|
31.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
9 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1412/2004
tat-3 ta’ Awwissu 2004
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma' l-Iraq
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2004/553/PESK tad-19 ta' Lulju 2004 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK dwar l-Iraq (1),
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
|
(1) |
F'konformità mar-Riżoluzzjoni 1483(2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 (2) jagħti ċerti immunitajiet minn proċedimenti legali u miżuri ta' infurzar lil ċerti fondi u prodotti bażiċi Iraqqini li ser japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2007. |
|
(2) |
Ir-Riżoluzzjoni 1546(2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tipprovdi li l-immunitajiet applikabbli għall-esportazzjoni mill-Iraq ta' żejt mhux raffinat u għall-Fond ta' l-Iżvilupp għall-Iraq m'għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet finali li jirriżultaw minn obbligi kuntrattwali li jkun daħal għalihom l-Iraq wara t-30 ta' Ġunju 2004. |
|
(3) |
Fit-28 ta’ Ġunju 2004 l-Awtoritá Proviżorja ta’ Koalizzjoni ma baqgħetx teżisti u l-Iraq reġa’ asserixxa s-sovranità sħiħa tiegħu. |
|
(4) |
Il-Pożizzjoni Komuni 2004/553/PESK temenda d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK dwar l-Iraq biex iġġibha konformi mar-Riżoluzzjoni 1546(2004). |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 għandu jiġi emendat f'dan is-sens, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003:
“3. Il-paragrafu 1(a), (b) u (d) m'għandux japplika għal proċedimenti legali li jikkonċernaw kwalunkwe obbligu kuntrattwali li jkun daħal għalih l-Iraq, inkluż b'mod partikolari l-Gvern Proviżorju tiegħu, il-Bank Ċentrali ta' l-Iraq u l-Fond ta' l-Iżvilupp għall-Iraq, wara t-30 ta' Ġunju 2004 u lanqas għal kwalunkwe deċiżjoni finali li tirriżulta minn tali obbligu kuntrattwali.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 3 ta’ Awwissu 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
B. BOT
(1) ĠU L 246, 20.7.2004, p. 32.
(2) ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1086/2004 (ĠU L 207, 10.6.2004, p. 10).