30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

348


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1690 /2004

ta' l-24 ta' Settembru 2004

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru. 1452/2001, (KE) Nru. 1453/2001 u (KE) Nru. 1454/2001 fir-rigward il-kondizzjonijiet biex jiġu esportati mill-ġdid u mibgħuta mill-ġdid il-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 37(2) u 229(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1452/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jintroduċi miżuri speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli għad-dipartimenti Franċiżi barranin, li jemenda d-Direttiva 72/462/KEE u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru. 525/77 u (KEE) Nru. 3763/91 (POSEIDOM) (2), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1453/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jintroduċi miżuri speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli għall-Azores u Madeira u jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 1600/92 (POSEIMA) (3), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1454/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jintroduċi miżuri speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli għal Gzejjer Kanarji u jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 1601/92 (POSEICAN) (4) jipprojbixxu li jiġu esportati mill-ġdid u mibgħuta mill-ġdid il-prodotti koperti minn arranġamenti speċifiċi tal-provvista, ħlief fi ftit każijiet eċċezzjonali.

(2)

Ir-Regolamenti (KE) Nri. 1452/2001 u 1453/2001 jawtorizzaw l-esportazzjoni ta' prodotti proċessati lil pajjiżi terzi sabiex iħeġġu l-kummerċ reġjonali u l-kunsinni tradizzjonali ta' prodotti proċessati.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru. 1454/2001 jawtorizza l-esportazzjoni u l-kunsinni tradizzjonali ta' prodotti proċessati. Jawtorizza wkoll l-esportazzjoni ta' prodotti fl-istat mhux ipproċessat tagħhom jew prodotti li jirriżultaw minn imballaġġ lokali ta' tali prodotti, taħt ċerti kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni, inkluż ir-rimbors ta' għajnuna jew ħlas ta' dazji ta' importazzjoni.

(4)

Sabiex attività ekonomika tkun tista' tiżviluppa fir-reġjuni l-iktar imbegħda, jeħtieġ li meta jiġu esportati jew mibgħuta l-prodotti koperti minn arranġamenti speċifiċi tal-provvista speċifiċi dan għandu jiġi awtorizzat wara li l-għajnuna tkun ġiet rimborsata jew id-dazji ta' importazzjoni jkunu ġew imħallsa.

(5)

Billi l-kummerċ fi prodotti koperti minn arranġamenti speċifiċi tal-provvista bejn l-Azores u Madeira rriżulta f'ċerti transazzjonijiet spekulattivi, qed jiġi propost li tali kummerċ fi prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista jiġi ristrett biss għal prodotti proċessati f'dawn ir-reġjuni l-iktar imbegħda.

(6)

Ir-Regolamenti (KE) Nri. 1452/2001, 1453/2001 u 1454/2001 għandhom jiġu emendati għaldaqstant,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru. 1452/2001 huwa hawnhekk sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista jistgħu jiġu esportati mill-ġdid lil pajjiżi terzi jew mibgħuta mill-ġdid lill-bqija tal-Komunità biss taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2). Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu b'mod partikolari r-rimbors ta' l-għajnuna rċevuta taħt l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 jew il-ħlas ta' dazji ta' l-importazzjoni fuq il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1. Din ir-restrizzjoni ma għandiex tapplika għal flussi tal-kummerċ bejn id-DFB.

Ir-restrizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandiex tapplika għal prodotti li huma proċessati fid-DFB u li fihom materja prima koperti mill-arranġamenti speċjali tal-provvista, fejn dawk il-prodotti:

(a)

huma esportati fil-kuntest ta' esportazzjoni tradizzjonali jew kummerċ reġjonali mid-DFB lil pajjiżi terzi, jew

(b)

huma mibgħuta fil-kuntest ta' kunsinni tradizzjonali mid-DFB lill-bqija tal-Komunità.

L-ebda rifużjoni ta' l-esportazzjoni ma għandha tingħata għall-prodotti msemmija fit-tieni subparagrafu.”.

Artikolu 2

L-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru. 1453/2001 huwa hawnhekk sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista jistgħu jiġu esportati mill-ġdid lil pajjiżi terzi jew mibgħuta mill-ġdid lill-bqija tal-Komunità biss taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 35(2). Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu b'mod partikolari r-rimbors ta' l-għajnuna rċevuta taħt arranġamenti speċifiċi tal-provvista għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 jew il-ħlas ta' dazji ta' l-importazzjoni fuq il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1.

Ir-restrizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandiex tapplika għal prodotti li huma proċessati fir-reġjuni ta' l-Azores u Madeira u li fihom materja prima koperti mill-arranġamenti speċjali tal-provvista, fejn dawk il-prodotti:

(a)

huma esportati fil-kuntest ta' esportazzjoni tradizzjonali mill-Gzejjer Kanarji lil pajjiżi terzi, jew

(b)

huma mibgħuta fil-kuntest ta':

(i)

kunsinni tradizzjonali mill-Azores jew Madeira lill-bqija tal-Komunità, jew

(ii)

flussi tal-kummerċ bejn l-Azores u Madeira.

L-ebda rifużjoni ta' l-esportazzjoni ma għandha tingħata għall-prodotti msemmija fit-tieni subparagrafu.”

Artikolu 3

L-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru. 1454/2001 huwa hawnhekk sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista jistgħu jiġu esportati mill-ġdid lil pajjiżi terzi jew mibgħuta mill-ġdid lill-bqija tal-Komunità biss taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2). Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu b'mod partikolari r-rimbors ta' l-għajnuna rċevuta taħt l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 jew il-ħlas ta' dazji ta' l-importazzjoni fuq il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1.

Ir-restrizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandiex tapplika għal prodotti li huma proċessati fil-Gzejjer Kanarji u li fihom materja prima koperti mill-arranġamenti speċjali tal-provvista, fejn dawk il-prodotti:

(a)

huma esportati fil-kuntest ta' esportazzjoni tradizzjonali mill-Gzejjer Kanarji lil pajjiżi terzi, jew

(b)

huma mibgħuta fil-kuntest ta' kunsinni tradizzjonali mill-Gzejjer Kanarji lill-bqija tal-Komunità.

L-ebda rifużjoni ta' l-esportazzjoni ma għandha tingħata għall-prodotti msemmija fit-tieni subparagrafu.”

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fl-24 ta' Settembru 2004

Għall-Kunsill

Il-President

L. J. BRINKHORST


(1)  Opinjoni li ngħatat fil-21 ta’ April 2004 (għadha mhiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 198, tal-21.7.2001, p. 11. Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1782/2003 (ĠU L 270, tal-21.10.2003, p.1).

(3)  ĠU L 198, tal-21.7.2001, p. 26. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 55/2004 (ĠU L 8, ta' l-14.1.2004, p.1).

(4)  ĠU L 198, tal-21.7.2001, p. 45. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 1782/2003.