15.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1741/2004

tas-7 ta’ Ottubru 2004

li jemenda r-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1291/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għall-prodotti agrikoli

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (1) u partikolarment l-Artikolu 26(3) tiegħu, u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli,

billi:

(1)

Meta l-liċenzji ta’ l-importazzjoni jintużaw sabiex jistabbilixxu d-dazju fuq l-importazzjoni preferenzjali taħt kwoti ta’ tariffi, jista' jkun hemm riskju ta' frodi billi jintużaw liċenzji falsifikati, b'mod partikolari, f'każijiet fejn hemm differenza kbira bejn id-dazju sħiħ jew id-dazju mnaqqas jew dak żero. Sabiex jitnaqqas dan il-periklu ta’ frodi, għandu jkun hemm mekkaniżmu sabiex tiġi vverifikata l-awtentiċita' tal-liċenzji ppreżentati.

(2)

Għalhekk huwa xieraq li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 (2) jiġi emendat.

(3)

Il-miżuri stabbiliti b'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjonijiet tal-Kumitati ta' Ġestjoni kollha kkonċernati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, il-paragrafu 5 li ġej għandu jiżdied:

“5.   L-uffiċċju doganali li jaċċetta d-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa għandu jżomm kopja tal-liċenzja jew l-estratt ippreżentat li jagħti d-dritt għal arranġamenti preferenzjali. Fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, għandhom jintbagħtu lill-korp tal-ħruġ indikat fuq il-liċenzji, kopji ta’ mill-inqas 1 % tal-liċenzji ppreżentati, u mill-inqas żewġ liċenzji kull sena u għal kull uffiċċju doganali sabiex tiġi vverifikata l-awtentiċita’ tagħhom. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu m'għandhomx japplikaw għal liċenzji elettroniċi jew liċenzji li għalihom ir-regoli tal-Komunità jistabbilixx metodu ta’ verifika ieħor”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Ottubru 2004.

Għall-Kummissjoni

Franz FISCHLER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 186/2004 (ĠU L 29, 3.2.2004, p. 6).

(2)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 636/2004 (ĠU L 100, 6.4.2004, p. 25).