15.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

64


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2204/2004

tal-21 ta' Diċembru 2004

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1915/83 dwar regoli dettaljati ta' implimentazzjoni dwar iż-żamma ta' kontijiet biex ikun determinat id-dħul ta' ażjendi agrikoli

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 79/65/KEE tal-15 ta’ Ġunju 1965 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni ta’ kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1915/83 (2), il-Kummissjoni għandha tħallas miżata standard lill-Istat Membri kkonċernati għal kull prospett tal-biedja mimli kif għandu jkun li jkun mgħoddi lilha fil-perjodu preskritt f'Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament. Għaċ-ċarezza, xi dispożizzjonijiet dwar dawk il-ħlasijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1859/82 tat-12 ta' Lulju rigward l-għażla ta’ azjendi li jippreżentaw il-prospetti sabiex jiġi ddeterminat id-dħul tal-azjendi agrikoli (3) għandhom ikunu inklużi fir-Regolament (KEE) Nru 1915/83.

(2)

Għal raġunijiet baġitarji u biex tkun iffaċilitata l-ġestjoni finanzjarja, in-numru massimu ta' prospetti tal-biedja li għandhom jitħallsu lil kull Stat Membru għandu jkun limitat għan-numru fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 1859/82.

(3)

Għandu jkun hemm lok għal xi flessibilità dwar in-numru ta' prospetti tal-biedja eliġibbli għal kull diviżjoni, sa numru massimu ta' prospetti tal-biedja għal kull Stat Membru kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 1859/82 jekk l-Istat Membru kkonċernat għandu iktar minn diviżjoni waħda.

(4)

Jekk in-numru tal-prospetti tal-biedja mimlija kif għandu jkun mibgħuta qabel l-iskadenza għal kull diviżjoni jew għal kull Stat Membru jkun inqas minn 80 % tan-numru iffissat għad-diviżjoni jew l-Istat Membru kkonċernat, il-ħlas standard għal dik id-diviżjoni jew dak l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun imnaqqas sa mis-sena tal-kontabilità 2005. Madanakollu, huwa xieraq, bħala miżura ta' tranżizzjoni, li l-applikazzjoni tas-sistema ta' riduzzjoni tkun posposta għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, biex iħallu lill-Istati Membri l-ġodda jaddattaw ruħhom sew għas-sistema li tinżamm il-kontabilità biex ikun jista' jiġi kkalkulat id-dħul tal-azjendi agrikoli li hija xi ħaġa ġdida għalihom.

(5)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1915/83 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Komunitarju għan-Netwerk dwar l-Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1915/83 huwa sostitwit b'li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tħallas miżata fissa lill-Istati Membri kkonċernati għal kull prospett tal-biedja mimli kif għandu jkun li jkun mgħoddi lilha fil-perjodu preskritt f'Artikolu 3.

1a.   In-numru totali ta' prospetti tal-biedja mimlija u mibgħuta kif għandu jkun li huma eliġibbli għall-miżata standard m'għandhomx ikunu iktar min-numru totali ta' azjendi li jirritornaw il-prospetti stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 1859/82

Għall-Istati Membri li għandhom iktar minn diviżjoni waħda, in-numru ta' prospetti tal-biedja mimlija u mibgħuta kif għandu jkun li huma eliġibbli għall-miżata standard għal kull diviżjoni, jista' jkun sa 20 % ogħla min-numru stabbilit għad-diviżjoni kkonċernata, sakemm dak in-numru totali ta' prospetti tal-biedja mimlija u mibgħuta kif għandu jkun tal-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ogħla min-numru totali stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 1859/82.

Jekk in-numru tal-prospetti tal-biedja mimlija u mibgħuta kif għandu jkun rigward diviżjoni jew Stat Membru, jkun inqas minn 80 % tan-numru ta' azjendi li jirritornaw il-prospetti stabbilit għal dik id-diviżjoni jew għall-Istat Membru kkonċernat, il-ħlas standard għall-prospetti tal-biedja għal dik id-diviżjoni jew dak l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun imnaqqas b':

10 % għas-sena tal-kontabilità 2005;

20 % għas-sena tal-kontabilità 2006 u s-snin ta' wara.

Jekk ikun hemm tnaqqis kemm għad-diviżjoni kif ukoll għall-Istat Membru kkonċernat, it-tnaqqis għandu jkun applikat fuq livell nazzjonali biss.

It-tnaqqis għas-sena tal-kontabilità 2005 stabbilit fl-ewwel inċiż tat-tielet sottoparagrafu m'għandux japplika għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-sena tal-kontabilità 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 21 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 109, 23.6.1965, p. 1859/65. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 660/2004 (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 97).

(2)  ĠU L 190, 14.7.1983, p. 25. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1388/2004 (ĠU L 255, 31.7.2004, p. 5).

(3)  ĠU L 205, 13.7.1982, p. 40. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 730/2004 (ĠU L 113, 20.4.2004, p. 8).