5.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

99


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1492/2004

tat-23 ta' Awissu 2004

jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-miżuri ta’ qerda għal enċefalopatiji sponġiformi li jittieħdu f’annimali bovini, nagħaġ u mogħoż, il-kummerċ u l-importazzjoni tas-semen u l-embrijoni tan-nagħaġ u l-mogħoż u l-materjal ta’ riskju speċifikat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jwaqqaf ir-regoli għall-ħarisen, il-kontroll u l-qerda ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jittieħdu (1), u l-aktar l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23 miġjub fih,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-miżuri ta’ qerda li għandhom jittieħdu wara li tkun ġiet ikkonfermata l-enċefalopatija sponġiformi li tittieħed (EST) f’annimali bovini, nagħaġ u mogħoż.

(2)

Fl-14 ta’ Settembru 2000, fl-opinjoni tiegħu fuq l-enċefalopatija sponġiformi f’annimali bovini (ESB) li jintgħażlu mill-merħliet għall-qatla, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv (KXK) temm jgħid li b’mod ġenerali l-istess riżultati jistgħu jintlaħqu bl-għażla ta’ ko-orti tat-twelid kif ukoll bl-għażla ta’ annimali mill-merħla għall-qatla. Fil-21 ta’ April 2004, il-bord tad-Diżastri Bijoloġiċi ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel addottat opinjoni li fiha tikkonkludi li l-argument addizzjonali li hemm bħalissa mhuwiex suffiċjenti biex ibiddel l-opinjoni tal-KXK. Id-dispożizzjonijiet dwar l-għażla ta’ annimali għall-qatla li hemm fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jinġiebu fi qbil ma’ dawk l-opinjonijiet.

(3)

Fl-interess taċ-ċertezza tal-leġislazzjoni tal-Komunità, huwa meħtieġ ukoll li tkun iċċarata d-definizzjoni ta’ ko-orti ta’ każ ta’ ESB u l-azzjoni li trid tittieħed dwar annimali ta’ ko-orti, biex b’hekk ikunu evitati interpretazzjonijiet differenti.

(4)

Aktar minn hekk, huwa meħtieġ li tkun iċċarata l-applikazzjoni tal-miżuri tal-qerda ta’ l-EST minħabba li dawn jgħoddu għal nagħaġ li jkunu bit-tqala u għall-irziezet li jkollhom merħliet kbar. Biex ikunu indirizzati problemi prattiċi, ir-regoli jridu jiġu emendati dwar dawk l-irziezet li jipproduċu ħrief għal aktar simna, l-introduzzjoni ta’ nagħaġ ta’ ġenotip mhux magħruf f’irziezet infettati, u l-perjodu ta’ żmien li matulu għandhom ikunu jgħoddu d-derogi għall-qerda ta’ l-annimali f’irziezet jew merħliet li fihom il-frekwenza ta’ l-allela ARR tkun baxxa.

(5)

Il-miżuri għall-qerda tal-marda scrapie, kif hemm imniżżel fl-opinjoni tal-KXK ta’ l-4 ta’ April 2002, kienu ddaħħlu fir-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni 260/2003 (2). Dawk il-miżuri kienu ddaħħlu fuq bażi gradwali, biex iqisu kwistjonijiet ta’ tmexxija. Skond ix-xhieda li hemm bħalissa, jidher li l-karkassi ta’ annimali li jkollhom inqas minn xahrejn żmien x’aktarx ma jkollhomx ammonti sostanzjali ta’ tinġis, sakemm il-partijiet ġewwinija, inkluża r-ras, jitneħħew. Għandhom isiru aktar emendi għall-miżuri ta’ qerda biex jissolvew il-problemi li jinqalgħu f’ċerti Stati Membri b’rabta ma’ dawk l-annimali żgħar.

(6)

Huwa xieraq li jiddaħħlu restrizzjonijiet fl-irziezet wara li jkun hemm suspett tal-marda scrapie fin-nagħaġ u l-mogħoż, biex ikun evitat li annimali li jistgħu jkunu infettati jinġarru qabel ma jkun ikkonfermat is-suspett.

(7)

Il-kriterji ta’ ttestjar li jwasslu għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq irziezet infettati kienu ta’ piż kbir fejn kienu kkonċernati merħliet kbar ta’ nagħaġ, u għalhekk dawn iridu jiġu emendati. Huwa wkoll xieraq li tkun iċċarata d-definizzjoni tal-gruppi ta’ mira għal dan l-ittestjar.

(8)

Ir-regoli ġenerali dwar il-kummerċ u l-importazzjoni ta’ l-isperma u l-embrijoni tan-nagħaġ u l-mogħoż huma stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (3). Għandhom jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament regoli speċifiċi ta’ l-EST li jkunu jittrattaw fuq it-tpoġġija fis-suq ta’ l-isperma u l-embrijoni ta’ dawk l-ispeċi.

(9)

Fi qbil mad-dispożizzjonijiet preżenti li hemm fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 fuq il-materjal ta’ riskju speċifikat biex iħalli barra l-proċessi trasversali tal-ġenbejn u l-vertebra toraċika mil-lista ta’ materjal ta’ riskju speċifiku, il-proċessi tas-sinsla ta’ dawn il-vertebrae, il-proċessi tas-sinsla u trasversali tal-vertebra ċervikali u x-xifer medjan ta’ l-ossu sagru wkoll m’għandhomx jitqiesu bħala materjal ta’ riskju speċifiku.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu, għalhekk, jiġi emendat kif xieraq.

(11)

Il-miżuri li hemm f’dan ir-Regolament huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, VII, VIII, IX u XI għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 qed jiġu emendati fi qbil ma’ l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-punti 3 u 4 ta’ l-Anness għar-Regolament preżenti għandhom jibdew jgħoddu mill-1 ta’ Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jgħodd direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar it-23 ta' Awissu 2004.

Għall-Kummissjoni

David BYRNE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, il-31.5.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 876/2004 (ĠU L 162, it-30.4.2004, p. 52).

(2)  ĠU L 37, it-13.2.2003, p. 7.

(3)  ĠU L 268, l-14.9.1992, p. 54. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1398/2003, (ĠU L 198, is-6.8.2003, p. 3).


ANNESS

L-Anness I, VII, VIII, IX u XI qed jiġu emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness I, il-punt 2 qed jinbidel b’dan li ġej:

“2.

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu wkoll:

a)

‘każ indiġenu ta’ ESB’ tfisser każ ta’ enċefalopatija sponġiformi ta’ annimali bovini li ma jkunx għadu wera sinjali li dan ġara minħabba infezzjoni qabel l-importazzjoni tiegħu bħala annimal ħaj;

b)

‘tessut xaħmi diskret’ tfisser ix-xaħam tal-ġisem ta’ ġewwa u ta’ barra li jkun tneħħa matul il-proċess tal-qatla u l-qtigħ, l-aktar ix-xaħam frisk mill-qalb, il-mindil u l-kliewi ta’ annimali bovini, u x-xaħam mill-kmamar tal-qtigħ;

ċ)

‘ko-orti’ tfisser grupp ta’ annimali bovini li jinkludi kemm:

i)

annimali li jkunu twieldu fl-istess merħla bħall-annimal bovin affettwat, u fi żmien 12-il xahar qabel jew wara d-data tat-twelid ta’ l-annimal bovin affettwat; u

ii)

annimali li f’kull żmien matul l-ewwel sena tal-ħajja tagħhom jkunu trabbew flimkien ma’ l-annimal bovin affettwat matul l-ewwel sena tal-ħajja tiegħu.

d)

‘każ ta’ l-indiċi’ tfisser l-ewwel annimal f’razzett, jew fi grupp definit b’mod epidemjoloġiku, li fih tkun ġiet ikkonfermata l-infezzjoni ta’ l-EST.’

(2)

L-Anness VII qed jinbidel b’dan li ġej:

‘ANNESS VII

IL-QERDA TA’ l-ENĊEFALOPATIJA SPONĠIFORMI LI TITTIEĦED

1.

L-inkjesta msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) għandha ssib:

a)

fil-każ ta’ annimali bovini:

l-annimali li jixtarru l-oħra kollha li jkun hemm fir-razzettt ta’ l-annimal li fih il-marda tkun ġiet ikkonfermata,

fejn il-mard ikun ġie kkonfermat f’annimali nisa, il-frieħ li jkunu twieldu fi żmien sentejn qabel, jew wara, il-bidu kliniku tal-marda,

l-annimali kollha tal-ko-orti ta’ l-annimal li fih il-marda tkun ġiet ikkonfermata,

l-oriġini possibbli tal-marda,

l-annimali l-oħra fir-razzett ta’ l-annimal li fih tkun ġiet ikkonfermata l-marda jew fi rziezet oħra, li setgħu ġew infettati bil-mikrobu ta’ l-EST jew li kienu esposti għall-istess għalf jew għajn ta’ tniġġiż,

il-ġarr ta’ għalf għall-bhejjem li jkun x’aktarx imniġġeż, ta’ materjal ieħor jew kull mezz ieħor ta’ teħid, li seta’ jkun għadda l-mikrobu ta’ l-EST lejn jew mir-razzett in kwistjoni;

b)

fil-każ ta’ nagħaġ u mogħoż:

l-annimali kollha li jixtarru barra n-nagħaġ u l-mogħoż li jkun hemm fir-razzet ta’ l-annimal li fih il-marda tkun ġiet ikkonfermata,

sakemm dawn ikunu jistgħu jintgħarfu, il-ġenituri, u fil-każ ta’ annimali nisa l-embrijoni kollha, il-bajd u l-aħħar frieħ ta’ l-annimali nisa li fihom il-marda tkun ġiet ikkonfermata,

in-nagħaġ u l-mogħoż l-oħra kollha fir-razzett ta’ l-annimal li fih il-marda tkun ġiet ikkonfermata, f’żieda ma’ dawk msemmija fit-tieni vers,

l-oriġini possibbli tal-marda u l-identifikazzjoni ta’ irziezet oħra li fihom ikun hemm annimali, embrijoni jew bajd li setgħu ġew infettati bil-mikrobu ta’ l-EST jew kienu esposti għall-istess għalf jew għajn ta’ tniġġiż,

il-ġarr ta’ għalf għall-bhejjem li x’aktarx ikun imniġġeż, materjal ieħor jew kull mezz ieħor ta’ teħid, li seta’ jkun għadda l-mikrobu ta’ l-ESB lejn jew mir-razzett in kwistjoni.

2.

Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(ċ) għandhom jinkludu mill-inqas:

a)

fil-każ li tkun ikkonfermata l-marda ta’ l-ESB f’annimal bovin, il-qatla u l-qerda sħiħa ta’ l-annimali bovini li jkunu ġew magħrufa bl-inkjesta msemmija fit-tieni u t-tielet vers tal-punt 1(a); madankollu, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li:

ma joqtolx u jeqred annimali tal-ko-orti msemmi fit-tielet vers tal-punt 1(a), jekk ikun hemm xhieda li dawn l-annimali ma kellhomx aċċess għall-istess ikel bħall-annimal milqut,

jiddiferixxi l-qatla u l-qerda ta’ l-annimali fil-ko-orti msemmi fit-tielet vers tal-punt 1(a) sat-tmiem tal-ħajja produttiva tagħhom, sakemm dawn ikunu barrin li jkunu nżammu kontinwament f’ċentru tal-ġbir ta’ l-isperma u sakemm jista’ jkun żgurat li dawn jinqerdu kompletament wara l-mewt;

b)

fil-każ ta’ konferma ta’ l-EST f’nagħġa jew mogħża, mill-1 ta’ Ottubru 2003, u fi qbil mad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti:

i)

jew il-qatla u l-qerda sħiħa ta’ l-annimali kollha, embrijoni u bajd li jiġu magħrufa bl-inkjesta msemmija fit-tieni u t-tielet vers tal-punt 1(b); jew

ii)

il-qatla u l-qerda sħiħa ta’ l-annimali kollha, l-embrijoni u l-bajd li jiġu magħrufa bl-inkjesta msemmija fit-tieni u t-tielet vers tal-punt 1(b), ħlief għal:

imtaten tat-torbija tal-ġenotip ARR/ARR,

nagħaġ tat-torbija li jkunu jġorru mill-inqas allela ARR waħda u l-ebda allela VRQ, u, fejn dawn in-nagħaġ tat-torbija jkunu bit-tqala fiż-żmien ta’ l-inkjesta, il-ħrief li jitwieldu wara, jekk il-ġenotip tagħhom ikun jilħaq il-kriterji ta’ dan il-paragrafu,

nagħaġ li jkunu jġorru mill-inqas allela ARR waħda u li jkunu maħsuba biss għall-qatla,

jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, in-nagħaġ u l-mogħoż ta’ inqas minn xahrejn li jkunu maħsuba biss għall-qatla.

iii)

jekk l-annimal infettat ikun iddaħħal minn xi razzet ieħor, Stat Membru jista’ jiddeċiedi, waqt li jibbaża ruħu fuq l-istorja tal-każ, li japplika l-miżuri ta’ qerda fir-razzet ta’ l-oriġini flimkien, jew minflok, ir-razzett li fih it-tniġġiż ikun ġie kkonfermat; fil-każ ta’ art li tkun intużat għall-mergħa komuni minn iktar minn merħla waħda, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jrażżnu l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għal merħla waħda, waqt li jibbażaw ruħhom fuq kunsiderazzjoni raġonevoli tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha; fejn f’razzett tinżamm aktar minn merħla waħda, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jrażżnu l-applikazzjoni tal-miżuri għall-merħla li fiha l-marda scrapie tkun ġiet ikkonfermata, sakemm ikun aċċertat li l-merħliet ikunu nżammew iżolati minn xulxin u li l-firxa ta’ l-infezzjoni bejn il-merħliet b’kuntatt dirett jew indirett ikun diffiċli ħafna.

ċ)

Fil-każ li jkun hemm konferma ta’ ESB f’nagħġa jew mogħża, il-qatla u l-qerda sħiħa ta’ l-annimali, l-embrijoni u l-bajd kollha li jkunu ġew identifikati mill-inkjesta msemmija fit-tieni sal-ħames vers tal-punt 1(b).

3.

Jekk ikun hemm suspett tal-marda scrapie f’nagħġa jew mogħża f’razzett fi Stat Membru, in-nagħaġ u l-mogħoż l-oħra kollha li jkunu ġejjin minn dak ir-razzett għandhom jitpoġġew taħt restrizzjoni ta’ ġarr uffiċjali sakemm ir-riżultati ta’ l-eżami jkunu magħrufa. Jekk ikun hemm xhieda li r-razzett fejn l-annimal kien preżenti meta l-marda scrapie kienet suspetatta x’aktarx ma jkunx ir-razzett fejn l-annimal ikun ġie espost għall-marda scrapie, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li rziezet oħra jew ir-razzett ta’ l-esponiment biss jitpoġġew taħt kontroll uffiċjali; dan jiddependi mit-tagħrif epidemjoloġiku li jkun disponibbli.

4.

Dawn l-annimali li ġejjin biss jistgħu jiddaħħlu fir-razzett (irziezet) fejn tkun twettqet il-qerda fi qbil mal-punt 2(b)(i) jew (ii):

a)

imtaten tal-ġenotip ARR/ARR;

b)

nagħaġ li jġorru mill-inqas allela ARR waħda u l-ebda allela VRQ;

ċ)

mogħoż, kemm-il darba:

i)

l-ebda nagħaġ tat-torbija għajr dawk tal-ġenotipi msemmija fil-punti (a) u (b) ma jkunu preżenti fir-razzett,

ii)

ikun sar tindif u diżinfettar sħiħ tal-postijiet kollha fejn jgħixu l-annimali fir-razzett wara t-tneħħija tal-merħliet,

iii)

ir-razzett ikun għadda minn monitoraġġ intensiv kontra l-EST, inkluż l-ittestjar tal-mogħoż kollha li jkollhom aktar minn 18-il xahar u:

jew jinqatlu għall-konsum mill-bniedem fi tmiem il-ħajja produttiva tagħhom, jew

dawk li jkunu mietu jew inqatlu fir-razzett, u li jilħqu l-kriterji msemmija fl-Anness III, Kapitlu A, Parti II, il-punt 3.

5.

Dawn il-prodotti ġerminali tan-nagħaġ li ġejjin biss jistgħu jintużaw fir-razzett (irziezet), fejn il-qerda tkun seħħet fi qbil mal-punt 2(b)(i) jew (ii):

a)

sperma mill-imtanten tal-ġenotip ARR/ARR;

b)

embrijoni li jkollhom mill-inqas allela ARR waħda u l-ebda allela VRQ.

6.

Matul perjodu transitorju sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, u b’deroga mir-restrizzjonijiet stabbiliti fil-punt 4(b), fejn ikun diffiċli li jinkisbu nagħaġ ta’ sostituzzjoni ta’ ġenotip li jkun magħruf, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu nagħaġ ta’ ġenotip mhux magħruf u li ma jkunux bit-tqala biex dawn jiddaħħlu fl-irziezet imsemmija fil-punt 2(b)(i) u (ii).

7.

Wara l-applikazzjoni f’razzett tal-miżuri msemmija fil-punt 2(b)(i) u (ii):

a)

il-ġarr ta’ nagħaġ ARR/ARR mir-razzett m’għandux ikun suġġett għal xi restrizzjonijiet;

b)

in-nagħaġ li jkunu jġorru biss allela waħda ARR jistgħu jinġarru mir-razzett biss biex imorru direttament għall-qatla għall-konsum mill-bniedem jew biex jinqerdu; madankollu,

nagħaġ li jġorru allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ jistgħu jinġarru lejn irziezet oħrajn li jkunu ristretti wara l-applikazzjoni tal-miżuri fi qbil mal-punt 2(b)(ii);

jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, il-ħrief li jġorru allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ jistgħu jinġarru lejn razzett ieħor biex jissemmnu biss qabel il-qatla; ir-razzet fejn dawn ikunu se jittieħdu m’għandu jkollu l-ebda nagħaġ jew mogħoż għajr dawk li jkunu qed jissemmnu qabel il-qatla, u m’għandhomx jintbagħtu nagħaġ u mogħoż ħajjin lejn irziezet oħrajn, jekk mhux għall-qatla diretta;

ċ)

jekk l-Istat Membru jiddeċiedi hekk, in-nagħaġ u l-mogħoż ta’ inqas minn xahrejn jistgħu jinġarru lejn post biex imorru direttament għall-qatla għall-konsum mill-bniedem; ir-ras u l-organi tal-kavità addominali ta’ dawn l-annimali, madankollu, għandu jsir disponiment minnhom fi qbil ma’ l-Artikolu 4(2) (a), (b) jew (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (*);

d)

mingħajr preġudizzu għall-punt (ċ), in-nagħaġ tal-ġenotipi mhux imsemmija fil-punti (a) u (b) jistgħu jinġarru mir-razzett biex dawn jinqerdu.

8.

Ir-restrizzjonijiet msemmija fil-punti 4, 5 u 7 għandhom ikomplu jgħoddu għar-razzett għal perjodu ta’ tliet snin mill-:

a)

id-data tal-ksib ta’ l-istat ARR/ARR min-nagħaġ kollha li jkun hemm fir-razzett; jew

b)

l-aħħar data meta kull nagħġa jew mogħża kienet inżammet fir-razzett; jew

ċ)

fil-każ tal-punt 4(ċ), id-data meta kien beda l-monitoraġġ intensiv ta’ l-EST; jew

d)

id-data meta l-imtaten kollha tat-torbija li jkun hemm fir-razzett ikunu tal-ġenotip ARR/ARR u n-nagħaġ tat-torbija kollha jkunu jġorru mill-inqas allela ARR waħda u l-ebda allela VRQ, sakemm matul il-perjodu ta’ tliet snin jinkisbu riżultati negattivi mit-testijiet ta’ l-EST li jsiru fuq l-annimali li ġejjin li jkollhom aktar minn 18-il xahar:

kampjun annwali tan-nagħaġ maqtula għall-konsum mill-bniedem fi tmiem il-ħajja produttiva tagħhom, fi qbil mal-qies tal-kampjun muri fit-tabella fl-Anness III, Kapitlu A, Parti II, il-punt 4; u

in-nagħaġ kollha msemmija fl-Anness III, Kapitlu A, Parti II, il-punt 3 li jkunu mietu jew inqatlu fir-razzett.

9.

Fejn il-frekwenza ta’ l-allela ARR fil-merħla jew fir-razzett tkun waħda baxxa, jew fejn jitqies meħtieġ biex tkun evitata l-konġenitalità, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li:

a)

jdewwem il-qerda ta’ l-annimali msemmija fil-punt 2(b)(i) u (ii) sa ħamses snin ta’ torbija;

b)

jippermetti li nagħaġ għajr dawk imsemmija fil-punt 4 jiddaħħlu fl-irziezet imsemmija fil-punt 2(b)(i) u (ii), sakemm dawn ma jkununx iġorru allela VRQ.

10.

L-Istati Membri li japplikaw id-derogi li hemm fil-punti 6 u 9 għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni rapport fuq il-kundizzjonijiet u l-kriterji li ntużaw biex jagħtuhom.’

(3)

Fl-Anness VIII, il-Kapitlu A qed jiġi emendat kif ġej:

a)

It-titlu tal-Kapitlu qed jinbidel b’dan li ġej:

‘Il-Kundizzjonijiet għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin, semen u embrijoni’

b)

Fil-Parti I, qed jiżdied il-punt (d) li ġej:

‘d)

mill-1 ta’ Jannar 2005 l-isperma u l-embrijoni tan-nagħaġ u l-mogħoż għandhom:

i)

jittieħdu mill-annimali li kienu nżammu kontinwament mit-twelid jew għall-aħħar tliet snin tal-ħajja tagħhom f’razzett jew irziezet li jkunu laħqu l-kriterji tal-punt (a)(i) jew kif xieraq (a)(ii) għal tliet snin; jew

ii)

fil-każ ta’ l-isperma tan-nagħaġ, jittieħed minn imtaten tal-ġenotip li jkollu l-proteina prion ARR/ARR, kif definit fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/1003/KE (**); jew

iii)

fil-każ ta’ embrijoni tan-nagħaġ, ikunu tal-ġenotip li jkollu l-proteina prion ARR/ARR, kif definit fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2002/1003/KE.

(**)  ĠU L 349, l-24.12.2002, p. 105.’"

(4)

L-Anness IX qed jiġi emendat kif ġej:

Il-Kapitlu G li ġej qed ikun miżjud:

‘Kaptilu G

L-importazzjoni tas-semen u l-embrijoni tan-nagħaġ u l-mogħoż

Is-semen u l-embrijoni tan-nagħaġ u l-mogħoż li jkunu impurati fil-Komunità mill-1 ta’ Jannar 2005 għandhom jilħqu l-kriterji ta’ l-Anness VIII, Kapitlu A (I), il-punt (d).’

(5)

Fl-Anness XI, Parti A, il-punt 1 (a) (i) qed jinbidel b’dan li ġej:

‘i)

Il-kranju, barra x-xedaq u inkluż il-moħħ u l-għajnejn, il-kolonna vertebrali barra l-vertebri tad-denb, il-proċess tas-sinsla u dak trasversali tal-vertebre ċervikali, toraċiċi u tal-ġenbejn, u x-xifer medjan ta’ l-ossu sagru u l-ġwienaħ ta’ l-ossu sagru, iżda inkluż il-gangliju ta’ l-għerq dorsali, u l-ispina dorsali ta’ annimali bovini li jkollhom aktar minn 12-il xahar, u t-tunsilli, l-intestini mid-duwodenu għar-rektum u l-mindil ta’ l-annimali bovini ta’ kull età;’


(*)  ĠU L 273, l-10.10.2002, p. 1.