12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

43


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Mejju 2005

li tistabbilixxi l-klassijiet ta’ reżistenza għan-nirien esterni li jolqtu lill-bjut jew lill-kisi tagħhom għal ċerti prodotti ta’ bini kif stabbilit mid-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE

(innotifikata taħt id-dokument C92005) 1501)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2005/403/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri marbuta mal-prodotti ta' bini (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 89/106/KEE tipprevedi li sabiex jitqiesu l-livelli differenti ta’ ħarsien għal xogħlijiet ta' bini fuq livell nazzjonali, reġjunali jew lokali, jista’ jkun meħtieġ li jkunu stabbiliti, f’ dokumenti interpretattivi, klassijiet li jikkorrispondu mar-reżistenza tal-prodotti fir-rigward ta' kull ħtieġa essenzjali. Dawk id-dokumenti ġew ppublikati bħala il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dokumenti interpretattivi tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE” (2).

(2)

Fir-rigward tal-ħtieġa essenzjali ta’ sigurtà f’każ ta' nar, id-dokument interpretattiv Nru 2 jelenka numru ta' miżuri inter-relatati li flimkien jagħtu definizzjoni ta' l-istrateġija tas-sigurtà tan-nar li ser tiġi żviluppata f’modi differenti fl-Istati Membri.

(3)

Id-Dokument Interpretattiv Nru 2 jidentifika l-ħtiġijiet għall-prodotti ta’ bini għas-soqfa esposti għal nar estern.

(4)

Permezz ta’ soluzzjoni armonizzata, sistema ta’ klassijiet ġiet adottata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/671/KE tal-21 ta' Awwissu 2001 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-reżistenza għan-nar estern tal-bjut u tal-kisi tal-bjut (3).

(5)

Fil-każ ta’ ċerti pjanċi għall-bjut magħmula minn azzar miksi bil-plastisol, huwa meħtieġ li tintuża l-klassifikazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni 2001/671/KE.

(6)

Ir-reżistenza tan-nar estern ta’ bosta prodotti ta’ bini u/jew materjali, fil-klassifikazzjoni prevista fid-Deċiżjoni 2001/671/KE, hija stabbilita tajjeb u magħrufa biżżejjed mar-regolaturi tan-nar fl-Istati Membri bil-konsegwenza li m’għandhomx bżonn ittestjar għal din ir-reżistenza karatteristika partikolari.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Bini,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prodotti ta’ bini u/jew materjali li jissodisfaw il-ħtiġijiet kollha tar-reżistenza karatteristika tar-“reżistenza għal nar estern” mingħajr bżonn ta' aktar ittestjar huma mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

Il-kategoriji speċifiċi li għandhom jiġu applikati għal prodotti differenti u/jew materjali, fi ħdan il-klassifika adottata fid-Deċiżjoni 2001/671/KE, huma mniżżla fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, nhar il-25 ta’ Mejju 2005.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 12. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU C 62, 28.2.1994, p. 1.

(3)  ĠU L 235, 4.9.2001, p. 20.


ANNESS

L-iskeda mniżżla f’dan l-anness telenka prodotti ta’ bini u/jew materjali li jissodisfaw it-talbiet kollha tar-reżistenza karatteristika tar-reżistenza għan-nar estern mingħajr bżonn ta' ittestjar.

Tabella 1

Klassijiet tar-reżistenza għan-nar estern ta' pjanċi għall-bjut magħmulin minn azzar miksi bil-plastisol

Prodott

Klassi (1)

Pjanċi għall-bjut magħmulin minn azzar miksi bil-plastisol kif speċifikat hawn isfel u meta inkorporati f'saff singlu jew sistema ta' tisqif mibnija skond id-dettalji ta'hawn taħt

Broof (t1)

Broof (t2)

Broof (t3)

Pjanċi ta’ l-għata

skond MT 14782 u MT 14783, li jikkonsistu fi pjanċi ta’ l-azzar bi profil, pjanċi ta' l-azzar ċatti jew panewwi ta’ azzar galvanizzat miksija bil-kojl jew ta’ l-azzar b’liga ta’ żingu-aluminju bi ħxuna ta' metal ta' ≥0.40 mm b’kisja organika esterna (in-naħa ta’ barra li tintlaqat bl-elementi) u, jew inkella, in-naħa bil-maqlub (minn ġewwa) ta’ kisja organika. Il-kisja esterna hija ta' żebgħa tal-Palstisol li hija applikata b'likwidu li għandha ħxuna ta' kisja massima nominali ta' 0.200 mm, PCS li mhux akbar minn 8.0 MJ/m2 u massa niexfa massima ta’ 330g/m2. In-naħa l-oħra tal-kisja organika (jekk ikun hemm) għandha PCS li mhux akbar minn 4.0 MJ/m2 u massa niexfa massima ta’ 200 g/m2.

Sistema ta’ għata b'saff wieħed li tikkonsisti minn qoxra waħda, tisqif mhux iżolat fuq struttura ta' support (ħadid li jagħti appoġġ kontinwament jew diskretament) b’reżistenza għan-nar bi klassifikazzjoni ta’ A2-s1, d0 jew aħjar.

Sistema ta’ għata mibnija fejn il-pjanċi għal bjut magħmula minn azzar miksi bil-plastisol jiffurmaw is-saff estern tal-binja, fejn l-istruttura ta’ support hija ta’ reżistenza għan-nar ta’ A2-s1, d0 jew aħjar u fejn immedjatament taħt il-pjanċi magħmula minn azzar miksij bil-Plastisol hemm saff iżolat b’reżistenza għan nar bi klassifikazzjoni ta' A2-s1, d0 jew aħjar. Din l-insulazzjoni għandha tkun ta’ suf minerali mhux miksi li jikkonforma ma’ EN 13162 u għandha tkun ta’ fibra tal-ħġieġ b’densità minima ta’ 10kg/m3 (kontenut massimu nominali ta’ reżina ta’ 5 % b’l-użin) u ħxuna ta’ ≥ 80 mm, jew suf tal-ġebel ta’ densità minima ta’ 25kg/m3 (kontenut ta’ reżina massimu nominali ta’ 3.5 % bl-użin) u ħxuna ta’ ≥ 80 mm.

Ġonot. Fejn il-pjanċa ta’ fuq ikollha l-ġonot, dawn għandhom ikunu kif ġej:

Pjanċa bi profil trapezzojdali – il-ġenb jintrikeb biex jinkorpora rikba ta’ talanqas ħanek (rib) wieħed u t-truf għandhom ikunu minimu ta’ 100 mm.

Pjanċa korrugata sinusojdali – il-ġenb jintrikeb biex jinkorpora rikba ta’ talanqas korrugazzjoni ta’ 1.5 u t-truf għandhom ikunu minimu ta’ 100 mm.

Pannewwi/pjanċi ċatti – il-ġenb u tat-truf għandhom ikunu minimu ta’ 100 mm.

Sistemi ta’ kumenti wieqfa il-ġonot tal-ġenb għandhom jinkorpora kument vertikali mrikkeb jew jew imlibbes biex jiżgura kuntatt intimu u kontinwu bejn il-pjanċi u biex jipprovdu ġonta li tagħlaq għall-ilma u fejn applikabbli il-ġonot tat-truf għandu jkollhom rikba ta’ 100 mm

Is-sustanza użata biex tissiġilla għandha tkunu ta’ mastiċi butiliku jew simili b’densità nominali ta' 1 500 — 1 700  kg/m3 applikati bħala f’kontinwa fil-parti mrikkba tal-ġonta b’rata ta’ madwar 45g/m tul.

Twaħħil Il-pjanċi għall-bjut huma mwaħħla mal-bini ta’ appoġġ bl-użu ta’ twaħħil mekkaniku tal-metal xierqa sabiex jipprovdu stabbilità strutturali lil bini tal-bjut b’twaħħil mekkaniku tal-metal addizzjonali użat biex jiżgura kuntatt intimu u kontinwu bejn il-pjanċi u tipprovdi ġonot li jagħlqu għall-ilma.


(1)  Klassifikazzjoni tar-reżistenza għan-nar estern kif previst fl-iskeda ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 2001/671/KE.