567/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta Diċembru 1994 li jistipula l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura t-tħaddim tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Settembru 2004, l-Assoċjazzjoni ta’ l-iScotch Whisky (SWA) ressqet ilment skond l-Artikolu 4 tar-Regolament KE Nru 3286/94 (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament”)

(2)

L-SWA stqarret li l-esportazzjoni tal-Komunità ta’ whisky lejn ir-Repubbika Orjentali ta’ l-Urugwaj kienu mxekkla minn għadd ta’ ostakoli għall-kummerċ fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament.

(3)

L-ostakoli għall-kummerċ allegatament kienu kollha marbuta mas-sistema interna tat-taxxa tas-sisa ta’ l-Urugwaj.

(4)

Wara konsultazzjoni xierqa mal-Kumitat Konsultattiv stabbilit mir-Regolament, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-ilment kien fih biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura ta' eżami. Avviż ta’ Ftuħ ta' proċedura ta’ eżami kien għalhekk ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Ottubru 2004 (2).

(5)

Matul l-investigazzjoni, il-Gvern ta’ l-Urugwaj sostna li lest ifittex soluzzjoni permezz ta’ soluzzjoni nnegozjata għall-kwistjonijiet imressqa fl-ilment, u ppropona:

(a)

Li jirtira r-rekwiżit li l-wiski ikollu anqas minn tliet snin sabiex ikun inkluż fl-inqas kategorija tat-taxxa. Il-miżura tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2005,

(b)

Li japplika l-istess trattament għall-wiski domestiku u dak impurtat fir-rigward tar-rekwiżit li titwaħħal strixxa ta' timbri. Ir-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj se temenda r-regolamenti tagħha sat-30 ta’ Ġunju 2005 u l-miżura se tidħol fis-seħħ wara perjodu tranżizzjonali ta’ 90 jum,

(c)

Li jmexxi ’l quddiem bidla fl-istruttura tat-taxxa IMESI sabiex tikkonforma mas-sistemi tat-taxxa l-aktar użati fuq livell internazzjonali. Din il-bidla tgħin biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà. Il-proċess ta’ riforma huwa mistenni li jiġi ffinalizzat sa tmiem l-2006.

(6)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li huwa xieraq li l-proċedura tiġi sospiża.

(7)

Il-Komunità se tissorvelja l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni nnegozjata u se twaqqaf il-proċedura meta l-Gvern ta’ l-Urugwaj ikun wettaq l-impenji tiegħu.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv.

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

Artikolu uniku

Il-proċedura ta’ eżami rigward l-ostakoli għall-kummerċ, li jikkonsistu f’miżuri imposti u fi prassi tar-Repubblika Orjentali ta’ l-Urugwaj li jolqtu l-kummerċ ta’ l-iScotch whisky, hija hawnhekk sospiża.

Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta’ Lulju 2005.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 349, 31.12.1994, p. 71. Regolament emendat mir-Regolament (KE) Nru 356/95, ĠU L 41, 23.2.1995, p. 3.

(2)  ĠU C 261, 23.10.2004, p. 3.