7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

287


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2182/2004

tas-6 ta' Diċembru 2004

dwar midalji u tokens simili għall-muniti ta' l-euro

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 123(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Jannar 1999, l-euro saret il-munita legali ta' l-Istati Membri parteċipanti skond il-ħtiġijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/1998 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-intoduzzjoni ta' l-euro (2) u ta' dawk il-pajjiżi terzi li kkonkludew ftehim mal-Komunitá dwar l-introduzzjoni ta' l-euro, li huma Monako, San Marino u l-Belt tal-Vatikan.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/1998 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar id-denominazzjonijiet u speċifikazzjonijijiet tekniċi tal-muniti ta' l-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (3) ddefinixxa l-karatteristiċi bażiċi tal-muniti ta' l-euro. Muniti ta' l-euro, wara l-introduzzjoni tagħhom f'Jannar 2002, jiċċirkolaw fiż-żona ta' l-euro bħala l-unika valuta legali f'forma mettallika.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2002/664/KE tad-19 ta' Awwissu 2002 dwar midalji u tokens simili għall-muniti ta' l-euro (4) rrakkomandat li ċerti karatteristiċi viżwali għandhom jiġu evitati fil-bejgħ u l-produzzjoni, l-ħażna, l-importazzjoni u d-distribuzzjoni, għall-bejgħ jew għal għanijiet kummerċjali oħra, ta' midalji u tokens li d-daqs tagħhom huwa viċin ta' dak tal-muniti ta' l-euro.

(4)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 1997 dwar l-użu tas-simbolu ta' l-euro stabbiliet is-simbolu (€) u sejħet lil dawk kollha li jużaw il-munita biex jużaw is-simbolu għad-deskrizzjoni ta' ammonti monetarji denominati f' euro.

(5)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2001 dwar il-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur tad-disinn komuni tal-faċċata tal-muniti ta' l-euro (5) ddefiniet l-arranġamenti li għandhom japplikaw għar-riproduzzjoni tad-disinn komuni tal-faċċata tal-muniti ta' l-euro.

(6)

Il-karratteristiċi viżwali tal-muniti ta' l-euro ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fit-28 ta' Diċembru 2001 (6).

(7)

Ċittadini jistgħu jiġu mġiegħla jaħsbu li l-midalji u t-tokens li jkollhom it-termini “euro” jew “euro ċenteżmu”, is-simbolu ta' l-euro, jew disinn bħal dak li jidher fuq il-faċċata komuni jew fuq kwalunkwe faċċata nazzjonali tal-muniti ta' l-euro, għandhom status ta' valuta legali f' xi Stat Membru li adotta l-euro, jew f'pajjiż terz parteċipant.

(8)

Hemm riskju li qed jikber li midalji u tokens li għandhom daqs u propjetajiet mettalliċi bħal ta' l-euro jistgħu jiġu wżati illegalment minflok il-muniti ta' l-euro.

(9)

Huwa għalhekk importanti li midalji u tokens li għandhom karatteristiċi viżwali, daqs jew propjetajiet mettalliċi bħal dawk ta' l-euro m' għandhomx jinbiegħu, jiġu prodotti, importati jew mqassma għall-iskop ta' bejgħ jew għal għanijiet kummerċjali.

(10)

Kull Stat Membru għandu jintroduċi sanzjonijiet applikabbli għall-ksur, bil-ħsieb li tintlaħaq protezzjoni ekwivalenti ta' l-euro kontra midalji u tokens simili fil-Komunitá kollha.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:

(a)

“euro” tfisser il-valuta legali ta' l-Istati Membri parteċipanti kif definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 974/98 u ta' dawk il-pajjizi terzi parteċipanti li kkonkludew ftehim mal-Komunitá Ewropea dwar l-introduzzjoni ta' l-euro, minn issa 'l quddiem msejjħa “pajjiżi terzi parteċipanti”;

(b)

“simbolu ta' l-euro” jfisser is-simbolu li jirrappreżenta l-euro (€) kif muri u deskritt fl-Anness I;

(ċ)

“midalji u tokens” jfissru dawk l-oġġetti metalliċi, li m' humiex dawk vojta maħsuba biex jinħadmu l-muniti, li għandhom id-dehra u/jew propjetajiet tekniċi ta' munita imma mhumiex maħruġa taħt dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali tal-pajjiżi terzi parteċipanti jew dispożizzjonijiet leġislattivi oħra barranin, u li għalhekk m' humiex mezz legali ta' ħlas jew valuta legali;

(d)

“deheb”, “fidda” u “platinu” jfissru ligi ta' deheb, fidda u platinu b'finezza milleżimali fil-piż ta' mill-inqas 375, 500 u 850 rispettivament. Din id-definizzjoni m'għandiex tikkonċerna konvenzjonijiet dwar il-boll ta' garanzija applikabbli fl-Istati Membri;

(e)

“Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew” (minn issa 'l quddiem msejjaħ “ETSC”) ifisser l-entitá stabbilita minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni […];

(f)

“strixxa ta' referenza” għandu jkollha t-tifsira moghtija lilha f'Sezzjoni 1 ta' Anness II.

Artikolu 2

Disposizzjonijiet ta' protezzjoni

Salvi l-Artikoli 3 u 4, il-produzzjoni u l-bejgħ ta' midalji u tokens, u l-importazzjoni u d-distribuzzjoni għall-bejgħ jew għal għanijiet kummerċjali oħra, għandhom ikunu projbiti fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

meta t-termini “euro” u “euro ċenteżmu” jew is-simbolu tal-euro jidhru fuq il-faċċata; jew

(b)

meta d-daqs huwa fil-limitu ta' l-istrixxa ta' referenza; jew

(ċ)

meta kwalunkwe disinn li jidher fuq il-faċċata ta' midalji u tokens huwa simili għal kwalunkwe disinn nazzjonali tal-faċċata prinċipali jew għal faċċata komuni ta' wara tal-muniti ta' l-euro, jew ikun identiku jew simili għad-disinn tax-xifer tal-munita ta' 2 euro.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet

1.   Midalji u tokens li għandhom it-termini “euro” jew “euro ċenteżmu” jew is-simbolu ta' l-euro mingħajr valur nominali assoċjat m' għandhomx ikunu projbiti meta d-daqs tagħhom huwa barra mill-istrixxa ta' referenza.

2.   Midalji u tokens li d-daqs tagħhom hu fil-limitu ta' l-istrixxa ta' referenza m'għandhomx ikunu projbiti meta:

(a)

ikollhom toqba ta' iżjed minn 6 millimetri fin-nofs, jew meta l-forma tagħhom tkun poligonali iżda ma taqbiżx sitt ixfar, sakemm il-kondizzjoni taħt punt (ċ)(ii) hi rispettata; jew

(b)

huma magħmulin minn deheb jew fidda jew platinu; jew

(ċ)

meta jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-kumbinazzjonijiet ta' dijametru u tul tax-xifer tal-midalji u t-tokens ikunu b'mod konsistenti barra mill-limiti definiti f'kull wieħed mill-każijiet speċifikati f'Sezzjoni 2 ta' Anness II; u

(ii)

il-kumbinazzjonijiet ta' dijametru u proprjetajiet mettalliċi ta' midalji u t-tokens ikunu b'mod konsistenti barra mill-limiti definiti f'kull wieħed mill-każijiet speċifikati f'Sezzjoni 3 ta' Anness II.

Artikolu 4

Derogi b'awtorizzazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tagħti awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-użu tat-termini “euro” u “euro ċenteżmu” jew għas-simbolu ta' l-euro taħt kondizzjonijiet kontrollati ta' l-użu f' każijiet fejn ma jeżisti l-ebda riskju ta' konfużjoni. F'dawn il-każijiet, l-operatur ekonomiku konċernat fi Stat Membru għandhu jkun kjarament identifikabbli fuq il-faċċata tal-midalja jew token u l-indikazzjoni “mhux valuta legali” għandha tiġi stampata fuq in-naħa prinċipali u fuq wara tal-midalja jew token.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun kompetenti li tiddikjara jekk disinn hux “simili” fis-sens tat-tifsira ta' l-Artikolu 2(ċ).

Artikolu 5

Midalji u tokens eżistenti

Midalji u tokens li nħarġu qabel ma daħal fis-seħħ dan ir-Regolament li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2,3 u 4 jistgħu jkomplu jiġu wżati sa mhux iktar tard mill-2009, sakemm dawn ma jistgħux jintużaw minflok muniti ta' l-euro. Dawn il-midalji u tokens għandhom jiġu reġistrati, jekk ikun xieraq, skond il-proċeduri applikabbli fl-Istati Membri u kkomunikati lill-ETSC.

Artikolu 6

Sanzjonijiet

1.   Stati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad- disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Stati Membri għandhom jadottaw sa l-1 ta' Lulju 2005 il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi sabiex japplikaw dan l-Artikolu. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Artikolu 7

Applikabbilitá

Ir-Regolament għandu japplika fl-Istati Membri parteċipanti kif definit fir-Regolament (KE) Nru 974/98.

Artikolu 8

Dħul fis-Seħħ

Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil–Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea.

Magħmul fi Brussel, nhar it-18 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

H. HOOGERVORST


(1)  ĠU C , 134, 12.5.2004, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2596/2000 (ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2.)

(3)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6. Regolament kif l-aħħar emendat minn Regolament (KE) Nru 423/1999 (ĠU L 52, 27.2.1999,p. 2).

(4)  ĠU L 225, 22.8.2002, p. 34.

(5)  ĠU Ċ 318, 13.11.2001, p. 3.

(6)  ĠU Ċ 373, 28.12.2001, p. 1.


ANNESS I

DEHRA TAS-SIMBOLU TA' L-EURO KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 1

Image


ANNESS II

1.   Definizzjoni ta' l-istrixxa ta' referenza msemmija fl-Artikolu 1

(a)

L-istrixxa ta' referenza għad-daqs tal-midaliji u t-tokens hi s-sensiela ta' kumbinazzjonijiet bejn il-valuri għad-dijametru u l-valuri għall-għoli tax-xifer inklużi fil-limiti tar-referenza għad-dijametru u l-limiti tar-referenza għall-għoli tax-xifer rispettivament.

(b)

Il-limiti ta' referenza għad-dijametru huma bejn 19,00 millimetri u 28,00 millimetri.

(ċ)

Il-limiti ta' referenza għall-għoli tax-xifer huma bejn 7,00 % u 12,00 % ta' kull valur fil-limiti tar-referenza għad-djametru.

2.   Limiti msemmija f'artikolu 3(2)(ċ)(i)

Limiti definiti

 

Dijametru

(mm)

Għoli tax-xifer

(mm)

1.

19,45 – 20,05

1,63 – 2,23

2.

21,95 – 22,55

1,84 – 2,44

3.

22,95 – 23,55

2,03 – 2,63

4.

23,95 – 24,55

2,08 – 2,68

5.

25,45 – 26,05

1,90 – 2,50

3.   Limiti msemmija fl-artikolu 3(2)(ċ)(II)

 

Dijametru(mm)

Propjetajiet Mettalliċi

1.

19,00 – 21,94

Konduttivitá elettrika bejn 14,00 u 18,00  % IACS

2.

21,95 – 24,55

Konduttivitá elettrika bejn:

14,00 u 18,00  % IACS; jew

4,50 u 6,50  % IACS, sakemm il-midalja jew token ma jkunux ta' liga waħda u l-mument manjetiku tagħhom jkun barra mill-limiti bejn 1,0 sa 7,0 μVs.ċm

3.

24,56 – 26,05

Konduttivitá elettrika bejn:

15,00 u 18,00  % IACS; jew

13,00 u 15,00  % IACS, sakemm il-midalja jew token ma jkunux ta' liga waħda u l-mument manjetiku tagħhom jkun barra mil-limiti bejn 1,0 sa 7,0 μVs.ċm

4.

26,06 – 28,00

Konduttivitá elettrika bejn 13,00 u 15,00  % IACS, sakemm il-midalja jew token ma jkunux ta' liga waħda u l-mument manjetiku tagħhom jkun barra mill-limiti bejn 1,0 sa 7,0 μVs.ċm

4.   Rappreżentazzjoni grafika

Il-grafika li ġejja tipprovdi illustrazzjoni indikattiva tad-definizzjonijiet f'dan l-Anness:

Image Test ta 'immaġni