18.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

305


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta' Mejju 2005

li tikkonċerna l-miżuri meħtieġa fir-rigward ta' xkiel għall-kummerċ maħluq minn prassi kummerċjali mwettqa mill-Brażil li tolqot il-kummerċ ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid

(innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1302)

(2005/388/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta Diċembru 1994 (1), li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u b'mod partikolari l-Artikoli 12(1) u 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-5 ta' Novembru 2003, il-Kummissjoni rċeviet ilment skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 (ir-“Regolament dwar l-ostakli għall-Kummerċ”). L-ilment tressaq mill-Bureau International Permanent des Associations de Vendeurs et Rechapeurs de Pneumatiques (“BIPAVER”).

(2)

L-ilment kien jikkonċerna ċertu prassi kummerċjali Brażiljana li allegatament kienet qed twaqqaf l-importazzjoni ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid għal ġol-Brażil (2). B'mod partikolari l-ilment allega li dawn il-prassi ma kinux konformi ma' l-Artikoli III u XI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“GATT”). Fuq dik il-bażi, min ressaq l-ilment staqsa lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-passi meħtieġa.

(3)

L-ilment kien fih biżżejjed evidenza biex jiġġustifika l-bidu ta' proċedura ta' eżami tal-Komunità skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-ostakli għall-Kummerċ. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura wara li kkonsultat ma' l-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv, fis-7 ta' Jannar 2004 (3).

(4)

Wara l-bidu tal-proċedura ta' eżami, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni. L-investigazzjoni kellha x'taqsam ma' l-allegazzjoni ta' projbizzjoni ta' importazzjoni u penali finanzjarji marbuta ma' tajers importati li għandhom il-kanali maqtugħin mill-ġdid .

(5)

L-investigazzjoni kkunsidrat il-leġislazzjoni Brażiljana rilevanti li għandha x'taqsam mal-projbizzjoni ta' importazzjoni u l-imposta ta' penali finanzjarji, u bl-istess mod ikkunsidrat l-opinjonijiet li taw il-bosta Ministeri tal-Gvern Brażiljan, kif ukoll Assoċjazzjonijiet tal-Kummerċ Brażiljani.

(6)

L-investigazzjoni kkonkludiet li l-miżuri Brażiljani li qegħdin taħt investigazzjoni huma inkonsistenti ma' bosta dispożizzjonijiet tal-GATT 1994, b'mod speċjali ma' l-Artikoli I:1, III:4, XI:1 u XIII:1 u mhumiex iġġustifikati skond l-Arttikolu XX tal-GATT 1994, il-Klawsola ta' Awtorizzazzjoni jew għodda applikabbli oħra tal-liġi internazzjonali. Ladarba l-Ftehim tad-WTO iżomm milli jseħħu dawn il-prassi, hemm evidenza ta' ostaklu għall-kummerċ fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar l-ostakli tal-Kummerċ.

(7)

L-investigazzjoni uriet li l-Brażil kien suq importanti għall-manifatturi Ewropej tat-tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid qabel l-introduzzjoni tal-projbizzjoni fil-25 ta' Settembru 2000. Fil-perijodu 1995-2000 l-esportazzjoni ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid għall-Brażil għall-karozzi tal-passiġġieri żdiedet b'medja ta' 58 % u għall-ewwel darba f'dan il-perijodu ta' sitt snin kien hemm tnaqqis ta' 32 % fis-sena 2001, i.e. wara l-impożizzjoni tal-projbizzjoni.

(8)

Waqt li l-esportazzjoni baqgħet isseħħ wara l-impożizzjoni tal-projbizzjoni, kemm minħabba l-liċenzji ta' importazzjoni li kienu għadhom fiċ-ċirkolazzjoni/jiċċirkolaw, jew bħala riżultat ta' rikors legali minn xi importaturi permezz tal-qrati Brażiljani, jidher ċar li s-suq kien qiegħed gradwalment jingħalaq għall-esportaturi Ewropej. Waqt li ħafna mill-esportaturi tal-Komunità kienu eventwalment kapaċi li jsibu swieq ġodda, xorta ma kinux kapaċi jikkompensaw għal dak li kien parti kbira mid-dħul ta' l-esportazzjoni tagħhom. Mhux kollha kienu kapaċi jsibu swieq ġodda, jew joħolqu linji ġodda ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid għal vetturi speċjalizzati (4x4, sports eċċ) u għalhekk il-projbizzjoni, flimkien ma' fatturi oħra (ħlas tard mill-importatur Brażiljan, ċaqliq fir-rata tal-kambju) wasslu lil xi produtturi tal-Komunità biex iwaqqfu l-attività.

(9)

L-evidenza turi biċ-ċar li l-industrija tal-Komunità sofriet u għadha ssofri effetti negattivi fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(4) tar-Regolament li dwar l-ostakli tal-Kummerċ.

(10)

Informazzjoni dwar l-esportazzjoni u t-tweġibiet għall-kwestjonarji mibgħuta mill-Kummissjoni lill-produtturi Ewropej u lill-esportaturi tat-tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid issaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-Industrija tal-Komunità li l-Brażil kien suq ta' esportazzjoni importanti qabel l-impożizzjoni tal-projbizzjoni u li dawn kienu bassru li l-bejgħ annwali ser jilħaq it-3 miljun unità sa tmiem l-2002. L-evidenza ssaħħaħ iċ-ċertezza ta' l-opinjoni tagħhom li bħala riżultat tal-projbizzjoni ta' l-importazzjoni Brażiljana ilhom iġarrbu l-konsegwenzi għal dawn l-aħħar tliet snin. F'ċerti każijiet, kupaniji li ma kinux kapaċi jsibu swieq ġodda ta' esportazzjoni waslu għal likwidazzjoni.

(11)

Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, jista' jiġi konkluż li huwa fl-interess tal-Komunità fis-sens ta' l-Artikolu 12(1) tar-Regolament dwar l-Ostakli tal-Kummerċ, li tieħu azzjoni, fi ħdan il-qafas tad-WTO, li tfittex biex tneħħi kemm jista' jkun malajr il-projbizzjoni ta' l-importazzjoni Brażiljana fuq tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid, li tirrappreżenta ksur fundamentali tar-regoli tad-WTO u ostaklu għall-kummerċ fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar l-Ostakli tal-Kummerċ.

(12)

Huwa ta' l-akbar importanza għall-Komunità li tiżgura li l-imsieħba tad-WTO ikunu konformi bis-sħiħ ma' l-obbligi tagħhom, bl-istess mod kif meħtieġa tagħmel il-Komunità. Għalhekk huwa fundamentali għat-tħaddim tajjeb tas-sistema tal-kummerċ multilaterali li din l-inkompatibilità mar-regoli tad-WTO tkun indirizzata f'dak il-forum.

(13)

Tentattivi biex tissolva din it-tilwima permezz ta' bosta laqgħat ma' l-awtoritajiet Brażiljani sa mill-impożizzjoni tal-projbizzjoni, u matul din l-investigazzjoni, ma wasslux biex tiġi identifikata rieda min-naħa ta' l-awtoritajiet Brażiljani li tinstab soluzzjoni miftehema miż-żewġ naħat. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe possibilità li l-pożizzjoni tal-gvern Brażiljan tinbidel, huwa kkunsidrat meħtieġ li tinbeda proċedura fi ħdan il-qafas tad-WTO Ftehim fuq Regoli u Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjonijiet tat-Tilwim .

(14)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat TBR,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-impożizzjoni ta' projbizzjoni għall-importazzjoni ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid u l-penali finanzjarji relatati magħhom jidhru li ma humiex konformi ma' l-obbligi tal-Brażil skond il-Ftehim ta' Marrakech li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta' l-1994, u hija kkunsidrata bħala ostaklu għall-kummerċ fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94.

Artikolu 2

Il-Komunità ser tibda proċeduri ta' soluzzjoni ta' tilwim kontra l-Brażil skond il-Ftehim fuq Regoli u Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjonijiet tat-Tilwim u dispożizzjonijiet oħra rilevanti tad-WTO bil-għan li tiġi żgurata t-tneħħija ta' l-ostaklu għall-kummerċ.

Magħmula fi Brussell, fit-2 ta' Mejju 2005.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 71, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru. 356/95, ĠU L 41, tat-23.2.1995, p. 3.

(2)  Il-proċediment jikkonċerna tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid li jaqgħu taħt il-kodiċi 4012 11, 4012 12, 4012 13 u 4012 19 tan-Nomenklatura Magħquda. Tajers bil-kanali maqtugħin mill-gdid (magħrufa wkoll bħala retreads) huma tajers li jigu prodotti billi jitneħħa s-saff mikul ta' tajer uzat sabiex imbagħad jinqatgħu kanali fih mill-gdid.

(3)  ĠU C 3, tas-7.1.2004, p. 2.