7.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
483 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, Euratom) Nru 2273/2004
tat-22 ta' Diċembru 2004
li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru. 2728/94 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għal azzjonijiet esterni
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri (1),
Billi:
(1) |
L-adeżjoni ta' 10 Stati Membri ġodda seħħet fl-1 ta' Mejju 2004. |
(2) |
Barra minn hekk, għandu jittieħed kont tal-possibbiltà ta' adeżjonijiet oħrajn. |
(3) |
Il-Komunitajiet taw self u garanziji ta' self lill-pajjiżi li ser jaderixxu jew għal proġetti esegwiti f'dawk il-pajjiżi. Dak is-self u dawk il-garanziji huma attwalment koperti mill-Fond ta' Garanzija u jibqgħu jgħoddu jew fis-seħħ wara d-data ta' adeżjoni. Minn dik id-data jieqfu milli jkunu azzjonijiet esterni tal-Komunitajiet u għalhekk għandhom jiġu koperti direttament mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea u mhux aktar mill-Fond ta' Garanzija. |
(4) |
Il-Bank Ewropew ta' Investiment għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bl-ammont ta' l-operazzjonijiet pendenti tiegħu taħt il-garanzija Komunitarja fl-Istati Membri ġodda fil-jum ta' adeżjoni. |
(5) |
Ir-rapport imħejji mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 2728/94 tal-31 ta' Ottubru 1994 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għal azzjonijiet esterni (2) jikkonkludi li mhux meħtieġ li jiġi emendat xi parametru tal-Fond ta' Garanzija sabiex jittieħed kont tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. |
(6) |
Minħabba l-ammont ta' informazzjoni meħtieġ għar-rapport annwali li jitlob l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru. 2728/94 u l-komplessità tal-proċeduri li jridu jitwettqu qabel ma jiġi sottomess ir-rapport, iż-żmien disponibbli għall-preparazzjoni tiegħu għandu jiġi estiż. |
(7) |
Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru. 2728/94 għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens. |
(8) |
It-Trattati ma jipprovdu l-ebda poteri, għajr dawk previsti mill-Artikolu 308 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 203 tat-Trattat tal-Euratom, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2728/94 hu b'dan emendat kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 1, is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied: “L-operazzjonijiet kollha mwettqa għall-benefiċċju ta' pajjiż terz jew għall-iskop li jiġu finanzjati proġetti f'pajjiż terz ma għandhomx jibqgħu fil-firxa ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament b'effett mid-data ta' meta dak il-pajjiż jaderixxi ma' l-Unjoni Ewropea.”; |
(2) |
L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal: “Artikolu 3a Wara l-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid ma' l-Unjoni Ewropea, l-ammont immirat għandu jitnaqqas b'ammont ikkalkulat abbażi ta' l-operazzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 1. Sabiex jiġi kkalkulat l-ammont tat-tnaqqis, ir-rata tal-persentaġġ imsemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 applikabbli fid-data ta' adeżjoni għandha tiġi applikata lill-ammont ta' dawk l-operazzjonijiet pendenti f'dik id-data. Li jibqa' għandu jitħallas lura f'intestatura speċjali fid-dikjarazzjoni ta' dħul fil-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.” |
(3) |
Fl-Artikolu 7, id-data “31 ta' Marzu” għandha tiġi sostitwita b' “31 ta' Mejju”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih ikun ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2004.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, nhar it-22 ta' Diċembru 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
C. VEERMAN
(2) ĠU L 293, 12.11.1994, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru. 1149/1999 (ĠU L 139, 2.6.1999, p. 1).