18.10.2005 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
3 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta' Frar 2005
li tistabbilixxi l-perijodu li warajh it-tilqim kontra l-idrofobija/rabja huwa kkunsidrat bħala validu
(innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 190)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2005/91/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għal moviment mhux kummerċjali ta' l-annimali domestiċi u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (1) u b' mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistipula l-ħtiġijiet tas-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u insma (ferrets) u r-regoli li japplikaw għal kontrolli fuq dawn il-movimenti. |
(2) |
Dak ir-Regolament jipprovdi li l-annimal domestiku għandu jkollu passaport miegħu li jiċċertifika li sarlu tilqim kontra l-idrofobija/rabja, jew tilqim mill-ġdid (booster) jekk applikabbli, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-laboratorju ta' manifattura. |
(3) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-produttur tat-tilqim jistqarru b'mod ċar it-tmiem tal-perijodu ta' immunità u d-data li qabilha jrid iseħħ tilqim mill-ġdid (booster). |
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 ma jistipulax il-perijodu meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-immunità kontra l-idrofobija/rabja. Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġislazzjoni tal-Komunità, huwa xieraq li jiġi stabbilit perijodu ta' żmien li malli jgħaddi, t-tilqim kontra l-idrofoboja/rabja jew tilqim mill-ġdid (booster) għandu jiġi kkunsidrat bħala validu. |
(5) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Mingħajr ħsara għall-ħtiġijiet stipulati fl-Artikolu 6 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003, għall-iskop ta' l-Artikolu 5(1) (b) ta' dak ir-Regolament, tilqim kontra l-idrofobija/rabja għandu jkun ikkunsidrat bħala validu 21 ġurnata mid-data tat-tlestija tal-protokoll ta' tilqim meħtieġ mill-manifattur għat-tilqim primarju fil-pajjiż li fih iseħħ it-tilqim.
Madankollu, it-tilqim kontra l-idrofobija/rabja għandu jkun ikkunsidrat bħala validu mid-data tat-tilqim mill-ġdid (booster) fejn it-tilqim jingħata fi ħdan il-perijodu ta' validità indikat mill-manifattur ta' tilqim preċedenti fil-pajjiż li fih it-tilqim preċedenti kien diġa sar. It-tilqim għandu jkun ikkunsidrat bħala tilqim primarju fin-nuqqas ta' ċertifikat veterinarju li jikkonferma t-tilqim preċedenti.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-7 ta' Frar 2005.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, fit-2 ta' Frar 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 146, tat-13.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1994/2004 (ĠU L 344, ta' l-20.11.2004, p. 17).