5.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

456


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2244/2004

tat-23 ta' Diċembru 2004

dwar il-ftuħ ta’ kwoti tariffarji għas-sena 2005 għall-importazzjoni fil-Komunità Ewropea ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati li jorġinaw mir-Rumanija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jistipula l-arranġamenti kummerjċali għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/626/KE tal-5 ta’ Ottubru 1998 dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll għall-addattament ta’ l-aspetti kummerċjali tal-Ftehim Ewropew bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, sabiex jitqiesu l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Isvezja ma’ l-Unjoni Ewropea u r-riżultati tan-negozjati agrikoli ta’ l-Urugway Round, inkluż it-titjib ta’ l-iskema preferenzjali preżenti (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 3 dwar il-kummerċ għal prodotti agrikoli pproċessati tal-Ftehim Ewropew mar-Rumanija, kif emendat bil-Protokoll għall-adattament ta’ l-aspettii kummerċjali ta’ dan il-Ftehim, jipprovdi għat-tnaqqis fil-komponent agrikolu tad-dazji applikabbli għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw mir-Rumanija, fil-limiti tal-kwoti tarrifarji. Dawn il-kwoti għandhom jinfetħu għall-2005.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komuni (3) jistipula r-regoli għat-tmexxija tal-kwoti tariffarji. Huwa xieraq li jiġi mħabbar li l-kwoti tariffarji miftuħa minn dan ir-Regolament għandhom jitmexxew bi qbil ma’ dawn ir-regoli.

(3)

[Il-miżuri mniżżla f’dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati li mhumiex imniżżla fl-Anness I],

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwoti tariffarj Komunitarji għall-prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw mir-Rumanija, imniżżla fl-Anness se jinfetħu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005 taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Anness.

Artikolu 2

Il-kwoti tariffarji tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 1 se jitmexxew mill-Kummissjoni bi qbil ma’ l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika milll-1 ta’ Jannar, 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-23 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kummissjoni

Gunter VERHEUGEN

Viċi-President


(1)  ĠU L 318, ta’ l-20.12.1993, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2580/2000 (ĠU L 298, tal-25.11.2000, p. 5).

(2)  ĠU L 301, tal-11.11.1998, p. 1.

(3)  ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2286/2003 (ĠU L 343, tal-31.12.2003, p. 1).


ANNESS

Nru ta’ l-Intestatura

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Kwota għall-2005

(tunnellati)

Rata għad-dazju applikabbli (1)

09.5431

ex 1704

Ħelu taz-zokkor (inkluża ċ-ċikkulata bajda), li ma fihx kakaw, ħlief għal estratt ta’ likorizja li fih aktar minn 10% mill-piż ta’ zokkor tal-kannamieli imma li m’għandux sustanzi oħra miżjuda, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1704 90 10  (*)

2 100

0 + RAC

09.5433

ex 1806

Ċikkulata u prodotti oħra ta’ l-ikel li fihom il-kakaw* li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1806 10 15 jew 1806 20 70 .

1 500

0 + RAC

09.5435

ex 1902

Għaġin, imsajjar jew le, mimli jew le, ippreparat jew le, ħlief għal pasta mimlija li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1902 20 10 u 1902 20 30 , kuskus, ippreparati jew le

600

0 + RAC

09.5437

ex 1904

Ikel ippreparat miksub permezz ta’ l-infiħ jew l-inkaljar taċ-ċereali jew prodotti taċ-ċereali (per eżempju korn flejks); ċereali (li mhux mais (qamħirrum)) fil-forma granulari jew fil-forma ta’ flejks jew granuli maħduma (ħlief għad-dqiq u qamħ mitħun mhux raffinat), imsajjar minn qabel, jew ippreparat mod ieħor, mhux speċifikat jew inkluż x’imkien ieħor, ħlief għal prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1904 20 10

438

0 + RAC

09.5439

1905

Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u għaġniet oħra, li fihom il-kakaw jew le; ostji tat-tqarbin, pilloli vojta tat-tip li huma tajbin għall-użu farmaċewtiku, wejfers tas-siġillar, karta ta’ l-ostja u prodotti simili oħra

1 875

0 + RAC

09.5441

2101 30 19

2101 30 99

Sostituti tal-kafe inkaljati

Estratti, essenzi u konċentrati ta’ sostituti tal-kafe inkaljati ħlief għal dawk taċ-ċikwejra inkaljata

163

0 + RAC

09.5443

2105 00

Ġelat u silġ ieħor li jittiekel, kemm jekk fih il-kakaw u kemm jekk le

114

0 + RAC

09.5445

0405 20 10

0405 20 30

ex 2106

ex 3302 10

3302 10 29

Dlik magħmul minn prodotti tal-ħalib b’kontenut ta’ xaħam, bil-piż, ta’ 39% jew iżjed imma li ma jabqiżx il-75%

Preparazzjonijiet ta’ l-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi x’imkien ieħor ħlief għal dawk li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2106 10 20 , 2106 90 20 u 2106 90 92 u ġuleppi taz-zokkor imħawwra jew ikkuluriti*

Taħlitiet ta’ sustanzi bir-riħa u taħlitiet (inklużi soluzzjonijiet alkoħoliċi) b’bażi ta’ wieħed jew aktar sustanzi, ta’ tip użat għall-industriji tax-xorb:

Oħrajn

1 050

0 + RAC

09.5447

2202 90 91

2202 90 95

2202 90 99

Xorb non-alkoħoliku mingħajr frott jew meraq tal-ħaxix tal-kodiċi NM 2009 , li fihom prodotti tal-kodiċi NM 0401 sa 0404 jew xaħam miġjub minn prodotti tal-kodiċi NM 0401 sa 0404

100

0 + RAC


(1)  RAC = komponenti agrikoli mnaqqsa (reduced agricultural components) (ikkalkulat skond l-ammonti bażiċi stabbiliti fil-protokoll 3 tal-Ftehim) applikabbli fil-limiti kwantitattivi tal-kwoti. Tali komponenti agrikoli mnaqqsa huma suġġetti għad-dazju massimu stipulat fit-tariffa doganali komuni, jekk hemm, u fil-każ tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1704 10 91, 1704 10 99, 2105 00 10, 2105 00 91 jew 2106 90 10, għad-dazju massimu provdut f’dan il-Ftehim.

(*)  Ħlief għal oġġetti li jinkludu 70% jew aktar bil-piż ta’ zokkor tal-kannamieli (inkluż zokkor invertit imniżżel bħala zokkor tal-kannamieli), li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1704 90 51, ex 1704 90 99, ex 1806 20 80, ex 1806 20 95, ex 1806 90 90 jew ex 2106 90 98.