|
18.10.2005 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
121 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta' l-1 ta' Marzu 2005
li twaqqaf l-għamla kkodifikata u l-kodiċi għan-notifika tal-mard ta' l-annimali skond id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE
(innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2004) 993)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2005/176/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat tas-Sħubija tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, u l-aktar l-Artikolu 2(3) miġjub fih,
Wara li kkunsidrat l-Att tas-Sħubija tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, u l-aktar l-Artikolu 57 miġjub fih,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta' Diċembru 1982 fuq in-notifika tal-mard ta' l-annimali fil-Komunità (1) u l-aktar l-Artikolu 5 miġjub fiha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 82/894/KEE tipprovdi lista ta' mard ta' l-annimali, li l-okkorrenza tagħhom għandha tkun notifikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/807/KE (2) waqqfet l-għamla kkodifikata u l-kodiċi għan-notifika tal-mard ta' l-annimali skond id-Direttiva 82/894/KEE. |
|
(3) |
Il-pajjiżi li dalwaqt jissieħbu fl-Unjoni Ewropea kienu qed jagħmlu użu informali mis-Sistema tan-Notifika tal-Mard ta' l-Annimali (is-sistema ADNS), iżda l-parteċipazzjoni tagħhom issa għandha tiġi fformalizzata. |
|
(4) |
Diversi Stati Membri aġġustaw numru ta' kodiċi li jirreferu għar-reġjuni tagħhom, u issa għandhom isiru l-aġġustamenti li jkunu jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Komunità. |
|
(5) |
Fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Komunità għandhom jiddaħħlu mapep għall-pajjiżi differenti, biex ikun iċċarat it-tagħrif li jintbagħat lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi li jieħdu sehem fis-sistema ADNS. |
|
(6) |
Ċertu mard taż-żwiemel u mard tan-naħal dan l-aħħar tniżżlu fl-Anness I tad-Direttiva 82/894/KEE. B'hekk, dak il-mard għandu jitniżżel fil-lista tal-mard fid-dispożizzjonijiet fuq l-għamla kkodifikata u l-kodiċi għan-notifika tal-mard ta' l-annimali. |
|
(7) |
Fl-interess taċ-ċarezza u r-razzjonalità, id-Deċiżjoni 2000/807/KE għandha titħassar u tinbidel. |
|
(8) |
Biex titħares il-kunfidenzjalità tat-tagħrif mgħoddi, l-annessi tad-Deċiżjoni preżenti m'għandhomx ikunu ppubblikati. |
|
(9) |
Il-miżuri li hemm f'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentarja u s-Saħħa ta' l-Annimali. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-għan tal-proċeduri tan-notifika tal-mard ta' l-annimali, it-tagħrif fuq it-tifqigħ ta' mard skond id-Direttiva 82/894/KEE għandu jkun mgħoddi bl-użu ta' l-għamliet ikkodifikati stabbiliti fl-Annessi I, II u III għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Għall-għan tal-proċeduri tan-notifika tal-mard ta' l-annimali, it-tagħrif fuq it-tifqigħ ta' mard skond id-Direttiva 82/894/KEE għandu jkun mgħoddi bl-użu tal-kodiċi stabbiliti fl-Annessi IV sa X għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni 2000/807/KE qed titħassar.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, fl-1 ta' Marzu 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 378, tal-31.12.1982, p. 58. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).
(2) ĠU L 326, tat-22.12.2000, p. 80. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2004/67/KE (ĠU L 13, ta' 20.1.2004, p. 43).