13.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

218


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2005/211/ĠAI

ta’ l-24 ta’ Frar 2005

dwar l-introduzzjoni ta’ xi funzjonijiet ġodda fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, inklużi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u (b), l-Artikolu 31(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju ta’ Spanja (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, minn issa ‘l quddiem imsejjħa “SIS”, stabbilita skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ l-1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni (3), minn issa ‘l quddiem imsejjħa “‘il-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-1990”, tikkostitwixxi strument essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif integrati fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-ħtieġa li tiġi żviluppata Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ġdida, tat-tieni ġenerazzjoni, minn issa ‘l quddiem imsejjħa “SIS II”, bil-ħsieb għat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea u għall-introduzzjoni ta’ funzjonijiet ġodda, filwaqt li jittieħed benefiċċju mill-aħħar żviluppi fil-qasam ta’ l-informatika, ġiet rikonoxxuta u ttieħdu l-ewwel passi biex tiġi żviluppata din is-sistema ġdida.

(3)

Jistgħu diġà jiġu mwettqa ċerti adattamenti ta’ dispożizzjonijiet eżistenti u l-introduzzjoni ta’ ċerti funzjonijiet ġodda f’dak li għandu x’jaqsam mal-verżjoni kurrenti tas-SIS, b’mod partikolari safejn għandu x’jaqsam mal-forniment ta’ aċċess għal ċertu tip ta’ data mdaħħla fis-SIS għall-awtoritajiet, li t-twettiq tad-dmirijiet tagħhom ikunu mħaffa kieku jkunu jistgħu jagħmlu tfittxija f’din id-data; dawn jinkludu l-Europol u l-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust, l-estensjoni tal-kategoriji ta’ oġġetti nieqsa li dwarhom jistgħu jiddaħħlu sejħiet ta’ allarmi u d-dħul fir-reġistru ta’ trasmissjoni ta’ data personali. Jeħtieġ li l-ewwel jiġu stabbiliti f’ kull Stat Membru l-faċilitajiet tekniċi meħtieġa biex jintlaħaq l-għan.

(4)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Laeken ta’ l-14 u 15 ta’ Diċembru 2001 u b’mod partikolari l-Konklużjonjiet 17 (kooperazzjoni bejn servizzi speċjalizzati kontra t-terroriżmu), 43 (l-Eurojust u l-kooperazzjoni tal-pulizija fir-rigward ta’ l-Europol) u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-21 ta’ Settembru 2001 kontra t-terroriżmu jirreferu għall-ħtieġa li tittejjeb is-SIS u l-kapaċitajiet tagħha.

(5)

Barra minn hekk, jkun utli li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet rigward l-iskambju ta’ kull informazzjoni supplimentari permezz ta’ l-awtoritajiet maħtura għal dak il-għan fl-Istati Membri kollha (Talba għal Informazzjoni Supplementari mad-Dħul fit-Territorju) (SIRENE), li jagħtu lil dawn l-awtoritajiet bażi legali komuni fi ħdan id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-1990 u li jistabbilixxu regoli dwar it-tħassir ta’ data miżmuma minn dawn l-awtoritajiet.

(6)

Id-dispożizzjonijiet f’din id-Deċiżjoni dwar il-Europol jistabbilixxu biss qafas legali għall-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u huma bla preġudizzju għall-adozzjoni fil-ġejjien tal-miżuri meħtieġa li jistabbilixxu s-soluzzjoni teknika u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha.

(7)

Id-dispożizzjonijiet f’din id-Deċiżjoni dwar il-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust u l-assistenti tagħhom jistabbilixxu biss kwadru legali għall-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u huma bla preġudizzju għall-adozzjoni fil-ġejjieni tal-miżuri meħtieġa li jistabbilixxu s-soluzzjoni teknika u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha.

(8)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għad-data tas-SIS mill-Europol u l-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust u l-assistenti tagħhom jikkostituwixxu biss l-ewwel fażi u huma bla preġudizzju għal diskussjonijiet oħra dwar l-estensjoni ta’ din il-faċilità lil dispożizzjonijiet oħra tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-1990.

(9)

L-emendi għal dan l-għan għad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li jittrattaw is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għandhom isiru jikkonsistu f’żewġ partijiet: din id-Deċiżjoni u Regolament tal-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 66 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Ir-raġuni għal dan, kif stabbilit fl-Artikolu 93 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-1990, hija li l-għan tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen hu li jżomm il-politika u s-sigurtà pubblika, inkluża s-sigurtà nazzjonali, fit-territorji ta’ l-Istati Membri u li japplika d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni msemmija dwar il-moviment ta’ persuni f’dawk it-territorji, billi tintuża l-informazzjoni komunikata permezz tas-SIS skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni. Minħabba li wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-1990 għandhom jiġu applikati għaż-żewġ għanijiet fl-istess waqt, huwa xieraq li tali dispożizzjonijiet jiġu emendati bl-istess mod permezz ta’ atti paralleli bbażati fuq kull Trattat.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju għall-adozzjoni fil-ġejjieni tal-liġijiet meħtieġa li jfissru fid-dettall l-arkitettura legali, l-għanijiet, l-operat u l-użu tas-SIS II, bħal per eżempju, iżda mhux limitati għal, regoli li jfissru aktar il-kategoriji ta’ data li għandha tiddaħħal fis-sistema, l-għanijiet għaliex għandha tiddaħħal u l-kriterji għad-dħul tagħha, regoli dwar il-kontenut tar-reġistri tas-SIS, l-interkonnessjoni ta’ sejħiet ta’ allarmi u l-kompatibbiltà ta’ bejniethom u regoli oħra dwar l-aċċess għad-data tas-SIS u l-protezzjoni u l-kontroll tad-data personali.

(11)

Fir-rigward ta’ l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (4), li jaqgħu taħt il-qasam msemmi fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(12)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’din id-Deċiżjoni, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċizjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jieħdu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (5).

(13)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċizjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tad-28 ta’ Frar 2002, dwar it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (6).

(14)

Din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda fl-acquis ta’ Schengen kif imfisser fid-Deċiżjoni 2000/365/KE u fid-Deċiżjoni 2002/192/KE rispettivament.

(15)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew inkella rrelatat miegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-1990 huma hawnhekk emendati kif ġej:

1)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma’ l-Artikolu 92:

“4.   L-Istati Membri għandhom, skond il-liġijiet nazzjonali, ipartu permezz ta’ l-awtoritajiet nazzjonali maħtura għal dak il-għan (SIRENE) kull informazzjoni supplementari meħtieġa konnessa mad-dħul ta’ allarmi u sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni xierqa f’każijiet fejn persuni u oġġetti li dwarhom iddaħħlet data fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, jinsabu bħala riżultat ta’ tfittxijiet magħmula b’din is-Sistema. Tali informazzjoni għandha tintuża biss għall-għan li għalih ġiet trasmessa.”

;

2)

L-Artikolu 94(2)(b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

oġġetti msemmija fl-Artikoli 99 u 100.”

;

3)

L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 94(3) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“3.   Għall-persuni, l-informazzjoni m’għandiex tkun aktar minn dan li ġej:

(a)

kunjom u ismijiet, kwalunkwe psewdonimi possibilment mdaħħla separatament;

(b)

kwalunkwe karatteristika fiżika speċifika u oġġettiva li ma tinbidilx;

(ċ)

(…);

(d)

post u data tat-twelid;

(e)

sess;

(f)

nazzjonalità;

(g)

jekk il-persuni involuti humiex armati, vjolenti jew ikunux ħarbu;

(h)

raġuni għall-allarm;

(i)

azzjoni li għandha tittieħed;

(j)

f’każijiet ta’ allarm skond l-Artikolu 95: it-tip ta’ offiża(i)”

;

4)

L-Artikolu 99(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Data dwar persuni jew vetturi, inġenji tal-baħar u ta’ l-ajru u kontejners għandha tiddaħħal skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jagħmel is-sejħa ta’ allarm, għall-għanijiet ta’ sorveljanza diskreta jew ta’ kontrolli speċifiċi skond il-paragrafu 5.”

;

5)

l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 99(3) għandha tiġi sostitwita b’li ġej:

“Skond dan il-paragrafu, l-Istat Membru li jagħmel is-sejħa ta’ allarm hu obbligat jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwarha.”

;

6)

l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 99(5) għandha tiġi sostitwita b’li ġej:

“5.   Waqt il-kontrolli speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, tista’ ssir tfittxija fuq persuni, ġewwa vetturi u inġenji tal-baħar u ta’ l-ajru, kontejners u oġġetti li jinġarru, skond il-liġi nazzjonali għall-għanijiet msemmija fil-paragrafi 2 u 3.”

;

7)

L-Artikolu 100(3) għandu jiġi sostitwit b’li ġej:

“3.   Għandhom jiddaħħlu l-kategoriji li ġejjin ta’ oġġetti li jintgħarfu malajr:

(a)

vetturi bil-mutur b’ċilindrata ‘l fuq minn 50cc, inġenji tal-baħar u ta’ l-ajru li ġew misruqa, misapproprjati jew mitlufa;

(b)

trejlers li meta vojta ma jiżnux aktar minn 750 kg, karavani, tagħmir industrijali, magni awtbord u kontejners li ġew misruqa, misapproprjati jew mitlufa;

(ċ)

armi tan-nar li ġew misruqa, misapproprjati jew mitlufa;

(d)

formoli vojta ta’ dokumenti uffiċjali li ġew misruqa, misapproprjati jew mitlufa;

(e)

dokumenti ta’ l-identità maħruġa uffiċjalment bħal passaporti, karti ta’ l-identità, liċenzji tas-sewqan, permessi ta’ residenza u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar li ġew misruqa, misapproprjati, mitlufa jew invalidati;

(f)

ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u pjanċi tan-numru ta’ vettura li ġew misruqa, misapproprjati, mitlufa jew invalidati;

(g)

karti tal-flus (karti tal-flus irreġistrati);

(h)

titoli u mezz ta’ ħlas bħal ċekkijiet, karti tal-kreditu, bonds, stocks u ishma li ġew misruqa, misapproprjati jew mitlufa.”

;

8)

is-sentenza li ġejja għandha tiġi miżjuda ma’ tmiem l-Artikolu 101(1):

“Madankollu, l-aċċess għad-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u d-dritt li ssir tfittxija diretta f’din id-data jistgħu jiġu eżerċitati minn awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fit-twettiq ta’ dmirijiethom, kif stabbilit fil-liġi nazzjonali, inter alia minn dawk responsabbli għall-bidu ta’ prosekuzzjonijiet pubbliċi f’proċeduri kriminali u inkjesti ġuridiċi qabel l-akkuża.”

;

9)

l-Artikoli li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

“Artikolu 101A

1.   L-Uffiċju tal-Pulizija Ewropew (Europol) għandu skond il-mandat u bi spejjeż tiegħu jkollu dritt għall-aċċess għal u li jfittex direttament, id-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skond l-Artikoli 95, 99 u 100.

2.   L-Europol tista’ tfittex biss data li teħtieġ għat-twettiq ta’ dmirijietha.

3.   F’każ li tfittxija tal-Europol tiżvela l-eżistenza ta’ allarm fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, l-Europol għandha tinforma, permezz tal-mezzi mfissra mill-Konvenzjoni tal-Europol, lill-Istat Membru li jkun ħareġ dan l-allarm.

4.   L-użu ta’ informazzjoni miksuba minn tfittxija fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen huwa suġġett għall-kunsens ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Jekk l-Istat Membru jagħti l-permess għall-użu ta’ tali informazzjoni, l-immaniġġjar tagħha għandha tkun irregolata mill-Konvenzjoni tal-Europol. L-Europol tista’ tikkomunika biss tali informazzjoni lil Stati terzi u korpi terzi biss bil-kunsens ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

5.   Il-Europol tista’ titlob informazzjoni supplimentari mill-Istat Membru kkonċernat skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Europol.

6.   Il-Europol shall:

(a)

għandha żżomm reġistru ta’ kull tfittxija magħmula minnha, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 103;

(b)

bla preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, ma għandiex tikkonnettja partijiet mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u lanqas titrasferixxi id-data li hemm fihom, li għalihom għandha aċċess, għal kwalunkwe sistema oħra ta’ kompjuter għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data mħaddma mill-Europol jew fil-Europol u lanqas tagħmel downloading jew tikkopja b’mod ieħor kwalunkwe partijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen;

(ċ)

għandha tillimita l-aċċess għad-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għall-impjegati tal-Europol li huma speċifikament awtorizzati;

(d)

għandha tadotta u timplimenta l-miżuri previsti fl-Artikolu 118;

(e)

għandha tagħti l-permess lill-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza, stabbilit skond l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni tal-Europol, sabiex jirrevedi l-attivitajiet tal-Europol fit-twettiq tad-drittijiet tagħha li taċċedi għal u tfittex data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 101B

1.   Il-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust u l-assistenti tagħhom għandhom ikollhom id-dritt għall-aċċess u li jfittxu d-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skond l-Artikoli 95, 98.

2.   Il-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust u l-assistenti tagħhom jistgħu jfittxu biss data li jeħtieġu għall-qadi ta’ dmirijiethom.

3.   F’każ li tfittxija minn membru nazzjonali ta’ l-Eurojust tiżvela l-eżistenza ta’ allarm fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, hu jew hi għandu/ha j/tinforma lill-Istat Membru li għamel l-allarm. Kwalunkwe komunikazzjoni ta’ informazzjoni miksuba permezz ta’ tali tfittxija tista’ tiġi komunikata lil Stati u korpi terzi biss bil-kunsens ta’ l-Istat Membru konċernat.

4.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li għandha effett fuq id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Eurojust dwar il-protezzjoni tad-data u r-responsabbiltà għal kwalunkwe ipproċessar mhux awtorizzat jew skorrett ta’ tali data min-naħa tal-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust jew l-assistenti tagħhom, jew li għandha effett fuq is-setgħat tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza stabbilit skond l-Artikolu 23 ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

5.   Għandu jinżamm reġistru ta’ kull tfittxija mwettqa minn membru nazzjonali ta’ l-Eurojust jew minn assistent skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 103 u ta’ kull użu magħmul minnhom tad-data li għaliha aċċedew.

6.   Ma għandha issir ebda konnessjoni ta’ xi parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u lanqas isir trasferiment tad-data li hemm fiha, li għaliha għandhom aċċess il-membri nazzjonali jew l-assistenti tagħhom, għal kwalunkwe sistema oħra ta’ kompjuter għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data mħaddma mill-Eurojust jew fil-Eurojust u lanqas ma għandu jsir downloading ta’ kwalunkwe partijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

7.   L-aċċess għad-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għandu jkun limitat għall-membri nazzjonali u l-assistenti tagħhom u ma għandux jiġi estiż għall-impjegati ta’ l-Eurojust.

8.   Il-miżuri kif previsti fl-Artikolu 118 għandhom jiġu adottati u implimentati.”

;

10)

L-Artikolu 103 għandu jiġi sostitwit b’li ġej:

“Artikolu 103

Kull Stat Membru għandu jiżgura li jinżamm reġistru ta’ kull trasmissjoni ta’ data personali fis-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mill-awtorità għall-amministrazzjoni tad-data file għal għan ta’ verifika ta’ l-ammissibilità jew le tat-tfittxija. Ir-reġistru jista’ jintuża biss għal dan il-għan u għandu jiġi mħassar mhux qabel perijodu ta’ sena iżda mhux aktar tard minn perijodu ta’ tlett snin.”

;

11)

l-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 112A

1.   Data personali miżmuma fi skedarji mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 92(4) bħala riżultat ta’ skambju ta’ informazzjoni skond dak il-paragrafu, għandha tinżamm biss għal dak iż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom ngħatat. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu mħassra mhux aktar tard minn sena wara li s-sejħa ta’ allarm jew allarmi dwar il-persuna jew l-oġġett ikkonċernati tkun tħassret mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

2.   Il-paragrafu 1 huwa bla preġudizzju għad-dritt ta’ Stat Membru li jżomm fl-iskedarji nazzjonali data relatata ma’ sejħa ta’ allarm partikolari li dak l-Istat Membru ikun ħareġ jew ma’ sejħa ta’ allarm konnessa ma’ azzjoni li tkun ittieħdet fuq it-territorju tiegħu. It-tul ta’ żmien li għalih tali data tista’ tinżamm f’tali skedarji għandu jkun irregolat mill-liġi nazzjonali.”

;

12)

L-Artikolu 113(1) għandu jiġi sostitwit b’li ġej:

“1.   Data minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 112 għandha tinżamm għal tul massimu ta’ 10 snin u data dwar oġġetti msemmija fl-Artikolu 99(1) għal tul massimu ta’ ħames snin.”

;

13)

l-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 113A

1.   Data minbarra dik personali miżmuma fi skedarji mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 92(4) bħala riżultat ta’ skambju ta’ informazzjoni skond dak il-paragrafu, għandha tinżamm biss għal dak iż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom ngħatat. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu mħassra mhux aktar tard minn sena wara li s-sejħa ta’ allarm jew allarmi dwar il-persuna jew l-oġġett ikkonċernati tkun tħassret mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

2.   Il-paragrafu 1 huwa bla preġudizzju għad-dritt ta’ Stat Membru li jżomm fl-iskedarji nazzjonali data relatata ma’ sejħa ta’ allarm partikolari li dak l-Istat Membru ikun ħareġ jew ma’ sejħa ta’ allarm konnessa ma’ azzjoni li tkun ittieħdet fuq it-territorju tiegħu. It-tul ta’ żmien li għalih tali data tista’ tinżamm f’tali skedarji għandu jkun irregolat mill-liġi nazzjonali.”

.

Artikolu 2

1.   L-Artikolu 1(1), (5) u (8) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jidħol fis-seħħ 90 jum wara d-data ta’ pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 1(11) u (13) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jidħol fis-seħħ 180 jum wara d-data ta’ pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   L-Artkolu 1(1), (5), (8), (11) u (13) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jidħol fis-seħħ għall-Islanda u n-Norveġja 270 jum wara d-data ta’ pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

4.   L-Artikolu 1(2), (3), (4), (6), (7), (9), (10) u (12) għandu jidħol fis-seħħ minn data li għad trid tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu, hekk kif il-prekondizzjonijiet meħtieġa ikunu ġew imwettqa.

Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jiffissa dati differenti dwar id-dħul fis-seħħ ta’:

L-Artikolu 1(2), (4) u (6),

L-Artikolu 1(3),

L-Artikolu 1(7),

L-Artikolu 1(9), L-Artikolu ġdid 101A,

L-Artikolu 1(9), L-Artikolu ġdid 101B,

L-Artikolu 1(12).

5.   Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kunsill skond il-paragrafu 4 għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 160, 4.7.2002, p. 7.

(2)  ĠU C 31 E, 5.2.2004, p. 122.

(3)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(5)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(6)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.