12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Mejju 2005

dwar żoni ta’ protezzjoni u sorveljanza fir-rigward tal-bluetongue u l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-movimenti li joriġinaw jew jgħaddu minn dawn iż-żoni

(innotifikata taħt id-dokument numru C(2005) 1478)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2005/393/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-qerda tal-bluetongue  (1), u b’mod partikolari il-punt (d) ta’ l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 8(3), il-punt (c) ta’ l-Artikolu 9(1), u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/828/KE (2) tipprevedi d-demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi globali fejn għandhom jiġu stabbiliti ż-żoni ta’ protezzjoni u sorveljanza (“iż-żoni ristretti”) mill-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-bluetongue. Din tistipula wkoll il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ ċerti movimenti ta’ annimali, l-isperma, l-ova u l-embrijoni tagħhom mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ (exit ban) prevista fid-Direttiva 2000/75/KE (“il-projbizzjoni fuq il-ħruġ”).

(2)

B’segwitu ta’ l-evoluzzjoni tat-tifqigħa jew invażjonijiet ġodda tal-bluetongue fil-Komunità minn pajjiżi terzi, id-Deċiżjoni 2003/828/KE ġiet emendata diversi drabi sabiex tadatta d-demarkazzjoni ta’ dawk iż-żoni għall-kundizzjonijiet sanitarji l-ġodda ta’ l-annimali.

(3)

Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġislazzjoni Komunitarja, huwa xieraq li d-Deċiżjoni 2003/828/KE tiġi rrevokata u mibdula b’din id-Deċiżjoni.

(4)

Skond id-Direttiva 2000/75/KE, id-demarkazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni u sorveljanza għandha tqis il-fatturi ġeografiċi, amministrattivi, ekoloġiċi u epiżotjoloġiċi marbuta mal-bluetongue u l-arranġamenti għall-kontroll. B’kunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatturi u l-arranġamenti kif ukoll ta’ l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri, huwa xieraq li ż-żoni jinżammu kif stipulati fid-Deċiżjoni 2003/828/KE, ħlief fil-każ tal-Greċja u l-Portugall.

(5)

Skond l-aktar informazzjoni xjentifika riċenti disponibbli, il-movimenti ta' annimali mlaqqma jista' jitqies bla periklu irrispettivament miċ-ċirkulazzjoni tal-vajrus fil-post ta' l-oriġini jew l-attività tal-vetturi tal-mikrobu fil-post destinatarju. Għalhekk, l-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għall-movimenti domestiċi kif stipulata fid-Deċiżjoni 2003/828/KE għandha tiġi emendata biex tieħu in konsiderazzjoni dik l-informazzjoni xjentifika.

(6)

Id-Deċiżjoni 2003/828/KE tinkludi l-Greċja fiż-żoni ġeografiċi globali fejn għandhom jiġu stabbiliti żoni ristretti. Il-Greċja ressqet talba sostanzjata kif suppost lill-Kummissjoni skond id-Direttiva 2000/75/KE sabiex il-Greċja titneħħa mil-lista taż-żoni ġeografiċi globali stipulati fid-Deċiżjoni 2003/828/KE. Bi qbil ma' dan, jixraq li l-Greċja titneħħa minn dik il-lista.

(7)

Il-Portugall ressaq talba sostanzjata kif suppost sabiex tinbidel id-demarkazzjoni taż-żoni ristretti stipulati fid-Deċiżjoni 2003/828/KE fir-rigward ta' dak l-Istat Membru. B’kunsiderazzjoni tal-fatturi ġeografiċi, amministrattivi, ekoloġiċi u epiżotjoloġiċi marbuta mal-bluetongue fiż-żoni konċernati fil-Portugall, id-demarkazzjoni ta’ dawk iż-żoni għandha tiġi emendata.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tiddemarka ż-żoni ġeografiċi globali fejn għandhom jiġu stabbiliti ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza (“iż-żoni ristretti”) mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/75/KE.

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa wkoll li tistipula l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ stabbilita fil-punt (c) ta’ l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/75/KE (il-projbizzjoni fuq il-ħruġ) ta’ ċerti movimenti ta’ l-annimali, l-isperma, l-ova u l-embrijoni tagħhom, minn dawk iż-żoni ristretti u permezz ta' dawk iż-żoni ristretti (tranżitu).

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika għal movimenti ġewwa ż-żoni ristretti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2, ħlief kif previst f'Artikoli oħrajn.

Artikolu 2

Demarkazzjoni taż-żoni ristretti

Iż-żoni ristretti għandhom jiġu ddemarkati fi ħdan iż-żoni ġeografiċi globali elenkati għaż-żoni A, B, C, D u E fl-Anness I.

L-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għal dawk iż-żoni ristretti għandhom jiġu implimentati biss skond l-Artikoli 3, 4, 5 u 6.

Fil-każ taż-żona ristretta E, il-movimenti ta’ annimali ħajjin ta’ speċi li jixtarru bejn Spanja u l-Portugall għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati abbażi ta' ftehim bilaterali.

Artikolu 3

Eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għal movimenti interni

1.   Movimenti interni ta’ annimali, l-isperma, l-ova u l-embrijoni tagħhom, minn żona ristretta għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ sakemm l-annimali, l-isperma, l-ova u l-embrijoni tagħhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II jew ikunu konformi mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-movimenti interni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ mill-awtorità kompetenti jekk:

a)

l-annimali jkunu ġejjin minn merħla mlaqqma skond il-programm ta’ tilqim adottat mill-awtorità kompetenti;

b)

l-annimali jkunu tlaqqmu aktar minn 30 jum, iżda anqas minn tnax-il xahar qabel id-data tal-moviment kontra s-serotip(i) preżenti jew possibilment preżenti f’żona ta’ oriġini ta’ rilevanza epidemjoloġika.

3.   Fejn f’inħawi epidemjoloġikament rilevanti taż-żoni ristretti jkunu nqabżu l-40 jum mid-data meta l-vettur tal-mikrobu ma jkunx baqa’ attiv, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għal movimenti interni ta’ dawn li ġejjin:

a)

annimali li jkunu ddestinati lejn azjendi rreġistrati għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti ta’ l-azjenda destinatarja u li jkunu jistgħu jinħarġu biss minn tali azjendi sabiex jittieħdu direttament għall-qatla;

b)

annimali li jkunu seroloġikament negattivi (ELISA jew AGID*) jew seroloġikament pożittivi iżda viroloġikament negattivi (PCR*) jew

c)

annimali mwielda wara d-data ta’ waqfien mill-attività tal-vettur tal-mikrobu.

L-awtorità kompetenti għandha tagħti biss l-eżenzjonijiet previsti f’dan il-paragrafu matul il-perjodu ta’ waqfien mill-attività tal-vettur tal-mikrobu.

Fejn abbażi tal-programm ta’ sorveljanza epidemjoloġika, kif previst fl-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2000/75/KE, jinstab li l-attività tal-vettur tal-mikrobu fiż-żona ristretta in kwistjoni bdiet mill-ġdid, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tali eżenzjonijiet ma jkomplux japplikaw.

4.   Għandha titwaqqaf proċedura ta’ kanalizzazzjoni, taħt il-kontroll ta' l-awtorità kompetenti, sabiex tiżgura li l-annimali trasportati taħt il-kundizzjonijiet previsti f'dan l-Artikolu, ma jiġux sussegwentement meħudin f’xi Stat Membru ieħor.

Artikolu 4

Eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għal movimenti lejn il-biċċeriji

Movimenti ta’ annimali minn żona ristretta għal qatla immedjata fil-konfini ta' l-istess Stat Membru jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ mill-awtorità kompetenti jekk:

a)

issir evalwazzjoni każ b’każ dwar il-kuntatt possibbli bejn l-annimali u t-trażmetitturi tal-mikrobu waqt it-trasport lejn il-biċċerija, b’kunsiderazzjoni ta’:

i)

id-data disponibbli permezz tal-programm ta’ sorveljanza kif previst fl-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2000/75/KE dwar l-attività tal-vettur tal-mikrobu;

ii)

id-distanza mill-punt tad-dħul fiż-żona mhix ristretta sal-biċċerija;

iii)

id-data entomoloġika dwar ir-rotta msemmija fil-punt (ii);

iv)

il-perjodu tal-ġurnata li matulu jseħħ it-trasport viżavì s-sigħat li fih ikun attiv il-vettur tal-mikrobu;

v)

l-użu possibbli ta’ insettiċidi b'mod konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (3);

b)

l-annimali li ser jiġu mċaqalqa minn posthom ma juru l-ebda sinjal tal-bluetongue dak in-nhar tat-trasportazzjoni;

c)

l-annimali jinġarru f’vetturi ssiġillati mill-awtorità kompetenti u jittieħdu direttament lejn il-biċċerija taħt superviżjoni uffiċjali;

d)

qabel it-trasportazzjoni, l-awtorità kompetenti responsabbli mill-biċċerija tiġi informata dwar l-intenzjoni li jintbagħtu l-annimali lejn il-biċċerija u din tgħarraf lill-awtorità kompetenti kunsenjatarja dwar il-wasla tagħhom.

Artikolu 5

Eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għal annimali li jinħarġu miż-żoni ristretti għal kummerċ intra-Komunitarju

1.   Movimenti ta’ annimali, l-isperma, l-ova u l-embrijoni tagħhom, minn żoni ristretti għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għal kummerċ intra-Komunitarju mill-awtorità kompetenti jekk:

a)

l-annimali, l-isperma, l-ova u l-embrijoni jkunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbliti fl-Artikolu 3 u

b)

l-Istat Membru destinatarju japprova minn qabel dan il-moviment.

2.   Kif previst fil-paragrafu 1, l-Istat Membru ta’ l-oriġini ta’ l-annimali affettwati mill-eżenzjoni, għandu jiżgura li dawn il-kelmiet addizzjonali li ġejjin jinżiedu maċ-ċertifikati sanitarji korrispondenti stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 64/432/KEE (4), 88/407/KEE (5), 89/556/KEE (6), 91/68/KEE (7) u 92/65/KEE (8):

“annimali/semen/ova/embrijoni (*) konformi mad-Deċiżjoni 2005/393/KE

Artikolu 6

Tranżitu ta’ annimali minn żona ristretta

1.   It-tranżitu ta’ annimali mibgħuta minn żona barra ż-żona ristretta, minn ġewwa żona ristretta, għandu jiġi awtorizzat jekk l-annimali u l-mezz tat-trasport jiġu trattati bl-insettiċida fil-post tat-tagħbija jew xi mkien ieħor qabel ma’ jiddaħħlu fiż-żona ristretta.

Meta jkun previst perjodu ta’ mistrieħ f’punt ta’ waqfien waqt it-tranżitu minn ġo żona ristretta, għandu jitwettaq trattament bl-insettiċida sabiex l-annimali jitħarsu minn xi attakk mill--vetturi tal-mikrobu.

2.   Fil-każ ta’ kummerċ intra-Komunitarju, it-tranżitu għandu jkun suġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tat-tranżitu u l-Istat Membru destinatarju, u l-kelmiet addizzjonali li ġejjin għandhom jinżiedu fiċ-ċertifikati sanitarji korrispondenti stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE:

“‘Trattament bl-insettiċida (isem il-prodott) nhar il-(data) fil-(ħin) b'konformità mad-Deċiżjoni 2005/393/KE.”

Artikolu 7

Miżuri implimentattivi

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ sabiex jikkonformawhom ma' din id-Deċiżjoni u għandhom jippubbliċizzaw il-miżuri adottati b’mod xieraq u immedjat. Huma għandhom jgħarrfu b’dan lill-Kummissjoni minnufih.

Artikolu 8

Revoka

Id-Deċiżjoni 2003/828/KE hi revokata.

Riferenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jittieħdu bħala riferenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-13 ta’ Ġunju 2005.

Artikolu 10

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar it-23 ta’ Mejju 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.

(2)  ĠU L 311, 27.11.2003, p. 41 Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/216/KE (ĠU L 69, 16.3.2005, p. 39).

(3)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.

(4)  ĠU L 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

(5)  ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10.

(6)  ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1.

(7)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19.

(8)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.


ANNESS I

żoni ristretti: inħawi ġeografiċi fejn għandhom jiġu stabbiliti żoni ta’ protezzjoni u sorveljanza mill-Istati Membri

Żona A

(serotipi 2 u 9 u, sa punt anqas, 4 u 16)

L-Italja

Abruzzo

:

Chieti, il-muniċipalitajiet kollha li jaqgħu taħt l-unità sanitarja lokali ta’ Avezzano-Sulmona

Basilicata

:

Matera, u Potenza

Calabria

:

Catanzaro, Cosenza, Crotone, Reggio Calabria, Vibo Valentia

Campania

:

Caserta, Benevento, Avellino, Napli, Salerno

Lazio

:

Frosinone, Latina

Molise

:

Isernia, Campobasso

Pulia

:

Foggia, Bari, Lecce, Taranto, Brindisi

Sqallija

:

Agrigento, Katanja, Kaltanissetta, Enna, Messina, Palermo, Raguża, Sirakuża u Trapani

Malta

Żona B

(serotip 2)

L-Italja

Abruzzo

:

L’Aquila, bl-eċċezzjoni tal-muniċipalitajiet kollha li jaqgħu taħt l-unità sanitarja lokali ta’ Avezzano-Sulmona

Lazio

:

Viterbo, Ruma, Rieti

Marche

:

Ascoli Piceno, Macerata

Toscana

:

Massa Carrara, Pisa, Grosseto, Livorno

Umbria

:

Terni u Perugia

Żona C

(serotipi 2 u 4 u, sa punt anqas, 16)

Franza

Corse du sud, Haute Corse

Spanja

Islas Baleares (fejn m’hemmx is-serotip 16)

L-Italja

Sardinja

:

Cagliari, Nuoro, Sassari, Oristano

Żona D.

Ċipru

Żona E

(serotip 4)

Spanja

Provinċja ta’ Cádiz, Málaga, Sevilla, Huelva, Córdoba, Cáceres, Badajoz

Provinċja ta’ Jaen (comarcas ta’ Jaen u Andujar)

Provinċja ta’ Toledo (comarcas ta’ Oropesa, Talavera de la Reina, Belvis de Jara u Los Navalmorales)

Provinċja ta’ Ciudad Real (comarcas ta’ Horcajo de los Montes, Piedrabuena, Almadén u Almodóvar del Campo)

Il-Portugall:

Id-Direzzjoni Reġjonali ta’ l-Agrikoltura ta’ Algarve: il-concelhos kollha

Id-Direzzjoni Reġjonali ta’ l-Agrikoltura ta’ Alentejo: il-concelhos kollha

Id-Direzzjoni Reġjonali ta’ l-Agrikoltura ta’ Ribatejo e Oeste: il-concelhos ta’ Montijo (freguesias ta’ Canha, S. Isidoro de Pegões u Pegões), Coruche, Setúbal, Palmela, Alcochete, Benavente, Salvaterra de Magos, Almeirim, Alpiarça, Chamusca, Constância, Abrantes u Sardoal.

Id-Direzzjoni Reġjonali ta’ l-Agrikoltura ta’ Beira Interior: il-conchelos ta’ Penamacor, Fundão, Oleiros, Sertã, Vila de Rei, Idanha a Nova, Castelo Branco, Proença-a-nova, Vila Velha de Rodao u Mação.


ANNESS II

kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)

A.   L-annimali ħajjin għandhom ikunu ġew:

1.

imħarsa mill-attakki tal-kulokojide għal ta’ l-anqas 100 jum qabel il-moviment, jew

2.

imħarsa mill-attakki tal-kulokojide għal ta’ l-anqas 28 jum qabel il-moviment, u kienu suġġetti matul dak il-perjodu għal test seroloġiku għall-individwalizzazzjoni ta' l-antikorp għall-grupp BTV, bħall-BT competition ELISA jew it-test BT AGID, b’riżultati negattivi f’żewġ okkażjonijiet, b'intervall ta' mhux anqas minn seba' t'ijiem bejn kull test, bl-ewwel test jitwettaq ta' l-anqas 21 jum wara l-introduzzjoni fl-istazzjoni tal-kwarantina, jew

3.

imħarsa mill-attakki tal-kulokojide għal ta’ l-anqas 14-il jum qabel il-moviment, u kienu suġġetti matul dak il-perjodu għal test ta’ iżolament BTV jew test ta’ reazzjoni katinali tal-polimerasi, b’riżultati negattivi f’żewġ okkażjonijiet, fuq kampjuni tad-demm meħudin f’żewġ okkażjonijiet, b’intervall ta' mhux anqas minn seba' t'ijiem bejn kull test, bl-ewwel test jitwettaq ta' l-anqas seba’ t’ijiem mill-jum ta’ l-introduzzjoni fl-istazzjoni tal-kwarantina, u

4.

imħarsa mill-attakki tal-kulikojide matul it-trasportazzjoni lejn il-post tal-ġarr.

B.   Is-semen għandu jkun inkiseb minn donaturi, li jkunu ġew:

1.

imħarsa mill-attakki tal-kulikojide għal ta’ l-anqas 100 jum qabel id-data tal-bidu tal-ġbir tas-semen u matul l-istess ġbir; jew

2.

soġġetti għal test seroloġiku għall-individwalizzazzjoni ta’ l-antikorp għall-grupp BTV bħall-BT competition ELISA jew it-test BT AGID, b’riżultati negattivi, ta’ l-anqas kull 60 jum tul il-perjodu kollu tal-ġbir u bejn 28 u 60 jum wara l-ġbir finali għal din il-kunsinja; jew

3.

soġġetti għal test ta’ iżolament tal-vajrus jew test ta' reazzjoni katinali tal-polimerasi (PCR - polymerase chain reaction) fuq il-kampjuni tad-demm miġbura fil-bidu u t-tmiem tal-ġbir tas-semen għal din il-kunsinja, u ta' l-anqas kull seba’ t’ijiem (test ta’ iżolament tal-vajrus) jew ta’ l-anqas kull 28 jum (test PCR), b'riżultati negattivi.

C.   L-ovas u l-embrijoni għandhom ikunu nkisbu minn donaturi, li jkunu ġew:

1.

imħarsa mill-attakki tal-kulikojide għal ta’ l-anqas 100 jum qabel id-data tal-bidu tal-ġbir ta' l-ovas/embrijoni u matul l-istess ġbir; jew

2.

soġġetti għal test seroloġiku għall-individwalizzazzjoni ta’ l-antikorp għall-grupp BTV bħall-BT competition ELISA jew it-test BT AGID, bejn 28 u 60 jum mid-data tal-ġbir, b’riżultati negattivi; jew

3.

soġġetti għal test ta’ iżolament BTV jew test ta’ reazzjoni katinali tal-polimerasi fuq kampjun tad-demm meħud dak in-nhar tal-ġbir, b'riżultati negattivi.