30.5.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
238 |
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1628/2004
tat-13 ta' Settembru 2004
li jimponi taxxa kompensatorja definittiva u li jiġbor definittivament it-taxxa provviżorja imposta fuq l-importazzjoni ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta' Ottubru 1997 dwar protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. MIŻURI PROVVIŻORJI
(1) |
Fid-19 ta' Mejju, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1008/2004 (2) (“ir-Regolament provviżorju”), imponiet taxxa kompensatorja provviżjorja fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja. |
B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI
(2) |
Wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri kompensatorji provviżorji, għadd ta' partijiet interessati ressqu bil-miktub l-opinjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu biex jiġu mismugħa ngħataw din l-opportunità. |
(3) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika kull informazzjoni li qieset meħtieġa għas-sejbiet definittivi. |
(4) |
Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta' taxxa kompensatorja definittiva fuq l-importazzjoni ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja u l-ġbir definittiv ta' l-ammonti miksuba permezz tat-taxxa provviżorja. Huma ġew mogħtija wkoll perijodu li matulu jagħmlu preżentazzjonijiet wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali. |
(5) |
Il-kummenti orali u miktuba mressqa mill-partijiet interessati ġew meqjusa u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew modifikati skond il-każ. |
Ċ. IL-PRODOTT KONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
(6) |
Peress li l-ebda kummenti ġodda ma ġew riċevuti fir-rigward tal-prodott konċernat u tal-prodott simili, il-premessi (12) sa (16) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati. |
D. SUSSIDJU
1. Skema ta' ktieb tal-bank għall-jedd tat-taxxa (“DEPB”)
(7) |
Wara l-iżvelar ta' wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji u sussegwentement għall-iżvelar finali, ġew riċevuti numru ta' kummenti mill-Gvern ta' l-Indja (il-“GOI”) u mill-produtturi ta' l-esportazzjoni. Għall-ewwel intqal li d-DEPB fuq il-bażi ta' wara-l-esportazzjoni hija skema ta' rifużjoni u, konsegwentement, kull benefiċċju taħt din l-iskema għandu jkun ristrett għal xi remissjoni żejda ta' dazji ta' importazzjoni li jistgħu jkunu ġew mogħtija. Intqal ukoll li l-kwantifikazzjoni ta' kull benefiċċju għandha tkun ibbażata fuq id-data tar-riċeviment tal-liċenzji tad-DEPB u mhux fuq id-data ta' l-użu jew tal-bejgħ tagħhom, kif kien sar mill-Kummissjoni. Finalment, intqal li l-ammont tal-benefiċċju għandu jkun imnaqqas peress li kien allegat li r-rata tad-DEPB għall-prodott konċernat kienet imnaqqsa minn 19 % għal 11 % fi Frar 2004, prinċipalment wara l-IP. |
(8) |
Bħala tweġiba għall-ewwel talba, fil-premessa (33) tar-Regolament provviżorju hemm imsemmi li “ir-Regolament bażiku jaħseb għal eċċezzjoni għal, inter alia, skemi ta' rifużjoni u għal skemi ta' sostituzzjoni tar-rifużjoni li jaqblu mar-regoli stretti mniżżla f'Anness I punt (i), Anness II (definizzjoni u regoli għar-rifużjoni) u Anness II (definizzjoni u regoli għas-sostituzzjoni tar-rifużjoni).” |
(9) |
F'dan il-kuntest, għandu jiġi msemmi li l-GOI ma applikax sistema jew proċedura effettiva ta' verifika biex jikkonferma jekk u b'liema ammont l-inputs kienu qed jiġu konsumati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta' skemi ta' sostituzzjoni tar-rifużjoni, l-Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku). Barra minnhekk, il-GOI ma wettaqx eżaminazzjoni ta' wara-l-esportazzjoni bbażata fuq l-inputs reali involuti biex jiddetermina jekk seħħx ħlas żejjed, għalkemm dan ikun normalment meħtieġ fin-nuqqas ta' sistema ta' verifika applikata b'mod effettiv (Anness II(II)(5) u Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku). Iktar minnhekk, fil-premessa (37) tar-Regolament provviżorju kien ikkunsidrat li “id-DEPB fuq il-bażi ta' wara-l-esportazzjoni ma tistax titqies bħala skema permessa ta' rifużjoni jew ta' sostituzzjoni tar-rifużjoni (Anness III) taħt l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku”. Għal dawn ir-raġunijiet, il-konklużjoni li tinsab fil-premessa (38) tar-Regolament provviżorju, li “l-benefiċċju kompensatorju huwa r-rimissjoni tad-dazji totali ta' l-importazzjoni normalment dovuti fuq l-importazzjonijiet kollha” hija hawnhekk ikkonfermata. |
(10) |
Biex tkun eleġibbli għal benefiċċji f'din l-iskema, il-kumpannija għandha tesporta l-merkanzija. Fil-mument tat-transazzjoni ta' l-esportazzjoni, għandha ssir dikjarazzjoni mill-esportatur lill-awtoritajiet fl-Indja li tindika li l-esportazzjoni qed issir taħt l-iskema DEPB. Sabiex il-merkanzija tkun esportata, l-awtoritajiet doganali Indjani joħorġu, qabel ma' l-merkanzija tkun esportata, bolletta tal-merkanzija għall-esportazzjoni li turi, inter alia, l-ammont ta' kreditu DEPB li għandu jingħata għal dik it-transazzjoni ta' l-esportazzjoni. F'dan l-istadju ta' l-esportazzjoni, il-kumpannija tkun taf il-benefiċċju li tkun se tirċievi. Ladarba l-awtoritajiet doganali joħorġu bolletta tal-merkanzija għall-esportazzjoni, il-GOI ma jkollu l-ebda diskrezzjoni fuq l-għoti tal-kreditu DEPB. Ġie wkoll verifikat li kull bidla fir-rati DEPB bejn l-esportazzjoni effettiva u l-ħruġ ta' liċenzja DEPB mhux se taffettwa l-livell ta' benefiċċju mogħti. Ir-rata DEPB rilevanti hija dik li tkun tapplika fil-ħin li ssir id-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni. Għaldaqstant, m'hemm l-ebda possibbiltà ta' xi emenda retroattiva għal-livell tal-benefiċċju. Għalhekk, fil-mument li ssir it-transazzjoni ta' l-esportazzjoni, il-GOI huwa obbligat li jippreċedi d-dazji doganali, li jikkostitwixxu kontribuzzjoni finanzjarja fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku. |
(11) |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku jsemmi li “Taxxa kompensatorja tista' tkun imposta bil-għan li tikkumpensa xi sussidju mogħti […] li l-preżenza tiegħu fiċ-ċirkolazzjoni fil-Komunità tikkawża ħsara”. Ir-raġuni fundamentali għall-impożizzjoni ta' din it-taxxa hija li l-prezzijiet tal-merkanzija importata huma iktar baxxi b'riżultat ta' s-sussidji fuqhom u li dawn il-prezzijiet baxxi jikkawżaw ħsara. F'dan il-każ, meta esportaturi ta' sistemi ta' elettrodi tal-grafita jkunu qed jinnegozjaw il-prezzijiet għal bejgħ bl-esportazzjoni, huma jafu li dak il-bejgħ jibbenefika minn sussidju taħt l-iskema DEPB. Minħabba l-fatt li l-esportaturi jafu li se tirċievi s-sussidju, u benefiċċji taħt skemi oħra, dawn il-kumpanniji jkunu digà f'pożizzjoni kompetittiva vantaġġuża fil-mument meta jkunu qed jinnegozjaw l-prezzijiet, jiġifieri huma jistgħu jirriflettu s-sussidji billi joffru prezzijiet orħos. |
(12) |
L-istandards Indjani ta' kontabilità jaħsbu għall-ibbukkjar tal-krediti, bħal dawk riċevuti taħt l-iskema DEPB, fuq bażi akkumulattiva tad-dħul ladarba (i) dawn il-benefiċċji jkunu ġew meħuda; u (ii) jkun hemm ċertezza raġjonevoli li l-ġbir finali tal-qligħ tat-transazzjoni ta' l-esportazzjoni jkun sar. Dak li hu rilevanti hawnhekk huwa l-punt li fih “il-benefiċċji jkun ġew meħuda”. Kif affermat fil-premessa (10) hawn fuq, ladarba l-awtoritajiet doganali joħorġu bolletta tal-merkanzija għall-esportazzjoni li turi, inter alia, l-ammont ta' kreditu DEPB li għandu jingħata għal dik it-transazzjoni ta' l-esportazzjoni, il-GOI ma jkollu l-ebda diskrezzjoni fuq jekk jagħtix jew le s-sussidju u ma jkollu l-ebda diskrezzjoni fuq l-ammont tas-sussidju. Ukoll, kif affermat hawn fuq fl-istess premessa, kull bidla fir-rati DEPB bejn l-esportazzjoni effettiva u l-ħruġ ta' liċenzja tad-DEPB m'għandhiex effett retroattiv fuq il-livell tal-benefiċċju mogħti. Finalment, kif affermat fil-premessa (11) hawn fuq, il-prezzijiet tat-transazzjonijiet ta' l-esportazzjoni huma meqjusa li jirriflettu s-sussidji (jiġifieri permezz ta' prezzijiet orħos) li minnhom jistgħu jibbenefikaw. F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa meqjus li l-benefiċċji jittieħdu meta ssir it-transazzjoni ta' l-esportazzjoni. Fuq din il-bażi, il-kumpanniji jistgħu, skond l-istandards Indjani ta' kontabilità, jibbukkjaw il-kreditu DEPB bħala dħul fl-istadju tat-transazzjoni ta' l-esportazzjoni. |
(13) |
Skond l-Artikoli 2(2) u 5 tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' sussidji kompensatorji għandu jkun kalkolat fit-termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevitur, li tiegħu tinstab l-eżistenza waqt il-perijodu ta' investigazzjoni. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, huwa meqjus xieraq li l-benefiċċju taħt din l-iskema jkun evalwat bħala li hu s-somma tal-krediti meħuda fuq it-transazzjonijiet kollha ta' l-esportazzjoni taħt l-iskema li saru waqt il-perijodu ta' investigazzjoni. Dan ivarja mit-trattament segwit fir-Regolament provviżorju fejn kienet evalwata s-somma tal-krediti utilizzati. Skond l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, il-ħlasijiet li neċessarjament kienu jintefqu għall-ksib tas-sussidju kienu jkunu mnaqqsa. |
(14) |
Fir-rigward ta' l-aħħar argument relatat mat-tnaqqis allegat tar-rata DEPB, huwa aċċettat li ġiet imressqa evidenza prima facie li turi li r-rata DEPB għall-prodott konċernat tnaqqset għal 11 % b'effett mid-9 ta' Frar 2004. Madankollu, peress li l-ammont ta' benefiċċju huwa evalwat fuq il-bażi ta' l-ammont ta' benefiċċju meħud fuq it-transazzjonijiet kollha ta' l-esportazzjoni li jsiru waqt l-IP, it-tnaqqis tar-rata DEPB wara dan il-perijodu m'hu se jkollu l-ebda effett fuq il-livell tas-sussidju determinat. |
(15) |
Fuq il-bażi ta' dawn il-bidliet, il-benefiċċju taħt din l-iskema għaż-żewġ kumpanniji li qed jikkoperaw ġie rivedut għal 16,6 % u 14,4 % rispettivament. |
2. Skema ta' Beni Kapitali għall-Promozzjoni ta' l-Esportazzjoni (“EPCGS”)
(16) |
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment mill-partijiet interessati, il-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi (56) sa (58) tar-Regolament provviżorju, huma hawnhekk ikkonfermati. |
3. Skema ta' Liċenzja Avvanzata (“ALS”)
(17) |
Fl-istadju provviżorju, prodottur ta' l-esportazzjoni fl-Indja kien maħsub li kellu jirċievi benefiċċju kompensatorju taħt din l-iskema. Ir-rappreżentanti ta' dan l-esportatur qalu li (i) l-iskema ma kinitx kompensatorja; u (ii) f'kull każ, kull benefiċċju riċevut kien biss mogħti lill-unità tan-negozju tal-kumpannija li ma mmanifatturatx il-prodott konċernat u li kienet mibjugħha mill-kumpannija wara l-IP. Għal din ir-raġuni, intqal li l-ebda benefiċċju taħt l-ALS m'għandu jingħata lill-esportatur. |
(18) |
Fir-rigward ta' l-ewwel kumment, ma kienet provvduta l-ebda evidenza ġdida biex turi li l-ALS m'hijiex sussidju kompensatorju ta' l-esportazzjoni. F'dan il-kuntest, huwa mfakkar li l-GOI ma applikax sistema jew proċedura ta' verifika effettiva biex jikkonferma jekk u f'liema ammonti l-inputs kinux konsumati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta' skemi ta' sostituzzjoni tar-rifużjoni, l-Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku). Barra minnhekk, il-GOI ma wettaqx eżaminazzjoni ta' wara-l-esportazzjoni bbażata fuq l-inputs reali involuti biex jiddetermina jekk seħħx ħlas żejjed, għalkemm dan ikun normalment meħtieġ fin-nuqqas ta' sistema ta' verifika applikata b'mod effettiv (Anness II(II)(5) u Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku). Għal dawn ir-raġunijiet, il-konklużjonijiet fil-premessi (64) sa (70) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati. |
(19) |
Fir-rigward tat-tieni kumment, instab li matul l-IP l-esportatur ikkonċernat ibbenefika mill-iskema u bħala riżultat kien irċieva benefiċċju kompensatorju. Barra minnhekk, il-fatt li l-unità tan-negozju li tipproduċi dan il-prodott ġiet mibjugħha sussegwenti għall-IP, m'huwiex rilevanti biex jiddetermina jekk il-kumpannija ibbenefikatx minn sussidju matul l-IP. Barra minn hekk m'hux ikkunsidrat rilevanti meta jiġi kkalkulat il-livell tas-sussidju sħiħ tal-kumpannija, jekk l-iskema tas-sussidju kienetx immirata lejn unità li ma pproduċietx il-prodott ikkonċernat. Huwa minnu li hija l-kumpannija bħala entità sħiħa li tiġi eżaminata, u għalhekk kull benefiċċju ta' waħda mill-unitajiet huwa kkunsidrat li jippreżenta benefiċċju għall-kumpannija bħala entità sħiħa. Għal dan il-għan, huwa kkonfermat li matul l-IP, l-unità tan-negozju li bbenefikat mill-iskema ta' l-ALS u l-unitajiet tan-negozju li mmanifatturaw il-prodott ikkonċernat iffurmaw entità waħda legali u ekonomika. Għaldaqstant, il-konklużjoni imsemmija fir-reċitazzjoni (71) tar-Regolament provviżorju hija hawnhekk ikkonfermata. |
4. Żoni għall-Iproċessar ta' l-Esportazzjoni (“EPZ”)/Unità b'Orjentament għall-Esportazzjoni (“EOU”)
(20) |
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment mill-partijiet interessati, il-konklużjoni mniżżla fir-reċitazzjoni (72) tar-Regolament provviżorju, hija hawnhekk ikkonfermata. |
5. Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul (ITE)
(21) |
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment mill-partijiet interessati, il-konklużjoni mniżżla fir-reċitazzjoni (74) tar-Regolament provviżorju, hija hawnhekk ikkonfermata. |
6. Ammont ta' sussidji kompensatorji
(22) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, l-ammont ta' sussidji kompensatorji huwa definittivament konfermat, kif ġej:
|
E. INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ
(23) |
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni jew argumenti sostanzjali ġodda f'dan ir-rigward, il-premessi (76) sa (79) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati. |
F. ĦSARA
(24) |
Wara l-iżvelar provviżorju, l-esportaturi Indjani enfasizzaw id-differenza fil-marġni ta' bejgħ bi ħlas inqas ta' tip wieħed partikolari tal-prodott konċernat, hekk kif imqabbel mal-marġni ta' bejgħ bi ħlas inqas ta' tipi simili. Il-kumment kien eżaminat tajjeb u nstab li d-diskrepanza kienet ir-riżultat ta' żball fir-rapport ta' numru ta' noti ta' kreditu u tnaqqis ta' produttur partikolari tal-Komunità. It-talba kienet għalhekk aċċettata u l-marġni ta' bejgħ bi ħlas inqas ta' dan it-tip partikolari u, fejn xieraq, ta' tipi oħra kienu rranġati skond dan. |
(25) |
Instab ukoll li numru ta' transazzjonijiet ta' l-industrija tal-Komunità użati biex jaqtgħu il-kalkoli ġew mgħaduda darbtejn. Fid-dawl ta' dan, it-transazzjonijiet li ġew mgħaduda darbtejn kellhom jiġu eliminati u l-kalkoli tal-qtugħ kellhom jiġu rranġati kif xieraq. Però, dan l-għadd doppju ma ġarax meta kienu qed jiġu stabbiliti l-figuri użati biex jiġu kkalkulati l-indikaturi li jagħmlu l-ħsara. Għalhekk, ma kienx hemm għalfejn ikunu modifikati l-indikaturi tal-ħsarat. |
(26) |
Bħala riżultat, il-paragun wera li matul l-IP il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Indja u li jinbiegħ fil-Komunità jaqtgħu l-prezzijiet ta' l-Industrija tal-Komunità bejn it-3 % u l-11 %. |
(27) |
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni jew argumenti sostanzjali ġodda f'dan ir-rigward, il-premessi (80) sa (116) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati, bl-eċċezzjoni tal-premessa (86) (ara r-reċitazzjonijiet (1) sa (26) hawn fuq). |
G. KAWŻALITÀ
1. Ritorn għall-kompetizzjoni normali wara t-tneħħija tal-konsorzju
(28) |
L-esportaturi Indjani tennew l-argument tagħhom li l-istabbiliment ta' konnessjoni kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u l-ħsara sofferta mill-industrija tal-Komunità hija bbażata fuq data li m'hix ta' min joqgħod fuqha minħabba l-eżistenza ta' konsorzju sal-bidu ta' l-1998. Madankollu, l-esportaturi Indjani ma pprovdew l-ebda informazzjoni ġdida sad-data ta' skadenza magħmula għat-tressiq ta' kummenti f'dan ir-rigward. |
(29) |
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni jew argumenti sostanzjali ġodda, il-premessi (117) sa (137) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati. |
H. INTERESS TAL-KOMUNITÀ
(30) |
Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil min juża l-prodott u kumpannija ta' min juża l-prodott tennew il-preokkupazzjoni tagħhom li, bl-esklużjoni tal-fornimenti Indjani mis-suq tal-Komunità, l-impożizzjoni ta' kwalunkwe miżura kienet se tnaqqas il-kompetizzjoni sħiħa fis-suq tal-Komunità għal dan il-prodott partikolari u inevitabbilment twassal għal żieda fil-prezzijiet. Madankollu, kif evalwat fil-premessa (147) tar-Regolament provviżorju, l-impatt ta' xi żieda fil-prezz tal-prodott simili għall-konsumaturi finali aktarx li jkun minimu. Huwa mfakkar ukoll li l-għan ta' kull miżura kompensatorja m'huwa bl-ebda mod li jwaqqaf l-aċċess fil-Komunità ta' prodotti mill-Indja, iżda biex jirranġa l-kamp tan-negozju li kien ġie mfixkel minn prattiċi mhux-ġusti tal-kummerċ. Finalment, huwa meqjus li l-livell tal-miżuri m'huwiex daqstant effettiv li jeskludi l-produtturi Indjani mis-suq tal-Komunità. |
(31) |
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni jew argumenti sostanzjali ġodda f'dan ir-rigward, il-premessi (138) sa (151) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati. |
I. LIVELL TA' L-ELIMINAZZJONI TAL-ĦSARA
(32) |
Wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji, għadd ta' partijiet interessati qalu li l-livell ta' profitt ta' 9,4 % meqjus li jirrappreżenta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija tal-Komunità fin-nuqqas ta' sussidju għall-ħsara mill-Indja kien għoli ħafna. Kien allegat li l-prattika normali kienet li jkun stabbilit proporzjoni ta' profitt ta' 5 % għal setturi ta' merkanzija bażika bħal dawk ta' l-azzar, it-tessuti u l-kimiċi bażiċi. L-istess partijiet qalu wkoll li l-metodoloġija użata sabiex tasal għal din il-figura għandha tkun żvelata b'mod sħiħ. |
(33) |
Kif spjegat fil-premessa (154) tar-Regolament provviżorju, il-profitt ta' 9,4 % kien ir-riżultat ta' evalwazzjoni raġunata stabbilita fuq il-bażi ta' numru ta' elementi, fosthom (i) il-profitt miksub mill-industrija tal-Komunità fl-1999, meta s-sehem tas-suq tal-merkanzija impurtata mibjugħa bit-telf kien fl-inqas livell tiegħu; (ii) il-kondizzjonijiet tas-suq f'dak iż-żmien; u (iii) l-informazzjoni meħuda minn database dwar il-kontijiet tal-kumpanniji. Din id-database tikkonsisti f'data dwar il-kontijiet tal-kumpanniji, li jkunu l-ewwel miġbura mill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-iktar pajjiżi industrijalizzati, i.e. ħafna mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u l-Ġappun, u imbagħad miġbura, skond is-setturi, mill-Kumitat Ewropew ta' l-Uffiċċji Ċentrali tad-Data tal-Balance Sheet u mill-Kummissjoni Ewropea. Id-database ġiet aġġornata bejn id-deċiżjoni provviżorja u dik definittiva. Analiżi tad-data aġġornata li tirreferi għall-Istati Membri ta' l-UE, flimkien ma' l-Istati Uniti u l-Ġappun turi li l-profitt medju quddiem oġġetti straordinarji għal kumpanniji li jagħmlu parti mis-settur kummerċjali kien ta' 7,5 % fl-2002, li hija l-aħħar sena aċċessibbli fid-database. |
(34) |
Madankollu, jitqies ukoll li, meta jkun iffissat il-profitt li seta' inkiseb fin-nuqqas ta' sussidju, konsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għall-elementi kwalitattivi u kwantattivi kollha rilevanti għal dan il-għan. B'mod partikolari, peress li dan sar fil-premessa (154) tar-Regolament provviżorju, saret eżaminazzjoni tajba tal-livelli ta' profitt ta' l-industrija tal-Komunità meta s-sehem tas-suq ta' merkanzija impurtata sussidjata kien fl-inqas livell tiegħu (prinċipalment l-1999), u ta' kwalunkwe kawża u ċirkostanza oħra li tista' taffettwa r-rappreżentattività ta' dan l-aħħar perijodu. Finalment, ta' min jinnota li l-prodott konċernat huwa wżat f'applikazzjonijiet diffiċli u għandu jżomm ċerti parametri b'mod strett, partikolarment f'termini ta' reżistenza elettrika. Dan jinvolvi proċess ta' manifattura intensiv b'kapital għoli u spejjeż mhux żgħar f'Riċerka u Żvilupp. Il-fatt li numru limitat ta' produtturi fid-dinja kapaċi jaħdmu f'din it-teknoloġija hija indikazzjoni ulterjuri li dan il-prodott ċertament ma jistax jitqies bħala merkanzija bażika. |
(35) |
Meta jkunu kunsidrati dawn iċ-ċirkostanzi u elementi kollha, il-konklużjoni definittiva hija li l-marġni tal-profitt li tista' b'mod raġjonevoli titqies li tirrapreżenta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija tal-Komunità fin-nuqqas tas-sussidju għall-ħsara mill-Indja għandha tkun stabbilita f'8 % għall-għan tal-kalkolu tal-marġni tal-ħsara. |
(36) |
B'konsegwenza ta' dan ta' hawn fuq u tas-sejbiet relatati mal-bejgħ bi ħlas inqas (ara r-reċitazzjonijiet (24) sa (26)), il-marġni tal-ħsara ġew riveduti kif ġej.
|
J. MIŻURI DEFINITTIVI
(37) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tas-sussidju, ħsara, kawżalità u l-interess tal-Komunità, huwa meqjus li għandha tkun imposta taxxa kompensatorja definittiva sabiex jiġi evitat li tkun ikkawżata iktar ħsara lill-industrija tal-Komunità mill-importazzjonijiet sussidjati. Il-miżuri definittivi għandhom ikunu imposti fil-livell tal-marġni ta' sussidju misjub, imma m'għandhomx ikunu iktar għoljin mill-marġni ta' ħsara kalkolat hawn fuq skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. Peress li l-livell tal-kooperazzjoni sħiħa għall-Indja kien għoli, il-marġni tas-sussidju li kien fadal għall-kumpanniji l-oħra kollha kien stabbilit fil-livell tal-kumpannija bl-għola marġni individwali, iġifieri 16,7 %. |
K. ĠBIR DEFINITTIV TAT-TAXXA PROVVIŻORJA
(38) |
Fid-dawl tal-kobor tal-marġni tas-sussidju misjuba għall-produtturi ta' l-esportazzjoni fl-Indja u minħabba l-livell ta' ħsara kawżat lill-industrija tal-Komunità, huwa meqjus neċessarju li l-ammonti miksuba permezz tat-taxxa kompensatorja provviżorja imposta bir-Regolament provviżorju għandhom definittivament jinġabru biex ilaħħqu l-ammont ta' taxxi definittivi imposti. Peress li t-taxxa kompensatorja għall-Graphite India Limited (GIL) hija għola mit-taxxa kompensatorja provviżorja, l-ammonti miksuba permezz tat-taxxa kompensatorja provviżorja imposta bir-Regolament provviżorju għandhom ikunu definittivament miġbura. Min-naħa l-oħra, peress li t-taxxa kompensatorja definittiva għall-Hindustan Electro Graphite (HEG) Limited hija inqas mit-taxxa kompensatorja provviżorja, l-ammonti miksuba provviżorjament li huma iżjed mir-rata definittiva tat-taxxi kompensatorji għandhom ikunu rilaxxati. |
(39) |
Ir-rati individwali tat-taxxa kompensatorja speċifikati f'dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta' l-investigazzjoni preżenti. Għaldaqstant, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta' taxxa (għall-kuntrarju tat-taxxi fuq il-medda tal-pajjiż kollu applikabbli għall-“oħrajn kollha”) huma għalhekk applikabbli esklussivament għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiż konċernat u prodotti mill-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Prodotti impurtati magħmula minn kwalunkwe kumpannija oħra li m'hix imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament b'isimha u bl-indirizz, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“oħrajn kollha”. |
(40) |
Kull pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati individwali ta' taxxa kompensatorja (per eżempju wara bidla fl-isem ta' l-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ta' produzzjoni ġdida jew ta' bejgħ) għandha tkun indirizzata minnufih lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari bi kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija relatata mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u l-bejgħ esportat assoċjati ma', per eżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta' produzzjoni u bejgħ. Jekk meħtieġ, ir-Regolament se jkun emendat skond dan kollu billi jaġġorna l-lista ta' kumpanniji li tibbenefika minn dawn it-taxxi individwali. |
L. GARANZIJI
(41) |
Waqt l-investigazzjoni iż-żewġ esportaturi fl-Indja, Graphite India Limited u l-Hindustan Electro Graphite Limited, offrew garanzija ta' prezz skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, kienu osservati differenzi sinifikanti bejn il-perjodu ta' l-investigazzjoni u ż-żmien preżenti fil-prezz tal-materjal mhux maħdum, dan minħabba li dan is-suq partikolari huwa volatili. Għalhekk jekk il-garanziji kienu jkunu aċċettati f'dan il-każ, fuq il-bażi tal-prezzijiet minimi ta' l-importazzjoni stabbiliti biss fuq id-data miġbura relatat mal-perjodu ta' l-investigazzjoni, kif offruta preżentement, dan jista' jkollu konsegwenzi negattivi fuq l-effettività ta' dawn il-garanziji biex jiġi mneħħi sussidju nġurjuż. Barra minn hekk, wieħed mill-produtturi kkonċernat, wara li ta' l-offerta tal-garanzija tiegħu, akkwista kumpannija li tipproduċi l-graphite electrode li qegħda fil-Komunità li tista' tkabbar ir-riskju li tiġi evitata l-offerta tal-garanzija tiegħu. Fid-dawl ta' dawn iż-żewġ żviluppi ma kienx possibbli li jiġu ffinalizzati b'mod prattiku, u għalhekk aċċettabbli, il-garanziji fil-limiti taż-żmien ta' l-investigazzjoni preżenti. |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Taxxa kompensatorja definittiva hija hawnhekk imposta fuq importazzjonijiet ta' elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-fran ta' l-elettriku, b'densità apparenti ta' 1,65 g/ċm3 jew iktar u b'reżistenza elettrika ta' 6.0 μΩ.m jew inqas, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċi TARIC 8545110010) u l-bżieżel użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 90 90 (kodiċi TARIC 8545909010) kemm jekk impurtati flimkien jew b'mod separat li joriġinaw fl-Indja.
2. Ir-rata tat-taxxa kompensatorja definittiva applikabbli għall-prezz nett liberu fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għall-prodotti magħmula mill-kumpanniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:
Kumpannija |
Dazju definittiv |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
Graphite India Limited (GIL), 31 Chowringhee Road, Kolkatta — 700016, West Bengal |
15,7 % |
A530 |
Hindustan Electro Graphite (HEG) Limited, Bhilwara Towers, A-12, Sector-1, Noida — 201301, Uttar Pradesh |
7,0 % |
A531 |
L-oħrajn kollha |
15,7 % |
A999 |
3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.
Artikolu 2
L-ammonti miksuba permezz tat-taxxi kompensatorji provviżorji skond ir-Regolament provviżorju dwar importazzjonijiet ta' elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-fran ta' l-elettriku, b'densità apparenti ta' 1,65 g/ċm3 jew iktar u b'reżistenza elettrika ta' 6.0 μΩ.m jew inqas, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċi TARIC 8545110010) u l-bżieżel użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 90 90 (kodiċi TARIC 8545909010) kemm jekk impurtati flimkien jew b'mod separat li joriġinaw fl-Indja għandhom ikunu definittivament miġbura kif ġej.
L-ammonti miksuba li huma iżjed mir-rata definittiva tat-taxxi kompensatorji għandhom ikunu rilaxxati. Fejn id-dazji definittivi jkunu għola mid-dazji provviżorji, l-ammonti miksuba fil-livell tat-taxxi provviżorji biss għandhom ikunu miġbura definittivament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, nhar it-13 ta' Settembru 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
B. R. BOT
(1) ĠU L 288, tal-21.10.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, tat-13.3.2004, p. 12).
(2) ĠU L 183, ta' l-20.5.2004, p. 35.