24.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


ID-DEĊIŻJONI NRU 456/2005/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Marzu 2005

li tistabbilixxi programm pluriennali tal-Komunità biex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir iżjed aċċessibbli u jkun jista' jiġi wżat u sfruttat aktar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-evoluzzjoni tas-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-itfaċċar tal-broadband jinfluwenzaw il-ħajja ta' kull ċittadin fl-Unjoni Ewropea billi, inter alia, jistimulaw l-aċċess għat-tagħrif u modi ġodda ta' kif jinkiseb it-tagħrif u b'hekk iżidu t-talba għal kontenut, applikazzjonijiet u servizzi ġodda.

(2)

Il-penetrazzjoni ta' l-internet fil-Komunità għadha qed tikber b'mod konsiderevoli. L-opportunitajiet li joffri l-internet għandhom jiġu sfruttati sabiex jippermettu lil kull individwu u organizzazzjoni fil-Komunità jgawdu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi mill-qsim ta' l-informazzjoni u t-tagħrif. Fl-Ewropa t-triq hija mħejjija sabiex il-potenzjal tal-kontenut diġitali jiġi sfruttat.

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li sar f'Liżbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000 saħqu li l-bidla lejn ekonomija diġitali bbażata fuq it-tagħrif, imħeġġa minn beni u servizzi ġodda, ser tkun mutur b'saħħtu għall-iżvilupp, il-kompetittività u l-impjiegi. F'dik l-okkażjoni ġie rikonoxxut b'mod speċifiku r-rwol ta' l-industriji tal-kontenut fil-ħolqien ta' valur miżjud billi jisfruttaw u jirretikolaw id-diversità kulturali Ewropea.

(4)

Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005, li jiżviluppa l-istrateġija ta' Liżbona, jagħmel sejħa għal azzjonijiet li jistimulaw l-emerġenza ta' servizzi, applikazzjonijiet u kontenut siguri fuq networks ta' broadband u b'hekk jipprovdu ambjent favorevoli għal investiment privat, għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, biex tiżdied il-produttività, biex jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi u biex tingħata l-opportunità lil kulħadd biex jipparteċipa fis-soċjetà ta' l-informazzjoni globali.

(5)

It-talba għal kontenut diġitali ta' kwalità fl-Ewropa, bi drittijiet bilanċjati ta' aċċess u ta' utenti, minn komunità wiesgħa, kemm jekk huma ċittadini fis-soċjetà, studenti, riċerkaturi, SMEs u utenti kummerċjali oħra, jew persuni bi bżonnijiet speċjali li jixtiequ jkabbru t-tagħrif tagħhom, jew utenti mill-ġdid li jixtiequ jisfruttaw ir-riżorsi tal-kontenut diġitali biex joħolqu servizzi, hija dejjem iżjed evidenti.

(6)

Il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali huma fornituri tal-kontenut (inklużi organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi u privati li joħolqu, jiġbru jew huma sidien ta' kontenut diġitali) u utenti tal-kontenut (inklużi organizzazzjonijiet u intrapriżi li huma utenti finali li jerġgħu jużaw u/jew iżidu fil-valur tal-kontenut diġitali). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni ta' SMEs.

(7)

Il-Programm eContent (2001-2004) adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/48/KE tat-22 ta' Diċembru 2000 (3) għen l-iżvilupp u l-użu tal-kontenut diġitali Ewropew fuq l-internet u d-diversità lingwistika ta' websajts Ewropej fis-soċjetà ta' l-informazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Ottubru 2003 dwar il-valutazzjoni mid-term tal-programm eContent jerġa' jafferma l-importanza li tittieħed azzjoni f'dan il-qasam.

(8)

L-avvanzi teknoloġiċi joffru l-potenzjal biex jiżdied il-valur tal-kontenut fil-forma ta' tagħrif inkorporat u biex tittejjeb l-interoperabilità fuq il-livell ta' servizz, li hu fundamentali għall-aċċess u l-użu u d-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali. Dan huwa rilevanti b'mod partikolari għal dawk l-oqsma ta' interess pubbliku li għandhom jiġu ttrattati minn dan il-programm.

(9)

It-trawwim ta' mudelli kummerċjali sodi isaħħaħ il-kontinwità tal-proġetti mibdija taħt dan il-programm, u b'hekk ittejjeb il-kondizzjonijiet għal rendiment ekonomiku ikbar minn servizzi bbażati fuq l-aċċess għall-kontenut diġitali, u l-użu mill-ġdid tiegħu.

(10)

Ġie definit qafas leġiżlattiv biex jittratta l-isfidi tal-kontenut diġitali fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (4)  (5)  (6)

(11)

Prattiċi differenti fost l-Istati Membri għadhom joħolqu ostakoli tekniċi li jifxklu l-aċċess, l-użu, l-użu mill-ġdid u l-isfruttament wiesgħa ta' l-informazzjoni tas-settur pubbliku fil-Komunità.

(12)

Fejn il-kontenut diġitali jinvolvi data personali, id-Direttivi 95/46/KE (7) u 2002/58/KE (8) għandhom jiġu rispettati u t-teknoloġiji wżati għandhom jirrispettaw u, fejn possibbli, isaħħu l-privatezza.

(13)

Azzjonijiet Komunitarji meħuda dwar il-kontenut ta' l-informazzjoni għandhom jippromwovu l-ispeċifiċità multilingwistika u multikulturali tal-Komunità.

(14)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (9).

(15)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija ma' inizjattivi u programmi Komunitarji relatati, b'mod partikolari dawk relatati ma' l-edukazzjoni u l-kultura u mal-Kwadru Ewropew ta' l-Interoperabiltà.

(16)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul sħiħ tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, skond it-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina u t-titjib tal-proċedura (10) tal-baġit, l-awtorità tal-baġit matul il-proċedura annwali tal-baġit.

(17)

Peress li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-mira li l-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir aktar aċċessibbli, u li jkun jista' jintuża u jiġi sfruttat aktar, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-karattru transnazzjonali tal-kwistjonijiet involuti u jistgħu, għaldaqstant, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni u l-effetti Ewropej ta' l-azzjonijiet, jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Għan tal-Programm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm Komunitarju għall-perijodu 2005-2008 sabiex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir iżjed aċċessibbli u jkun jista' jiġi wżat u sfruttat aktar, u b'hekk jiġu ffaċilitati l-ħolqien u d-diffużjoni ta' l-informazzjoni - f'oqsma ta' interess pubbliku - fuq livell Komunitarju.

Il-programm għandu jkun magħruf bħala l-programm “eContentplus” (minn issa `l quddiem “il-Programm”)

2.   Sabiex jintlaħaq il-għan ġenerali tal-Programm, il-linji ta' azzjoni li ġejjin għandhom jiġu ttrattati:

(a)

il-faċilitatazzjoni fuq livell Komunitarju ta' l-aċċess għall-kontenut diġitali, l-użu u l-isfruttament tiegħu

(b)

il-faċilitazzjoni tat-titjib tal-kwalità u tisħiħ ta' l-aħjar prattika relatata mal-kontenut diġitali bejn il-fornituri u l-utenti tal-kontenut, u fis-setturi kollha

(ċ)

ir-rafforzar tal-koperazzjoni bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali u l-għarfien.

L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt dawk il-linji ta' azzjoni jiffukaw fuq oqsma ta' informazzjoni tas-settur pubbliku, data spazjali u kontenut edukattiv, kulturali u xjentifiku kif stabbilit fl-Anness I. Il-programm għandu jiġi implimentat skond l-Anness II.

Artikolu 2

Il-Parteċipazzjoni

1.   Il-Parteċipazzjoni fil-Programm għandha tkun miftuħa għal entijiet legali stabbiliti fl-Istati Membri. Għandha wkoll tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' entijiet legali stabbiliti fil-pajjiżi kandidati skond ftehim bilaterali eżistenti jew li għad iridu jiġu konklużi ma' dawk il-pajjiżi.

2.   Il-parteċipazzjoni fil-Programm tista' tkun miftuħa għal entijiet legali stabbiliti fl-Istati ta' l-EFTA li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim.

3.   Il-parteċipazzjoni fil-Programm tista' tkun miftuħa, mingħajr sostenn finanzjarju mill-Komunità, għal entijiet legali stabbiliti f'pajjiżi terzi u għal organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn din il- parteċipazzjoni tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-Programm. Id-deċiżjoni biex tiġi permessa din il-parteċipazzjoni għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 3

Il-Kompetenzi tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal programm ta' ħidma fuq il-bażi ta' din id-Deċiżjoni.

3.   Fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tiżgura konsistenza u komplementarità ġenerali ma' politika, programmi u azzjonijiet oħra rilevanti tal-Komunità li għandhom effett fuq l-iżvilupp u l-użu tal-kontenut diġitali Ewropew u l-promozzjoni tad-diversità lingwistika fis-soċjetà ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari l-programmi ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Komunità, IDA, eTEN, eInclusion, eLearning, MODINIS u internet Aktar Sigur.

4.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2) għall-iskopijiet ta' dan li ġej:

(a)

adozzjoni u modifiki tal-programm ta' ħidma;

(b)

iffissar tal-kriterji u l-kontenut tas-sejħiet għal proposti, f'konformità ma' l-għanjiet stabbiliti fl-Artikolu 1;

(ċ)

stima tal-proġetti proposti taħt sejħiet għal proposti għal finanzjament Komunitarju ta' ammont stmat ta' kontribuzzjoni Komunitarja daqs, jew aktar minn, EUR 1 miljun;

(d)

kwalunkwe nuqqas ta' osservanza tar-regoli stabbiliti fl-Anness II.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 4 dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Programm.

Artikolu 4

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn kumitat.

2.   Fejn hemm riferiment għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 5

Monitoraġġ u Valutazzjoni

1.   Sabiex tiżgura li l-għajnuna Komunitarja tiġi wżata b'mod effiċjenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li azzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni jkunu suġġett għal stima minn qabel, segwitu u valutazzjoni sussegwenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġta' l-implimentazzjoni ta' proġetti taħt il-Programm. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-mod li bih ġew imwettqa l-proġetti u l-impatt ta' l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tistma jekk intlaħqux l-għanjiet oriġinali

3.   Il-Kummissjoni għandha tirraporta dwar l-implimentazzjoni tal-linji ta' azzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni sa mhux aktar tard minn nofs l-2006. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tirraporta dwar il-konsistenza ta' l-ammont għall-2007-2008 mal-perspettiva finanzjarja. Jekk applikabbli, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa fil-proċeduri tal-baġit għall-2007-2008 biex tiżgura l-konsistenza ta' l-appropjazzjonijiet annwali mal-perspettiva finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport finali ta' valutazzjoni fl-aħħar tal-Programm.

4.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-riżultati tal-valutazzjonijiet kwantitativi u kwalitativi tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma' proposti xierqa biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata. Ir-riżultati għandhom ikunu mgħoddija qabel il-presentazzjoni ta' l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007 u 2009 rispettivament.

Artikolu 6

Qafas Finanzjarju

1.   Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet Komunitarji taħt din id-Deċiżjoni għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2008 huwa hawnhekk stabbilit għal EUR 149 miljun, li EUR 55,6 miljun minnhom huwa għall-perijodu sal-31 ta' Diċembru 2006.

2.   Għall-perijodu wara il-31 ta' Diċembru 2006, l-ammont għandu jitqies konfermat jekk ikun konsistenti għal din il-fażi mal-perspettiva finanzjarja fis-seħħ għall-perijodu li jibda fl-2007.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għall-perijodu mill-2005 sa l-2008 għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja. Tqassim indikattiv ta' l-infiq jinsab fl-Anness III.

Magħmula fi Strasburgu, nhar id-9 ta' Marzu 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 117, tat-30.4.2004, p. 49.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2004 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 2004 (ĠU C 25 E, ta' l-1.2.2005, p. 19), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Jannar 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2005.

(3)  ĠU L 14, tat-18.1.2001, p. 32.

(4)  Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 90).

(5)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (ĠU L 167, tat-22.6.2001, p. 10).

(6)  Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, tas-27.3.1996, p. 20).

(7)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31). Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(8)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37).

(9)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(10)  ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1. Ftehim kif emendat mid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 147, ta' l-14.6.2003, p. 25).


ANNESS I

Azzjonijiet

1.   INTRODUZZJONI

eContentplus għandu l-għan globali li jagħmel il-kontenut diġitali fl-Ewropa iżjed aċċessibbli u li jkun jista' jiġi wżat u sfruttat aktar, u b'hekk jiffaċilita l-ħolqien u d-diffużjoni ta' l-informazzjoni - f'oqsma ta' interess pubbliku — fuq il-livell tal-Komunità.

Dan joħloq kondizzjonijiet aħjar għall-aċċess u l-amministrazzjoni ta' kontenut u servizzi diġitali f'ambjenti multilingwistiċi u multikulturali. Dan iwessgħa l-għażla ta' l-utenti u jsostni modi ġodda ta' interazzjoni ma' kontenut diġitali msaħħaħ b'tagħrif, karatteristika li qed issir essenzjali biex il-kontenut isir iżjed dinamiku u mfassal għal kuntesti speċifiċi (tagħlim, kultura, persuni bi bżonnijiet speċjali, eċċ.).

Il-Programm iħejji t-triq għal qafas strutturat għal kontenut diġitali ta' kwalità fl-Ewropa - Iż-Żona Ewropea ta' Kontenut Diġitali - billi jiffaċilita t-trasferiment ta' esperjenzi, l-aħjar prattika u inkroċjament bejn setturi ta' kontenut u fornituri u utenti tal-kontenut.

(a)

il-faċilitatazzjoni fuq livell Komunitarju ta' l-aċċess għall-kontenut diġitali, l-użu u l-isfruttament tiegħu;

(b)

il-faċilitazzjoni tat-titjib tal-kwalità u t-tisħiħ ta' l-aħjar prattika relatata mal-kontenut diġitali bejn il-fornituri u l-utenti tal-kontenut, u bejn is-setturi;

(ċ)

ir-rafforzar tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali u l-għarfien.

II   LINJI TA’ AZZJONI

A.

Il-faċilitazzjoni ta' l-aċċess fuq livell Komunitarju għall-kontenut diġitali, l-użu u l-isfruttament tiegħu

L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt din il-linja ta' azzjoni jkopru l-istabbiliment ta' rettikolati u allejanzi bejn il-partijiet li għandhom interess, u b'hekk iħeġġu l-ħolqien ta' servizzi ġodda.

L-informazzjoni tas-settur pubbliku, id-data spazjali u l-kontenut edukattiv u kulturali huma l-oqsma mmirati.

Ikun hemm iffukar fuq:

(a)

is-sostenn ta' rikonoxximent usa' ta' l-importanza ta' l-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI), il-valur kummerċjali tagħha u l-implikazzjonijiet għas-soċjetà assoċjati ta' l-użu tagħha. L-attivitajiet għandhom itejbu l-użu u l-isfruttament transkonfini effettiv tal-PSI bejn organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u kumpanniji privati, inklużi s-SMEs, għal prodotti u servizzi ta' informazzjoni ta' valur miżjud;

(b)

l-inkoraġġiment għal użu usa' ta' data spazjali mill-korpi tas-settur pubbliku, kumpanniji privati, inklużi s-SMEs, u ċittadini permezz ta' mekkaniżmi ta' koperazzjoni f'livell Ewropew. L-attivitajiet għandhom jittrattaw kwistjonijiet kemm tekniċi kif ukoll organizzattivi, filwaqt li jevitaw duplikazzjonijiet u gruppi ta' data spazjali mhux żviluppati biżżejjed. Għandhom jippromwovu l-interoperabiltà transkonfini, filwaqt li jsostnu l-koordinazzjoni bejn aġenziji kartografiċi u t-trawwim ta' servizzi ġodda fuq livell Ewropew għal utenti mobbli. Għandhom isostnu wkoll l-użu ta' standards miftuħa;

(ċ)

it-trawwim tal-proliferazzjoni ta' ġabriet ta' tagħrif Ewropej miftuħa ta' oġġetti diġitali, għal komunitajiet ta' edukazzjoni u ta' riċerka, kif ukoll għall-individwu. L-attivitajiet isostnu l-ħolqien ta' servizzi ta' sensarija trans-Ewropej għal kontenut diġitali ta' tagħlim, b'mudelli kummerċjali relatati. L-attivitajiet għandhom ukoll iħeġġu l-użu ta' standards miftuħa, u l-ħolqien ta' gruppi kbar ta' utenti li janaliżżaw u jettestjaw skemi ta' qabel l-istandardizzazzjoni u ta' speċifikazzjoni bil-għan li jgħaddu l-aspetti multilingwistiċi u multikulturali Ewropej fil-proċess ta' definizzjoni ta' standards globali għall-kontenut diġitali ta' tagħlim;

(d)

il-promozzjoni ta' l-emerġenza ta' infrastrutturi ta' informazzjoni trans-Ewropej għall-aċċess u l-użu ta' riżorsi diġitali kulturali u xjentifiċi Ewropej ta' kwalita għolja permezz tal-kollegament ta' libreriji virtwali, memorji komunitarji, eċċ. L-attivitajiet għandhom ikopru approċċi koordinati għad-diġitizzazzjoni u l-bini ta' kollezzjonijiet, il-konservazzjoni ta' oġġetti diġitali u inventarji ta' riżorsi diġitali kulturali u xjentifiċi. Għandhom itejbu l-aċċess għall-assi diġitali kulturali u xjentifiċi permezz ta' skemi ta' liċenzji effettivi u l-awtorizzazzjoni kollettiva minn qabel tad-drittijiet.

B.

Il-faċilitazzjoni tat-titjib tal-kwalità u tisħiħ ta' l-aħjar prattika relatata mal-kontenut diġitali bejn il-fornituri u l-utenti tal-kontenut, u bejn is-setturi.

L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt din il-linja ta' azzjoni huma maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u d-diffużjoni fil-wisa' ta' l-aħjar prattika fil-metodi, proċessi u operazzjonijiet biex jinkisbu kwalità ogħla, effiċjenza u effikaċja akbar fil-ħolqien, l-użu u d-distribuzzjoni ta' kontenut diġitali.

Dawn l-attivitajiet ikopru esperimenti li juru li l-kontenut diġitali jista' jiġi mfittex, użat, użat mill-ġdid, kompost u interoperat fil-kuntest tal-qafas legali eżistenti filwaqt li mill-istadju bikri tal-proċess jilħqu l-ħtiġiet ta' gruppi mmirati u swieq differenti f'ambjent dejjem iżjed multilingwistiku u multikulturali, u jestendu lil hinn minn sempliċi teknoloġiji ta' lokalizzazzjoni.

Dawn l-attivitajiet jisfruttaw il-benefiċċji tat-tisħiħ tal-kontenut diġitali b'data li tinftiehem mill-makni (metadata mfissra sew min-naħa semantika bbażati fuq terminoloġija deskrittiva, lessiċi u ontoloġiji rilevanti).

L-esperimenti jitwettqu fi gruppi tematiċi. Il-ġbir, disseminazzjoni u l-inkroċjament bejn is-setturi ta' tagħrif miksub ikunu parti integrali ta' l-esperimenti.

L-informazzjoni tas-settur pubbliku, d-data spazjali, il-kontenut diġitali edukattiv u kulturali, kif ukoll il-kontenut diġitali xjentifiku u akkademiku huma l-oqsma mmirati ta' applikazzjoni.

Ċ.

Ir-rafforzar tal-koperazzjoni bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali u l-għarfien.

L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt din il-linja ta' azzjoni jinkludu miżuri li jakkompanjaw leġiżlazzjoni rilevanti li għandha x'taqsam mal-kontenut diġitali, u li jrawwmu kollaborazzjoni akbar bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali, kif ukoll il-bini ta' għarfien. Dawn l-attivitajiet isostnu l-iżvilupp ta' għodda għal benchmarking, monitoraġġ u analiżi, l-istima ta' l-impatt tal-Programm u id-disseminazzjoni ta' riżultati. Huma jidentifikaw u janalizzaw opportunitajiet u problemi emerġenti (e.g. fiduċja, immarkar tal-kwalità, drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-edukazzjoni) u jipproponu soluzzjonijiet, kif ikun meħtieġ.


ANNESS II

Il-mezzi għall-implimentazzjoni tal-programm

1.

Il-Kummissjoni timplimenta l-Programm skond il-kontenut tekniku speċifikat fl-Anness I.

2.

Il-Programm jiġi mwettaq permezz ta' azzjoni indiretta li tinkludi:

(a)

azzjonijiet bi spejjeż maqsuma

(i)

Progetti mfassla biex jiżdied it-tagħrif sabiex jittejjbu l-prodotti, proċessi u/jew servizzi eżistenti u/jew jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' politika Komunitarja. Normalment, il-finanzjament Komunitarju ma jkunx aktar minn 50 % tal-kost tal-proġett. Il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jiġu rimborżati abbażi ta' 100 % ta' l-ispejjeż addizzjonali;

(ii)

Azzjonijiet ta' l-aħjar prattika biex jinfirex it-tagħrif. Normalment għandhom jitwettqu fi gruppi tematiċi u kollegati permezz ta' rettikolati tematiċi. Il-kontribuzzjoni Komunitarja għall-miżuri stabbiliti taħt dan il-punt tkun limitata għall-ispejjeż diretti meqjusa meħtieġa jew xierqa biex jintlaħqu għanjiet speċifiċi ta' l-azzjoni;

(iii)

Rettikolati tematiċi: rettikolati li jġibu flimkien varjetà ta' partijiet li għandhom interess madwar għan teknoloġiku u organizzattiv speċifiku, sabiex jiffaċilitaw attivitajiet ta' koordinazzjoni u t-trasferiment ta' tagħrif. Jistgħu jkunu kollegati ma' azzjonijiet ta' l-aħjar prattika. Jingħata sostenn għall-ispejjeż addizzjonali eliġibbli tal-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tar-rettikolat. Il-parteċipazzjoni Komunitarja tista' tkopri l-ispejjeż addizzjonali eliġibbli ta' dawn il-miżuri.

(b)

miżuri ta' akkompanjament

Miżuri ta' akkompanjament jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Programm jew it-tħejjija ta' attivitajiet futuri. Miżuri ddedikati għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, proċessi jew servizzi, attivitajiet ta' marketing u promozzjoni tal-bejgħ huma esklużi.

(i)

studji li jagħtu sostenn lill-Programm, inkluża t-tħejjija ta' attivitajiet futuri;

(ii)

skambju ta' informazzjoni, konferenzi, seminars, workshops jew laqgħat oħra u l-amministrazzjoni ta' attivitajiet miġbura;

(iii)

attivitajiet ta' disseminazzjoni, informazzjoni u komunikazzjoni.

3.

L-għażla ta' azzjonijiet bi spejjeż maqsuma tkun ibbażata fuq sejħiet għal proposti ppubblikati fuq is-sit ta' l-internet tal-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet finanzjarji fis-seħħ.

4.

Applikazzjonijiet għal sostenn Komunitarju għandhom jipprovdu, fejn xieraq, pjan finanzjarju li jelenka l-elementi kollha tal-finanzjament tal-proġetti, inklużi s-sostenn finanzjarju mitlub mill-Komunità, u kwalunkwe talba oħra għal jew għotjiet ta' sostenn minn għejjun oħra.

5.

Miżuri ta' akkompanjament jiġu implimentati permezz ta' sejħiet għall-offerti skond id-dispożizzjonijiet finanzjarji fis-seħħ.


ANNESS III

Tqassim indikattiv ta' l-infiq

1.

Faċilitazzjoni f'livell Komunitarju ta' l-aċċess għall-kontenut diġitali, l-użu u l-isfruttament tiegħu

40 - 50 %

2.

Faċilitazzjoni tat-titjib tal-kwalità u t-tisħiħ ta' l-aħjar prattika relatata mal-kontenut diġitali bejn il-fornituri u l-utenti tal-kontenut, u bejn is-setturi.

45 - 55 %

3.

Rafforzar tal-koperazzjoni bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali u l-għarfien.

8 — 12 %