18.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

277


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta' April 2005

dwar il-ħtiġijiet għas-sigurtà li għandhom jitwettqu mill-istandards Ewropej għal oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu fuq jew fl-ilma in segwitu għad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1209)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2005/323/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u partikolarment l-Artikolu 4(1) (a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/95/KE tistipula obbligu għall-produtturi li jqiegħdu biss prodotti siguri fuq is-suq.

(2)

Skond din id-Direttiva, prodott jitiqes sigur f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji u l-kategoriji tar-riskji koperti mill-istandards nazzjonali rilevanti meta jkun konformi ma' l-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej

(3)

Skond id-Direttiva 2001/95/KE, l-istandards Ewropej għandhom jiġu stabbiliti mill-korpi ta' standardizzazzjoni Ewropej. Standards bħal dawn għandhom jiżguraw illi l-prodotti jissodisfaw il-ħtieġa għas-sigurtà ġenerali tad-Direttiva.

(4)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi Ewropej ta' l-istandardizzazzjoni u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, identifikaw oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma u għall-użu fil-ħin liberu fuq jew fl-ilma bħala grupp ta' prodotti li għalih għandhom jitfasslu standards Ewropej fuq il-bażi ta' mandat li għandu jingħata mill-Kummissjoni in segwitu għad-Direttiva 2001/95/EC. L-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu identifikati jeskludu dawk l-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma koperti mid-Direttiva 88/378/KEE dwar is-sigurtà tal-ġugarelli, (2), mid-Direttiva 89/686/KEE dwar it-tagħmir protettiv personali (3) u mid-Direttiva 94/25/KE dwar opri ta' l-ilma għal għanijiet rikreattivi. (4).

(5)

Il-ħtiġijiet għas-sigurtà għal dawn il-prodotti għandhom jitfasslu fid-dawl tal-konsultazzjonijiet u tad-diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf taħt id-Direttiva 2001/95/KE,.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Prodotti u definizzjoni tal-prodotti

Din id-deċiżjoni tapplika għal oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma u għall-użu fil-ħin liberu fuq jew fl-ilma mniżżla f' Parti I ta' l-Anness, li mhumiex koperti minn leġislazzjoni ta' l-UE dwar il-prodotti speċifiċi. Partikolarment, l-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma u li jintużaw fil-ħin liberu koperti mid-Direttiva 88/378/KEE, mid-Direttiva 89/686/KEE u mid-Direttiva 94/25/KE huma esklużi minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ħtiġijiet tas-sigurtà

Il-ħtiġijiet għas-sigurtà għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 huma mniżżla f' Parti II ta' l-Anness.

Artikolu 3

Indirizzi

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fil-21 ta' April 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 11, tal-15.1.2002, p.4

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta’ Mejju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-sigurtà tal-ġugarelli, ĠU L 187, tas-16.7.1988, p. 1.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċmebru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-tagħmir protettiv personali, ĠU L 399, tat-30.12.1989, p. 18.

(4)  Id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dipożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar l-opri tal-baħar għall-użu rikreattiv, ĠU L 164, tat-30.6.1994, p. 15.


ANNESS

Ħtiġijiet għas-sigurtà għal-prodotti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu fuq jew fl-ilma

PARTI I

Definizzjoni tal-prodott

L-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma koperti minn din id-Deċiżjoni huma oġġetti li jintużaw fil-ħin liberu fuq jew fl-ilma u li jistgħu jżommu f'wiċċ l-ilma minħabba li jintefħu jew inkella minħabba materali li għandhom kwalitajiet inerenti li jroddu spinta 'l fuq lill-oġġett fl-ilma. Dawn l-oġġetti mhumiex koperti minn leġislazzjoni ta' l-UE għal prodott speċifiku, u li huma użati għal attivitajiet tal-ħin liberu bħal ma huma l-logħob fl-ilma, l-isports akkwatiċi, l-ibburdjar u t-tbaħħir varju, l-għads u t-tagħlim ta' l-għawm, lil hinn mill-aktar prodotti tipiċi u tradizzjonali f'dak il-qasam. Xi uħud minn dawn il-prodotti ilhom stabbiliti fis-suq Ewropew għal bosta snin filwaqt li oħrajn huma ġodda. Prodotti ġodda qegħdin jidhru fuq is-suq il-ħin kollu.

Bosta minn dawn l-prodotti huma prodotti tradizzjonali parzjalment modifikati jew inkella derivati minnhom u żviluppati aktar. Ta' spiss isiru adattamenti ta' tagħmir tal-logħob ta' l-art għall-użu fl-ilma.

Dawn il-prodotti għandhom il-għan li jżidu l-pjaċir imma wkoll li jżidu l-ħeffa, l-azzjoni u l-eċċitament bis-saħħa ta' attivitajiet avventurużi ġodda bħal ma huma t-“tubing” u l-“white water rafting”.

Oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma u li jintużaw fil-ħin liberu koperti mid-Direttiva 88/378/KEE dwar is-sigurtà tal-ġugarelli, mid-Direttiva 89/686/KEE dwar it-tagħmir protettiv personali u mid-Direttiva 94/25/KE dwar opri ta' l-ilma għal għanijiet rikreattivi huma esklużi minn din id-Deċiżjoni.

Oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma li huma koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom jiġu kklassifikati skond l-użu li huma maħsuba għalih, il-propulsjoni u d-disinn, f'dawn il-klassijiet:

Klassi A: Oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma maħsuba għall-użu f'pożizzjoni statika fuq jew fl-ilma. Min qed juża l-oġġett joqgħod fuq l-istruttura li żżomm f'wiċċ l-ilma. L-oġġett huwa maħsub għal użu prinċipalment passiv, li jista' jkun kemm għal persuna waħda kif ukoll għal aktar. Normalment, ma jkollu l-ebda mezz ta' propulsjoni mekkanika. Oġġetti bħal dawn jistgħu jkunu ddisinjati b'mod li jipprovdilhom l-istabbilità sabiex iżommu f'wiċċ l-ilma, jew inkella jkollhom jiġu bbilanċjati minn min ikun qed jużahom.

Huma esklużi l-oġġetti ddisinjati għall-protezzjoni, liema oġġetti huma koperti mid-Direttiva 89/686/KEE. Bl-istess mod, huma esklużi l-oġġetti ddisinjati jew maħsuba b'mod evidenti għall-użu individwali waqt il-logħob għat-tfal fl-ilma baxx, liema oġġetti huma koperti mid-Direttiva 88/378/KEE.

Klassi B: Oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma maħsuba għall-użu statiku. Min qed jużahom joqgħod ġewwa l-istruttura li żżomm f'wiċċ l-ilma u li tiżviluppa madwar ġismu (relattivament issikkata mal-ġisem). Dawn l-oġġetti jistgħu jipprovdu sistema li żżomm il-ġisem jew min qed jużahom jista' jkollu jżomm lilu nnifsu b'idejh u b'dirgħajh. Is-sistema għaż-żamma tal-ġisem tista' tkun sit integrat, ċineg jew mezz ieħor ta' lġiem tkun xi tkun il-qagħda tal-ġisem (bilqiegħda, bilwieqfa, mimdud, għarkobbtejh... ). Il-ġisem ta' l-utent ikun ftit jew wisq mgħaddas. Normalment il-parti ta' fuq (mis-sider 'il fuq) tkun barra mill-ilma. L-oġġett huwa maħsub għall-użu kemm minn persuna waħda kif ukoll minn aktar. Normalment, ma jkollu l-ebda mezz ta' propulsjoni mekkanika.

Huma esklużi l-oġġetti ddisinjati għall-protezzjoni, liema oġġetti huma koperti mid-Direttiva 89/686/KEE. Bl-istess mod, huma esklużi l-oġġetti ddisinjati jew maħsuba b'mod evidenti għall-użu individwali waqt il-logħob għat-tfal fl-ilma baxx, liema oġġetti huma koperti mid-Direttiva 88/378/KEE.

Klassi C: Oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma maħsuba għall-użu dinamiku i.e. biex jintużaw fuq veloċitajiet għoljin. Min qed juża l-oġġett joqgħod fuq jew fl-istruttura li żżomm f'wiċċ l-ilma. Jista' jkun hemm xi xorta ta' kabina għas-sewqan, jew sit, jew mezz ieħor li jżomm l-utent fuq l-istruttura. L-oġġett jitmexxa minn mezz estern ta' propulsjoni. L-utent għandu jikkontrolla l-istabbilità ta' l-oġġet waqt li jkun f'wiċċ l-ilma u li jimxi sew permezz tal-mezzi ta' propulsjoni.

Klassi D: Oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma maħsuba għall-użu dinamiku i.e. għal tlugħ u ggranfar, qbiż u kull attività marbuta magħhom. L-ebda pożizzjoni partikolari għall-utent. L-oġġett huwa maħsub għall-użu kemm minn persuna waħda kif ukoll minn aktar. Normalment, ma jkollu l-ebda mezz ta' propulsjoni mekkanika. Huma esklużi l-oġġetti ddisinjati għall-protezzjoni, liema oġġetti huma koperti mid-Direttiva 89/686/KEE. Bl-istess mod, huma esklużi l-oġġetti ddisinjati jew maħsuba b'mod evidenti għall-użu individwali waqt il-logħob għat-tfal fl-ilma baxx, liema oġġetti huma koperti mid-Direttiva 88/378/KEE.

Klassi E:

PARTI II

A.   Riskji:

Ir-riskji ewlenin assoċjati ma' dawn il-prodotti huma l-għarqa u aċċidenti marbutin ma' l-għarqa.

Riskji oħrajn assoċjati mal-prodotti speċifiċi li jistgħu wkoll jikkawżaw ġrieħi ftit jew wisq serji jinkludu riskji marbuta mad-disinn tal-prodott, bħal per eżempju t-tbegħid mir-rotta, li l-utenti ma jibqgħux iżommu ma' maqbad sigur, waqgħa mill-għoli, li d-dgħajsa tinqaleb, li wieħed jeħel b'xi mod taħt jew f'wiċċ l-ilma, li d-dgħajsa f'daqqa waħda ma tibdiex iżżomm sew f'wiċċ l-ilma, u x-xokk tal-bard, kif ukoll ir-riskji marbuta ma' l-użu ta' dawn l-oġġetti, bħal kull xorta ta' ħabta, u r-riskji marbuta mar-riħ, il-kurrent u l-marea.

B.   Ħtiġijiet tas-sigurtà ġenerali

Dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet għas-sigurtà ġenerali msemmija fid-Direttiva 2001/95/KE u għandhom ikunu “siguri” fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(b) tagħha.

C.   Ħtiġijiet tas-sigurtà speċifiċi

Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu, bħala minimu, fl-applikazzjoni ta' dawn il-ħtiġijiet għas-sigurtà ġenerali msemmija fid-Direttiva 2001/95/KE,

C.1.   Ħtiġijiet għad-disinn tal-prodott.

Is-sigurtà li jġib miegħu d-disinn għandha tingħata prijorità fuq is-sigurtà miġjuba mill-istruzzjonijiet. Il-materjali użati u x-xogħol fuq l-oġġett għandhom ikunu ta' l-aħjar kwalità, u għandhom iqisu l-użu mistenni ta' l-oġetti u l-konsegwenzi eventwali għas-saħħa ta' l-utent u għall-ambjent.

Dawn ta' hawn taħt għandhom jitqiesu bħala minimu:

(a)

Stabbilità taż-żamma f'wiċċ l-ilma fi qbil ma' l-użu maħsub u prevedibbli;

(b)

Kapaċità minima għaż-żamma f'wiċċ l-ilma, u fil-każ ta' oġġetti li jintefħu, spinta residwa għaż-żamma f'wiċċ l-ilma wara li jmur kompartiment ta' l-arja wieħed. B'żieda, jista' jkun xieraq li jkun hemm possibbiltà li l-oġġett jibqa' b'xi mod jaħdem u l-aktar fejn huwa maħsub jew probabbli l-użu kollettiv;

(c)

Mqabad varji, qbid faċli,

(d)

Ħarba faċli f'każ li l-prodott jinqaleb, jevita kull każ ieħor fejn l-utenti jistgħu jeħlu b'xi mod jew ieħor;

(e)

Mezzi li jiffaċilitaw l-imbark mill-ġdid, l-aktar fejn huma maħsub l-użu kollettiv kif ukoll mezzi biex ikun hemm qbid ma' x'imkien sod fil-każ ta' emerġenza fejn l-utenti jkunu fl-ilma;

(f)

Il-preżenza ta' sistema affidabbli ta' rilaxx għal prodotti mmexxija (miġbuda) b'veloċità għolja;

C.2.   Twissijiet u tagħrif fir-rigward ta' l-użu b'kawtela ta' prodott

Il-preżentazzjoni u l-illustrazzjoni tal-prodott, tikettar ċar u li jidher, kif ukoll kull twissija jew struzzjoni għall-użu, għandhom ikunu għal kollox koerenti u jinfthiemu b'mod ċar mill-konsumatur, u m'għandhomx jagħtu x'jifhmu li r-riskji għall-utenti potenzjali, speċjalment it-tfal, huma minimi.

It-tikkettar (inkluż l-istampi u d-disinni) marbut ma' twissijiet jew daqsijiet xierqa għandu jkun viżibbli waqt l-użu. Stampi marbuta direttament ma' riskji serji ħafna għandhom ikunu akkumpanjati minn test korrispondenti. It-tagħrif essenzjali dwar ir-rendiment u l-limitazzjonijiet tal-prodott għandhom jiġu ppreżentati b'mod li jinfurmaw lill-utent potenzjali qabel ix-xiri. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tagħrif marbut mar-riskji li huma esposti għalihom it-tfal. Bħala minimu, għandhom jitqiesu dawn:

(a)

Kull limitazzjoni għall-użu meħtieġa fil-każ ta', per eżempju: in-numru ta' l-utenti, il-piż totali, ir-riskji marbuta mar-riħ, il-kurrenti u l-marea, speċifikazzjonijiet dwar id-distanza mix-xatt, l-għoli, il-veloċità, l-interazzjoni ma' prodotti jew oġġetti oħra, fejn ikun raġjonevoli u prevedibbli li l-prodott se jintuża flimkien ma' prodotti oħra jew qrib prodotti perikolużi (distanzi ta' sigurtà); għandu wkoll jitiqes l-użu potenzjali mhux xieraq.

(b)

Il-prodotti kollha għandhom ikollhom fuqhom it-twissija “ATTENZJONI: L-ebda protezzjoni kontra l-għarqa. Għal min jaf jgħum biss!”

(c)

Rakkomandazzjoni dwar l-użu ta' tagħmir protettiv personali xieraq (PPE) li jħares mill-għarqa u għar-reżistenza ta' l-impatt, fejn meħtieġ;

(d)

Struzzjonijiet dwar kundizzjonijiet għall-infiħ u tal-pressjoni, il-manutenzjoni, it-tiswija, il-ħażna u r-rimi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-prodotti u ta' l-użu tagħhom, is-sitwazzjonijiet fejn ikun użu mtenni fuq medda twila ta' żmien, u l-proċess li bih jiqdiem il-prodott.

(e)

Prodotti maħsuba għall-kategoriji ta' konsumaturi li jistgħu jkollhom xi riskju meta jużaw il-prodott, l-aktar it-tfal, dawk li ma jafux jgħumu u f'xi każi l-anzjani, għandhom ikollhom twissijiet speċifiċi.