Official Journal L 162 , 30/04/2004 P. 0018 - 0028
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004 ta' l-24 ta' April 2004 li jwaqqaf programm tal-Komunità dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u l-użu ta' riżorsi genetiċi fl-agrikoltura u li jħassar Regolament (KE) Nru 1467/94 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Billi: (1) Diversità bijoloġika u genetika fl-agrikoltura hija essenzali għall-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni agrikolturali u ta' żoni rurali. Il-miżuri neċessarji għandhom għalhekk jittieħdu għall-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu tal-potenzal ta' dik id-diversità b'mod sostenibbli sabiex jitmexxew l-għanijiet ta-politika komuni agrikolturali (CAP). (2) Il-ħarsien u l-użu sostenibbli ta'riżorsi genetiċi fl-agrikoltura jagħmlu kontribut ukoll lill-għanijiet tal-Konvenzjoni dwar id-diversità Bioloġika approvata mill-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE: [1] u l-istrateġija dwar il-biodiversità relatata tal-Komunità li tinkludi pjan ta' azzjoni għall-ħarsien biodiversità u l-protezzjoni ta' riżorsi genetiċi fl-agrikoltura. Huwa anke għan ewlieni tal-Plan Globali tal-FAO għal Azzjoni għall-Ħarsien u l-Użu Sostenibbli ta' Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-agrikoltura u tat-Trattat Internazzjonali tar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-agrikoltura li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ffirmaw fis-6 ta' Ġunju 2002. (3) Il-firxa wiesgħa ta' attivitajiet imwettqa fl-Istati Membri (minn għaqda fis-settur pubbliku jew persuni legali jew naturali) u minn diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u programmi bħall-FAO, il-Programm Koperattiv Ewropew għal Riżorsi ta' uċuħ tar-Raba Ġenetiċi (ECP/GR), il-Grupp Konsultattiv dwar Riċerka Internazzjonali fl-agrikoltura (CGIAR), il-Forum Globali dwar Riċerka Agrikola (GFAR), ir-Riċerka Agrikola għall-Iżvilupp (ARD) organizzazzjonijiet reġjonali u sub-reġjonali megħjuna mill-Komunità, il-Punt Fokali Reġjonali Ewropew (ERFP) ta' Kordinaturi Nazzjonali għall-Immaniġġjar ta Riżorsi Ġenetiċi ta' Bhejjem fl-Irziezet, il-Programm Ewropew għar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Foresta (Euforgen) u l-impenni relatati tal-Konferenza Ministerjali kontinwa dwar il-protezzjoni ta' boskijiet fl-Ewropa (MCPFE) li tagħhom il-Komunità hija firmatarja jappellaw għal kambju effettiv ta' informazzjoni u kordinazzjoni mill-qrib bejn l-atturi ewlenija fil-Komunità u mal-organizzazzjonijiet relevant mad-dinja kollha fir-rigward tal-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura sabiex jiżdied l-impatt posittiv tagħhom fuq l-agrikolturaex situ (4) Ix-xogħol imniedi dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura jista' jkun ta' għajnuna għall-manteniment tad-diversità bioloġika, għat-tkattir tal-kwalità ta' prodotti agrikoli, għall-kontribut fiż-żieda fid-diversifikazzjoni ta' żoni rurali u għat-tnaqqis ta' spejjez ta' tidħil (dħul) u tal-produzzjoni agrikolturali bir-reklamar ta' produzzjoni agrikola sostenibbli u kontribuzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli ta' żoni rurali. (5) Il-ħarsien ex situ u in situ tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura (inkluzi ħarsien u żvilupp in situ/fir-razzett) għandhom ikunu promossi. Dan għandu jkopri r-riżorsi kollha ġenetiċi tal-pjanti, mikrobjali u ta' annimali li huma jew jistgħu jkunu utili għall-agrikoltura u żvilupp rurali, inkluzi riżorsi ġenetiċi tal-foresta, skond il-ħtiġijiet tas-CAP, bil-għan li jiġu mħarsa r-riżorsi ġenetiċi u ż-żieda fl-użu ta' razez mhux użati biżżejjed u varjetajiet fil-produzzjoni agrikolturali. (6) Konoxxenza tar-riżorsi ġenetiċi disponibbli fil-Komunità, u l-oriġini u l-karatteristiċi tagħhom għad trid tittejjeb. Informazzjoni rilevanti dwar faċitiltajiet eżistenti u attivitajiet implimentati fil-livell nazzjonali jew reġjonali fir-rigward tal-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura f'kull Stat Membru għanda tinġabar u mqiegħda għad-disposizzjoni ta' L-Istati Membri l-oħra u tal-Komunità, kif wkoll f'livell inernazzjonali, b'mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, skond Trattati u Ftehim Internazzjonali. (7) L-iżvilupp ta' inventarji diċentralizzati, permanenti u aċċessibbli fil-wiesgħa u mqiegħda fuq il-web bil-ġbir ta' tali konnoxenza u garanzija tad-disponibbilità tagħhom fil-Komunità u fl-livell internazzjonali għandhom jiġu promossi, b'riferenza partikolari għall-isforzi kontinwi għall-iżvilupp ta' inventarju ta' kollezzjonijiet ex situ miżmuma f'banek gene Ewropej (l-EPGRIS – Infrastruttura Ewropea ta' Informazzjoni dwar-Riżorsi Ġenetiċi ta' Pjanti "EURISCO", iffinanzjata fil-kwadru tal-ħames programm). (8) Il-Komunità għandha tikkomplementa u tmexxi l-isforzi magħmula fl-Istati Membri għall-ħarsien u użu sostenibbli tad-diversità bioloġika fl-agrikoltura Valur miżjud fil-livell tal-Komunità għandu jiġi mmexxi billi jingħaqdu flimkien azzjonijiet eżistenti u jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' inizzjattivi li jaqsmu l-fruntieri li jinvolvu l-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura. (9) Disposizzjoni għanda għalhekk issir għal miżuri li jikkomplementaw jew imorru oltrè dan il-għan, għal dak li jirrigwarda benefiċjarji u/jew azzjonijiet eliġibbli għal finanzjament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG)) [2]. (10) Sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq ta' dawk il-għanijiet, programm tal-Komunità ġie stabbilit taħt Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/94 tal-20 ta' Ġunju 1994 dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura [3], għal-perjodu ta' ħames snin. Dak il-programm jintemm fil-31 ta' Diċembru 1999 u għandu jiġi mibdul bi programm ġdid Komunitarju. Regolament (KE) Nru 1467/94 għandu għalhekk jiġi mħassar. (11) Għażla u implimentazzjoni ta' miżuri taħt il-programm ġdid tal-Komunità għandu jieħu in konsiderazzjoni riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet dimostrattivi appoġġjati jew f'livell nazzjonali jew fil-kwadru tal-programmi tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrattivi. It-tqegħid fis-suq ta' materjal ta' propagazzjoni ta' żerriegħa upjanti bix jiġu użati taħt il-programm ġdid għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa ta' pjanti għall-għalf [4], 66/402/KEE ta' l-14 ta'Ġunju 1966 għat-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa ta' ċereali [5], 68/193/KEE tad-9 ta' April 1968 dwar it-tqegħid fis-suq ta' materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja [6], 92/33/KEE tat-28 ta' April 1992 dwar il-bejgħ fis-suq ta' materjal ta' propagazzjoni veġetali u, oltrè ż-żerriegħa [7], 92/34/KEE tat-28 ta' April 1992 dwar it-tqegħid fis-suq ta' materjal ta' propagazzjoni ta' pjanti tal-frott u pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott [8], 98/56/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' materjal ta' propagazzjoni ta' pjanti ornamentali [9], 1999/105KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar it-tqegħid fis-suq ta' materjal riproduttiv tal-foresta [10], 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-katalogu komuni ta' varjetajiet ta' speċi agrikolturali ta' pjanti [11], 2002/54/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 tat-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa beet [12], 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa tal-ħaxix [13], 2002/56/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa tal-patata [14], 202/57/KE tat-13 ta'Ġunju 2002 dwar it-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa ta' żejt u pjanti tal-fibra [15]. (12) Il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE) jipprovdi li l-pajjiżi ta' l-Għaqda Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ewropea Ekonomika (pajjiżi EFTA/ŻEE) għandhom, inter alia, isaħħu u jwessaw l-koperazzjoni fil-kwadru tal-attivitajiet tal-Komunità fil-qasam ta' ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura. (13) Għall-implimentazzjoni aħjar tal-programm tal-Komunità, program ta' xogħol għall-perjodu 2004 sa 2006 għandu jiġi mfassal li jelenka d-disposizzjonijiet rilevanti finanzjarji applikabbli. (14) Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni u monitorjar tal-program tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tagħmel użu ta' konsulenti xjentifiċi u tekniċi. (15) Il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tkun iffinanzjatat taħt l-intestatura 3 (politika interna) tal-perspettiv finanzjarju. (16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [16]. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Għanijiet Bil-għan li jintlaħqu l-finijiet tal-CAP, u għall-implimentazzjoni ta' l-impenni meħuda f'livell internazzjonali, programm tal-Komunità huwa hawnhekk mfassal għall-perjodu 2004 sa 2006 sabiex jikkomplimenta u jmexxi, fil-livell tal-Komunità, ix-xogħol imniedi fl-Istati Membri għall-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura. Artikolu 2 L-għan 1. Dan ir-Regolament għandu jgħodd għal riżorsi ġenetiċi ta' pjanti, micobjali u annimali li huma jew jistgħu jkunu ta' użu fl-agrikoltura. 2. Ebda appoġġ ma jista' jingħata taħt dan ir-Regolament: (a) għal impenni eliġibbli taħt it-Titolu II, Kapitolu VI, tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, kif speċifikat b'segwitu għall-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2002 tas-26 ta' Frar 2002 li jfassal regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG)) [17]. (b) għal attivitajieti fil-kwadru tal-programm tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrattivi. Artikolu 3 Tifsir Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin: (a) "riżorsi ġenetiċi ta' pjanti" ifisser dawk ta' l-uċuħ tar-raba agrikoli, uċuħ tar-raba ortikulturali, pjanti mediċinali u aromatiċi, uċuħ tar-raba tal-frott, siġar tal-boskijiet u flora salvaġġa li huma jew jistgħu jkunu ta' użu fil-qasam ta' l-agrikoltura; (b) "riżorsi ġenetiċi ta' l-annimali" ifisser dawk ta' annimali tar-razzett (vertebri u invertebri) u fawna salvaġġa li hija jew tista' tkun ta' użu fil-qasam ta' l-agrikoltura; (ċ) "materjal ġenetiku" ifisser kwalunkwe maaterjal ta' oriġini ta' pjanti, microbjali jew annimali, inkluz materjal ta' propagazzjoni riproduttiv jew veġetattiv, li fih unitajiet funzjonali ta' eredità; (d) "riżorsi ġenetiċi għall-agrikoltura" ifisser kwalunkwe materjal ġenetiku ta' oriġini ta' pjanti, microbjali jew annimali ta' valur attwali jew potenzali għall-agrikoltura; (e) „ ħarsien in situ“ ifisser il-ħarsien ta' materjal ġenetiku f'ekosistemi u abitati naturali u l-manteniment u r-rikoverar ta' popolazzjonijiet vijabbli ta' speċi jew razez selvaġġi fl-ambjenti tagħhom naturali u, fil-kaz ta' razez ta' annimali domestiċi jew speċi ta' pjanti mkabbra, fl-ambjent tar-razzett fejn żviluppaw l-kwalitajiet distintivi tagħom: (f) "ħarsien in situ/fir-razzett" ifisser "ħarsien u żvilupp in situ" fil-livell tar-razzett; (g) "ħarsien ex situ" ifisser il-ħarsien ta' materjal ġenetiku għall-agrikoltura barra l-abitat naturali: (h) "ġbir ex situ" ifisser ġbir ta' materjal ġenetiku għall-agrikoltura mantenut barra l-abitat naturali tiegħu: (i) "reġjun bioġeografiku" ifisser reġjun ġeografiku b'karatteristiċi tipiċi fir-rigward tal-komposizzjoni u l-istruttura tal-fawna u tal-flora. Artikolu 4 Azzjonijiet eliġibbli 1. Il-programm tal-Komunità li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 1 għandu jinkludi azzjonijiet immirati, azzjonijiet miftiehma u azzjonijiet anċillari, kif speċifikat fl-Artikolu 5, 6 u 7. 2. L-azzjonijiet kollha mwettqa taħt il-programm għandhom ikun konformi mal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar ir-regoli phytosanitarji, saħħa ta' l-annimali u żoo-tekniċi, dwar it-tqegħid fis-suq ta' materjal ta' zerriegħa u propagazzjoni u dwar il-katalogu komuni u għandhom jieħdu in konsiderazzjoni: (a) attivatijiet oħra mnedija fil-livell tal-Komunità: (b) proċessi,żviluppi u ftiehem rilevanti internazzjonali, b'mod partikolari dak li jirrigwarda: - -il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika, - -it-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi ta' Pjanti għall-Ikel u għall-Agrikoltura, - - il-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-FAO dwar il-Ħarsien u l-Użu Sostenibbli ta' Riżorsi Ġenetiċi ta' Pjanti Agrikoltura u azzjonijiet oħra mnedija fil-kwadru tax-xogħol tal-FAO, - - l-Istrateġija Ewropea dwar il-Ħarsien ta' Pjanti u r-risoluzzjonijiet rilevanti tal-Konferenzi Ministerjali dwar il-protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa, - -l-Istrateġija Globali għall-Amministrazzjoni ta' Riżorsi Ġenetiċi ta' Annimali, u - - programmi implimentati fi kwadri internazzjnali bħall-Programm Ewropew Koperattiv għal Xibkiet ta' Riżorsi Ġenetiċi ta' uċuħ tar-Raba (ECP/GR), il-punt fokali reġjonali Ewropew (ERFP) ta' kordinaturi nazzjonali għall-amministrazzjoni ta' riżorsi ġenetiċi ta' annimali tar-razzett, il-Programm Ewropew ta' Riżorsi Ġenetiċi tal-Foresta (Euforgen) u l-Grupp Konsultattiv dwar Riċerka Internazzjonali fl-Agrikoltura (CGIAR). Artikolu 5 Azzjonijiet immirati L-azzjonijiet immirati għandhom jinkudu (a) azzjonijiet li jippromovu l-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi ex situ u in situ fl-agrikoltura; (b) it-twaqqif ta' inventarju Ewropew deċentralizzat u permanenti ta' riżorsi ġenetiċi bbażat fuq il-web u aċċessibbli fil-wiesgħa korrentement konservat in situ inkluzi attivitajiet ta' ħarsien ta' riżorsi ġenetiċi in situ/fir-razzett; (ċ) it-twaqqif ta' inventarju Ewropew deċentralizzat u permanenti ta' riżorsi ġenetiċi bbażat fuq il-web u aċċessibbli fil-wiesgħa ta' kollezzjonijiet ex situ (banek gene) faċilitajiet in situ (riżorsi) u databases korrentement disponibbli jew li qed jiġu żviluppati fau il-bażi ta' inventarji nazzjonali; (d) il-promozzjoni ta' skambju ta' informazzjoni teknika u xjentifika, b'mod partikolari dwar l-oriġini u l-karatteristiċi individwali ta' riżorsi ġenetiċi disponibbli, fost organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri. L-azzjonijiet li hemm riferenza fil-punt (a) għandhom ikunu transnazzjonali, waqt li jittieħed in konsiderazzjoni, jekk xieraq, aspetti reġjonali bioġeografiċi u jniedu jew jikkomplimentaw, fil-livell tal-Komunità, xogħol imwettaq f'livell reġjonali jew nazzjonali. Ma jistgħux jinvolvu għajnuna għall-manteniment ta' żoni ta' protezzjoni tan-natura. Artikolu 6 Azzjonijiet miftiehma Azzjonijiet miftiehma għandhom jippromovu l-iskambju ta' informazzjoni dwar materji tematiċi bil-għan li jkattru l-kordinazzjoni ta' azzjonijiet u programmi għall-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi fl-agrikoltura tal-Komunità. Għandhom ikunu transnazzjonalii. Artikolu 7 Azzjonijiet Anċillari L-azzjonijiet anċillari jinkludu l-azzjonijiet ta' informazzjoni, ta' diffużjoni u ta' consulenza, li jinvolvu l-organizzazzjoni ta' seminars, konferenzi tekniċi, laqgħat ma' organizzazzjonijiet non- governattivi (NGO) u ġugaturi oħra rilevanti, korsijiet ta' stħarriġ u l-preparazzjoni ta' rapporti tekniċi. Artikolu 8 Programm ta' xogħol 1. Il-Kummissjoni għanda tassigura l-implimentazzjoni tal-programm tal-Komunità fuq il-bażi ta' program ta' xogħol li jkopri l-perjodu 2004 sa 2006 mfassal skond il-proċedura li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 15(2) u soġġetta għad-disponibbiltà ta' allokazzjonijiet finanzjarji. 2. L-azzjonijiet ko-finanzjati taħt il-programm tal-Komunità għandhom ikunu ta' tul massimu ta' erba' snin. Artikolu 9 Għażla ta' azzjonijiet 1. Il-Kummissjoni għandha, fl-ambitu tal-programm tax-xogħol li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 8 u fuq il-bażi ta' sejħiet għal proposti għal azzjonijiet pubblikati fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, tagħżel l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm tal-Komunità. 2. Is-sejħiet għal proposti għandhom ikopru l-azzjonijiet u ż-żoni msemmija fl-Artikolu 5, 6 u 7 u fl-Anness I. Il-kontenut tas-sejħiet għal proposti għandu jiġi mfassal skond il-proċedura li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 15(2) u konformi ma' l-Artikolu rilevanti taħt Titolu VI tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [18]. 3. Proposti għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, 6 u 7 jistgħu jiġu sottomessi minn għaqda fis-settur pubbliku jew kwalunkwe persuna naturali jew legali li hi ċittadin ta' Stat Membru u stabbilita fil-Komunità, inkluzi banek tal-ġene, organizzazzjonijiet non-governattivi, persuni li jrabbu l-bhejjem, istituzzjonijiet tekniċi, razzetti sperimentali, ġardinara u propretarji ta' foresti. Għaqdiet jew persuni stabbilit f'terzi pajjizi jistgħu wkoll jissottomettu proposti fejn dan huwa previst fl-Artikolu 10. 4. Il-kriterji li ġejjin għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni fl-istima tal-proposti: (a) rilevanza għall-għanijiet tal-programm tal-Komunità kif mfisser fl-Artikolu 1; (b) (b)kwalità teknika tax-xogħol propost; (ċ) il-fakoltà li titwettaq l-azzjoni b'suċċess u li tiġi assigurata l-amministrazzjoni effiċjenti tagħha, stmata fit-termini tar-riżorsi u l-kompetenzi u inkluzi l-arranġamenti organizzattivi preskritti mill-partiċipanti; (d) Valur miżjud Ewropew u kontribuzzjoni potenzali għall-politika tal-Komunità. 5. Proposti ta' azzjonijiet għal finanzjament taħt il-programm tal-Komunità jintgħażlu fuq il-bażi ta' stima minn esperti independenti. L-esperti independenti jiġu mistiedna mill-Kummissjoni b'konkorrenza ma' l-Artikolu 57(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u ma' l-Artikolu 178 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tal-23 ta' Diċembru 2002 li jfassal regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [19]. 6. Jekk ikun neċessarju, regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati konformi mal-proċedura li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 15(2). Artikolu 10 Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi Il-programm tal-Komunità jkun miftuħ għal parteċipazzjoni minn: (a) pajjiżi ta' l-EFTA/ŻEE konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE; (b) pajjiżi assoċjati, konformi mal-kondizzjonijiet mfassla fil-ftiehem bilaterali rispettivi li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom f'programmi tal-Komunità Artikolu 11 Ftehim ta' għajnuna 1. Wara l-adozzjoni ta' l-azzjonijiet magħżula, il-Kummissjoni għanda tikkonkludi ftiehem ta' għajnuna mal-parteċipanti f'dawn l-azzjonijiet konformi ma' l-Artikoli rilevanti taħt it-Titolu VI tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Il-ftiehem ta' għajnuna għandhom jelenkaw kriterji dettaljati dwar rapportaġġ, tixrid, protezzjoni u esplojtazzjoni tar-riżultati ta' l-azzjonijiet. 2. Il-Kummissjoni għanda tieħu l-passi meħtieġa, b'mod partikolari b'mezzi ta' iċċekkjar tekniku, amministrattiv u finanzjarju fil-lokal tal-benefiċjarji, biex tivverifika li l-informazzjoni u d-dokumenti ta' sostenn prodotti huma ġenwini, u li l-obbligazzjonijiet kollha mfassla fil-ftehim ta' għajnuna ġew issodisfati. Artikolu 12 Assistenza teknika 1. Konformi ma' l-Artikolu 57(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Kummissjoni tista' titlob l-assistenza ta' esperti xjentifiċi u tekniċi għall-implimentazzjoni tal-programm tal-Komunità, inkluzi pariri tekniċi fir-rigward tal-preparazzjoni ta' sejħiet għal proposti, evalwazzjoni ta' rapporti tekniċi u finanzjarji, monitorjar, skopijiet ta' rapportar u informazzjoni. 2. Kuntratt ta' servizz għandu jiġi ffirmat bħala riżultat tal-proċedura għal sejħa ta' appalti fil-qasam ta' ksib pubbliku konformi ma' l-Artikolu rilevanti taħt it-Titolu V tar-Regolament (KE, Euratom) Nru1605/2002. Artikolu 13 Kontribuzzjoni tal-Komunità 1. Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 ma għandux jazqbeż 50 % mill-ispejjez totali ta' l-azzjoni. 2. Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 u 7 ma għandhomx jaqbżu 80 % ta' l-ispejjez totali ta' l-azzjoni. 3. Kontribuzzjoni tal-Komunità sa 100 % ta' l-ispejjez totali ta' l-assistenza li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 9(5) (stima ta' proposti), l-Artikolu 12 (assistenza teknika) u l-Artikolu 14 (evalwazzjoni tal-programm tal-Komunità) għandha tiġi allokata. 4. Il-perspettiv finanzjarju Intestatura 3 "Politika Interna" għandu jikkontribwixxi għall-iffinanzjar ta' azzjonijiet u assistenza mnedija taħt il-programm tal-Komunità fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. 5. Elenkar indikattiv tal-fondi għall-programm tal-Komunità huwa mogħti fl-Anness I. Artikolu 14 Evalwazzjoni tal-programm tal-Komunità Fi tmiem il-programm tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha taħtar grupp ta' esperti independenti biex jagħmlu rapport dwar l-implimentazzjoni ta dan ir-Regolament, biex jistmaw ir-riżultati u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet xierqa. Ir-rapport tal-grupp, flimkien mar-rimarki tal-Kummissjoni, għandu jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Artikolu 15 Il-proċedura tal-Kumitat 1. Il-Kumissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura (hawnhekk iżjed 'il quddiem msejjaħ il-Kumitat). 2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahar. 3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu. 4. Il-Kumitat għandu jiġi nfurmat fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-programm tal-Komunità Artikolu 16 Tħassir Regolament (KE) Nru 1467/94 għandu jiġi mħassar, mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet kontrattwali ta' partijiet li diġà daħlu f'kuntratti li joħorġu minn dan ir-Regolament. Artikolu 17 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, fl-24 ta' April 2004. Għall-Kunsill Il-President J. Walsh [1] ĠU L 309, tat-13.12.93, pġ. 1. [2] ĠU L 160, tas-26.6.1999, pġ. 80. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 583/2004 (ĠU L 91, tat-30.3.2004, pġ. 1). [3] ĠU L 159, 28.06.94, pġ. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.05.03, pġ. 1). [4] ĠU P 125, tal- 11.7.1966, pġ. 2298/66. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2003/61/KE (ĠU L 165, tat-3.7.2003, pġ. 23). [5] ĠU P 125, tal- 11.7.1966, pġ. 2309/66. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2003/61/KE. [6] ĠU L 93, tas-17.4.1968, pġ. 15. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, tat-18.10.2003, pġ. 1). [7] ĠU L 157, ta’ l- 10.6.1992, pġ. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, pġ. 1). [8] ĠU L 157, ta’ l- 10.6.1992, pġ. 10. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 806/2003. [9] ĠU L 226, tat-13.8.1998, pġ. 16. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 806/2003. [10] ĠU L 11, 15.11.00, pġ. 17. [11] ĠU L 193, ta’ l- 20.7.2002, pġ. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. [12] ĠU L 193, ta’ l- 20.7.2002, pġ. 12. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2003/61/KE. [13] ĠU L 193, ta’ l- 20.7.2002, pġ. 33. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. [14] ĠU L 193, ta’ l- 20.7.2002, pġ. 60. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2003/61/KEC. [15] ĠU L 193, ta’ l- 20.7.2002, pġ. 74. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2003/61. [16] ĠU L 184, 17.07.99, pġ. 23. [17] ĠU L 74, tal-15.3.2002, pġ. 2. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 963/2003 ĠU L 138, tal-5.6.2003, pġ. 32). [18] ĠU L 248, ta' l- 10.09.02, pġ. 1 [19] ĠU L 357, tal-31.12.02, pġ. 1. -------------------------------------------------- ANNESS I PROGRAMM TAL-KOMUNITÀ: AZZJONIJIET U ŻONI ELIĠIBBLI 1. Azzjonijiet u żoni eliġibbli Il-Programm tal-Komunità jirrigwarda l-ħarsien, karatterizzazzjoni, evalwazzjoni, ġbir, dokumentazzjoni, żvilupp u użu ta' riżorsi ġenetiċi li korrentement jiġru fil-Komunità. Organiżmi eliġibbli huma pjanit (pjanti li jagħmlu ż-żerriegħa), annimali (vertebri u ċerti invertebri) u micro-organiżmi. Il-Programm ikopri materjal li attivament qed jikber u materjal li huwa rieqed (żerriegħa, embrijoni, semen u pollen). Kollezzjonijiet ex situ, in situ u tar-razzett huma koperti. Kull tip ta' materjal huwa eliġibbli inkluz cultivars u razez domestiċi, razez lokali, materjal ta' min irabbi, kollezzjonijiet ta' tipi ġenetiċi, u speċi selvaġġi. Prijorità tingħata lill-ispeċi li huma, jew li jistgħu raġonevolment mistennija li jsiru sinifikanti fl-agrikoltura, ortikultura jew foresterija fil-Komunità. Preferenza tingħata lill-użu ta' riżorsi ġenetiċi (a) diversifikazzjoni ta' produzzjoni fl-agrikoltura; (b) kwalità mtejba ta' prodotti: (ċ) amministrazzjoni sostenibbli u użu ta' riżorsi naturali u agrikolturali; (d) kwalità mtejba ta' l-ambjent u tal-kampanja; (e) identifikazzjoni ta' prodotti għall-użu ġdid u swieq. Meta kollezzjonijiet jiġu reġistrati u ġbir ġdid jinbeda, passi jittieħdu fil-programm. Meta kollezzjonijiet jiġu reġistrati u ġbir ġdid jinbeda, passi jittieħdu fil-programm biex jassiguraw li l-esperjenza u konoxxenza tradizzjonali reġjonali tal-mittenti (bdiewa, ortikulturisti) dwar metodi ta' tkabbir, proċessar, togħma, eċċ., huma nkluzi wkoll. L-azzjonijiet mwettqa taħt dan il-programm għandhom ikunu konformi ma' leġislazzjoni tal-Komunità dwar tqegħid fis-suq ta' żerriegħa u materjal ta' propagazzjoni u dwar il-katalogu komuni, kif ukoll ma regoli phytosanitarji u tas-saħħa ta' l-annimali u żooteknoloġiċi fis-seħħ fil-Komunità. Passi xierqa, konformi ma' l-għanijiet tas-CAP u konformi ma' l-impenni internazzjonali tal-Komunità, għandhom jittieħdu biex jippromovu t-tixrid u l-esplojtazzjoni ta' kwalunkwe riżultat ta' xogħol fil-qasam tal-ħarsien, karatterizzazzjoni, evalwazzjoni, ġbir, dokumentazzjoni, żvilupp u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura li jistgħu jikkontribwixxu għat-tilħiq ta' dawk il-għanijiet u impenji. L-għan ewlieni huwa li jiġi provdut appoġġ effiċjenti u prattiku lill-mittenti attwali u ġejjiena ta' riżorsi ġenetiċi fil-Komunità. 2. Azzjonijiet u żoni eskluzi L-azzjonijiet li ġejjin huma speċifikatament eskluzi minn appoġġ finanzjarju mill-Komunità taħt dan il-programm: studji teoretiċi, studji biex jiġu ppruvati ipotesi, studji għall-iżvilupp ta' metodi jew metodi ta' teknika, xogħol li jinvolvi metodi ta' teknika mhux ippruvati jew sistemi "mudelli" u l-attivitajiet l-oħra kollha ta' riċerka. Tali azzjonijiet huma eliġibbli biex jiġu kkunsidrati fil-kwadru ta' programmi ta' żvilupp ta' riċerka u teknoloġija tal-Komunità. Adattamenti ta' metodi eżisenti bil-għan ta' attività fl-ambitu tar-Regolament jistgħu, madanakollu, jiġu kunsidrati eliġibbli għal appoġġ taħt il-programm tal-Komunità. Azzjonijiet li huma eliġibbli għal appoġġ fil-kwadru tal-programm tal-Komunità Ewropea għal riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet dimostrattivi jistgħu ma jiġux appoġġjati. Ebda appoġġ ma jista' jingħata taħt dan il-programm għal impenji li diġà nbdew fl-Istati Membri u/jew eliġibbli taħt it-Titolu II, Kapitolu VI, tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 kif speċifikat taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 445/2002. Madankollu, azzjonijiet li jwasslu għal sinerġija bejn Regolament (KE) Nru 1257/1999 u dan il-programm għandhom ikunu nkoraġġuti. Azzjonijiet li jinvolvi annimali u pjanti ta' kategoriji baxxi u micro-organiżmi, inkluzi fungi, huma eliġibbli biss meta dawn ikunu mrobbija jew kkultivati fuq l-art u meta huma jew jistgħu jkunu ta' użu fl-agrikoltura, inkluzi organiżmi li huma addattati għal użu bħala aġenti ta' kontroll bioloġiku fl-agrikoltura fit-tifsira l-aktar wiesgħa tagħha. Eċċezzjoni ssir fil-kaz speċifiku ta' konnessjonijiet definiti ġene-fuq-ġene bejn parassiti jew simbjont u l-ġerrej, u fejn iż-żewġ organiżmi ser jiġu konservati. Il-ġbir u akkwist ta' materjal huwa soġġett għall-prijoritajiet stipulati aktar 'l fuq. 3. Tipi ta' azzjonijiet L-implimentazzjoni tal-programm tal-Komunità għall-ħarsien, karatterizzazzjoni, evalwazzjoni, ġbir, dokumentazzjoni, żvilupp u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura tinkludi azzjonijiet immirati, azzjonijiet magħquda u azzjonijiet komplementari. L-azzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu promossi: 3.1. Azzjonijiet immirati Azzjonijiet bl-iskop tal-ħarsien, karatterizzazzjoni, evalwazzjoni, ġbir, dokumentazzjoni, żvilupp u użu ta' riżorsi ġenetiċi ex situ, in situ u fir-razzett fl-agrikoltura huma intizi bħala appoġġ jew bħala żieda, fil-livell tal-Komunità, xogħol implimentat f'livell reġjonali jew nazzjonali. Għandhom ikunu tansnazzjonali (wara li jittieħed in konsiderazzjoni wkoll, fejn xieraq, aspetti reġjonali bioġeografiċi). Dawn l-azzjonijiet ma jistgħux jinvolvu għajnuna li tmantni żoni ta' protezzjoni tannatura. L-azzjonijiet għandhom iżidu valur (tifrix tal-konoxxenza, żieda fl-użu, titjib ta' metodoloġiji, skambju bejn Stati Membri) lil skemi agri-ambjentali għal speċi fil-periklu, provenjenza, cultivars jew razez diġà ffinanzjati f'livell reġjonali jew nazzjonali (p.e., karatterizzazzjoni ta' diversità ġenetika u distanza bejn ir-razez rispettivi, użu ta' prodotti lokali, kordinazzjoni u tfittxija ta' affarijiet komuni bejn ġestituri ta' skemi). Dawn l-azzjonijiet iridu, bħala regola ġenerali, jitwettqu minn parteċipanti stabbiliti fil-Komunità u ffinanzjati minn ġewwa l-faċilità preżenti, b'seħib, fejn xieraq, ma' organizzazzjonijiet minn reġjuni oħra tad-dinja. Prijorità għanda tingħata lil azzjonijiet li jipprovdu għall-parteċipazzjoni ta' tnejn jew aktar parteċipanti mhux konnessi stabbiliti fi Stati Membri differenti. Parteċipazzjoni minn-NGOs u persuni oħra interessati fil-qasam ta' ħarsien in situ/fir-razzett għandhom jiġu promossi. It-tixrid u skambju ta' riżorsi ġenetiċi Ewropej għandhom jiġu promossi bil-għan li jiżdied l-użu ta' speċi mhux utilizzati biżżejjed imma anke l-użu ta' diversità wiesgħa ta' riżorsi ġenetiċi fi produzzjoni agrikola sostenibbli. Għal riżorsi ġenetiċi ta' pjanti, xibka ta' inventarji nazzjonali diċentralizzata permanenti Ewropea bażata fuq il-web u aċċessibbli b'firxa wiesgħa ta' kollezzjonijiet ex situ (banek ġene), faċitilitajiet in situ (riżorsi) u databases ibbażati fuq inventarji nazzjonali hija korrentement disponibbli jew qed tiġi żviluppata fil-kwadru ta' l-inizzjattiva EPGRIS. L-iżvilupp ta' inventarji nazzjonali ta' kollezzjonijiet ex situ miżmuma f'pajjiżi Ewropej, u katalogu Ewropew ta' tfittxija (EURISCO) għandu jiġi stabbilit u mtejjeb aktar u inventarji ta' riżorsi in situ (riservi ġenetiċi jew unitajiet ta' ħarsien tal-ġene) għandhom jiġu żviluppati Inventarju diċentralizzat permanenti Ewropew bażat fuq il-web u aċċessibbli b'firxa wiesgħa ta' riżorsi ġenetiċi tal-foresta inkluzi riżorsi in situ (riservi ġenetiċi jew unitajiet ta' ħarsien tal-ġene) u kollezzjonijiet ex situ għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta' inventarji nazzjonali u li jittieħdu in konsiderazzjoni l-attivitajiet tal-programm ta' Euforgen-networks. Għal riżorsi ġenetiċi ta' annimali miżmuma f'irziezet, sforzi għandhom jikkonċentraw fuq network Ewropew ta' inventarji nazzjonali ta' aspetti amministrattivi (Oriġini u l-istatus ta' finanzjament, stat ta' razez u u l-periklu li jinsabu fih, lokalità ta' kotba dwar merħliet, eċċ.) li għandhom jiġu amministrati konformi mad-DAD-IS, is-sistema ta' informazzjoni għall-Istrateġija Globali għall-amministrazzjoni ta' Riżorsi Ġenetiċi ta' Annimali tar-Razzett (AnGR). Għal ħarsien ex situ ta' riżorsi ġenetiċi (semen, embrijoni) xibka ta' inventarji nazzjonali bażata fuq il-web u katalogu Ewropew ta' tfittxija ta' data minima ta' passaport għandha tiġi żviluppata. L-inventarju għandu jikkonsisti primarjament fit-twaqqif, aġġornament regolari u pubblikazzjoni regolari tal-faċilitajiet (ħażna u ħarsien) għal riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura miġbura fil-Komunità, u l-elenkar ta' xogħol korrenti dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, evalwazzjoni, ġbir, dokumentazzjoni, żvilupp u użu ta' dawk ir-riżorsi ġenetiċi. Data minima tal-passport ta' adeżjonijiet individwali jistgħu jiġu nkluzi. Għal riżorsi ġenetiċi microbjali, xibka bażata fuq il-web ta' inventarji nazzjonali ta' riżorsi ex situ u in situ għanda tiġi stabbilita, fil-kwadru tax-xbieki tac-Ċentru tar-Riżorsi Bijoloġiċi Ewropew (EBRCN). Skambji ta' informazzjoni bejn organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri, partikolarment dwar l-oriġini u l-karatteristiċi individwali tar-riżorsi ġenetiċi, għandhom jiġu promossi. Dawn ikunu ta' għajnuna għat-twaqqif ta' xibka ta' inventarji nazzjonali li jipprovdu gwida għall-kollezzjonijiet ta' riżorsi ġenetiċi mħarsa u attivitajiet msieħba fil-Komunità. L-għanijiet tax-xbieki ta' inventarji nazzjonali huma li jappoġġaw l-attivitajiet tal-Komunità u nazzjonali u li jinkoraġġixxu konoxxenza l-aktar wiesgħa u użu ta' materjal ippreservat. Infiq fil-bini tal-kapaċità tal-NGOs, it-twaqqif u l-monitorjar ta' l-inventarji, skambji regolari ta' informazzjoni bejn organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri u l-preparazzjoni ta' pubblikazzjonijiet regolari u rapporti, għandu jiġi kopert minn approprjazzjonijiet maħsuba għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm. 3.2. Azzjonijiet miftiehma Azzjonijiet miftiehma huma dedikati biex itejbu l-kordinazzjoni fil-livell tal-Komunità, primarjament bl-organizzazzjoni ta' seminars u l-preparazzjoni ta' rapporti, ta' azzjonijiet individwali (nazzjonali, reġjonali, lokali) għall-ħarsien, karatterizzazzjoni, evalwazzjoni, ġbir, dokumentazzjoni, żvilupp u użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura li diġà qed jitwettqu fl-Istati Membri. Partikolarment, għandhom jippromovu skambji ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar materji tematiċi) u dwar azzjonijiet lokali (fir-razzett), reġjonali, jew nazzjonali u programmi (mwettqa jew ippjanati taħt l-awtorità ta' Stati Membri jew minn korpijiet mhux taħt l-awtorità tagħhom), inkluzi anke azzjonijiet li huma jew jistgħu jitwettqu taħt Regolament (KE) Nru 1257/1999, Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta' l-14 ta' Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet u desinjazzjonijiet ġeografiċi ta' l-oriġini ta' prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel [1] u (KEE) Nru 2082/92 ta' l-14 ta' Lulju 1992 dwar ċertifikati ta' karattru speċifiku għal prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel [2] jew Direttiva tal-Kunsill 98/95/KE ta' l-14 ta' Diċembru 1998 li temenda, fir-rigward tat-tqegħid fis-suq intern, varjetajiet ta' pjanti u riżorsi ġenetiċi ta' pjanti ġenetikament modifikati, Direttivi 66/400/KEE, 66/401/KEE, 66/402/KEE, 66/403/KEE, 69/208/KEE, 70/457/KEE and 70/458/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa beet, żerriegħa ta' pjanti tal-għalf, żerriegħa ta' ċereali, żerriegħa tal-patata, żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u tal-fibra u żerriegħa tal-ħaxix u dwar il-katalogu komuni tal-varjetajiet ta' speċi ta' pjanit ta' l-agrikoltura [3], għall-għanijiet ta' kordinazzjoni ta' dawn l-inizzjattivi flimkien, ma' miżuri li għandhom jitniedu fil-livell tal-Komunità u ma' proċessi rilevanti internazzjonali, żviluppi u ftiehem. Azzjonijiet miftiehma jistgħu wkoll jinvolvu attivitajiet ta' kordinazzjoni dwar materji tematiċi (riżorsi ġenetiċi ta' uċuħ tar-raba' speċifiċi jew annimali) minn gruppi tekniċi speċjalizzati. Azzjonijiet miftiehma għandhom ikunu transnazzjonali. 3.3. Azzjonijiet anċillari Azzjonijiet anċillari speċifiċi għandhom jinkludu informazzjoni, tixrid u azzjonijiet ta' pariri li jinvolvu: - - l-organizzazzjoni ta' seminars, konferenzi tekniċi, gruppi tax-xogħol, laqgħat okkażżjonali ma' NGOs u korpijiet oħra interessati u persuni individwali interessati, - -korsijiet ta' taħriġ u skemi ta' mobilità, - - preparazzjoni ta' rapporti tekniċi, - - il-promozzjoni tal-użu ta' riżultati mis-suq (mittenti). 4. Azzjonijiet immirati: aktar dettajli dwar żoni eliġibbli 4.1. Riżorsi ġenetiċi tal-uċuħ tar-raba' 1) Żvilupp ta' xibka ta' inventarji nazzjonali permanenti bażata fuq il-web u aċċessibbli fil-wiesgħa dwar riżorsi ġenetiċi tal-uċuħ tar-raba' (in situ u ex situ); manteniment u titjib aktar ta' EURISCO. 2) Skambju ta' informazzjoni dwar metodi, metodi ta' teknika u esperjenzi ta' attivitajiet fir-razzett, inkluzi l-utilizzazzjoni u konċetti ta' tqegħid fis-suq li jistgħu jippromovu l-użu ta' uċuħ tar-raba mhux użati biżżejjed u jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni fl-agrikoltura. 3) Inventarju u dokumentazzjoni ta' riżorsi in situ ta' parentela ta' uċuħ tar-raba' selvaġġi li jintużaw jew huma potenzalment ta' użu għall-ikel u l-agrikoltura. 4) It-twaqqif, manteniment u titjib ta' databases ta' uċuħ tar-raba' Ewropej bażati fuq il-web (ECCDBs) b'data ta' karatterizzazzjoni u evalwazzjoni u konnessi ma' xbieki ta' inventarji nazzjonali u mal-katalogu tal-EURISCO għal data ta' livell ta' passaport. 5) Twaqqif u kordinazzjoni ta' kollezzjonijiet permanenti Ewropej ex situ bażati fuq kollezzjonijiet ex situ eżistenti nazzjonali jew istituzzjonali, implementazzjoni ta' konċetti għall-qsim ta' responsabbilitajiet għall-ħarsien tar-riżorsi ġenetiċi tal-uċuħ tar-raba bejn pajjiżi Ewropej. 6) Twaqqif u kordinazzjoni ta' xbieki Ewropej ta' ħarsien u wiri ta' għelieqi/ġonna ta' riżorsi ġenetiċi ta' uċuħ tar-raba' fil-periklu jew mhux użati biżżejjed. 7) Karatterizzazzjoni u evalwazzjoni ta' rizorsi ġenetiċi ta' uċuħ tar-raba' li jistgħu jkunu ta' interess għall-agrikoltura Ewropea. 8) Il-ġbir, konformi mal-liġi u obligazzjonijiet internazzjonali, ta' rizorsi ġenetiċi ta' uċuħ tar-raba' li jistgħu jkunu ta' interess għall-agrikoltura Ewropea. 4.2. Riżorsi ġenetiċi tal-foresta 1) Twaqqif ta' xibka permanenti ta' inventarji nazzjonali bażati fuq il-web u aċċessibli fil-wiesgħa dwar riżorsi ġenetiċi tal-foresta li huma wżati jew potenzalment ta' użu għall-amministrazzjoni sostenibbli tal-foresti fl-Ewropa. 2) Skambju ta' informazzjoni dwar metodi, metodi ta' teknika u esperjenzi dwar il-ħarsien u l-ammiistrazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-foresta. 3) Stima u żvilupp ta' l-aħjar prattiċi operazzjonali ta' amministrazzjoni għar-riżorsi ġenetiċi tal-foresta u l-integrazzjoni ta' attivitajiet relatati fil-programmi dwar foresti. 4) Twaqqif ta' xbieki Ewropej ta' riservi ġenetiċi rappreżentattivi jew unitajiet għall-ħarsien tal-ġene għal speċi speċifiċi rilevanti ghat-tkattir tal-ħarsien u karatterizzazzjoni fil-livell Ewropew. 5) Evalwazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-foresta fil-livell ta' speċi u provenjenza (inkluzi evalwazzjoni ta' provi fil-kaz ta' esperimenti provenjenza eżistenti) li tista' tkun ta' valur għall-amministrazzjoni ta' foresti sostenibbli fl-Ewropa. 6) Twaqqif u kordinazzjoni ta' kollezzjonijiet biex jippromovu l-użu ta' riżorsi ġenetiċi għall-afforestazzjoni, ristawr ta' foresti, rijabilitazzjoni u għal għanijiet tat-titjib ta' siġar fil-livell Ewropew. 7) Ġbir ta' riżorsi ġenetiċi tal-foresta li jistgħu jkunu ta' interess fil-livell Ewropew. 4.3. Riżorsi ġenetiċi ta' l-annimali 1) Twaqqif ta' xibka Ewropea ta' inventarji nazzjonali permanenti bbażata fuq il-web u aċċessibli fil-wiesgħa ta' riżorsi ġenetiċi ex situ u in situ/fir-razzett meħuda in konsiderazzjoni l-attivitajiet fil-kwadru tal-Kordinaturi Ewropej Nazzjonali għar-Riżorsi Ġenetiċi ta' l-Annimali u msieħba mas-sistema FAO/DAD-IS. 2) Żvilupp ta' kriterji standardizzati u komparabbli fi firxa Ewropea biex jiġu identifikati l-prijoritajiet nazzjonali għal azzjoni fil-qasam tal-ħarsien u użu sostenibbli ta' Riżorsi Ġenetiċi ta' Annimali u bżonnijiet relatati għal koperazzjoni internazzjonali. 3) Twaqqif ta' cryo-ħażniet Ewropej għal riżorsi ġenetiċi ta' annimali bbażati fuq cryo-ħażniet nazzjonali jew istituzzjonali. 4) Karatterizzazzjoni u evalwazzjoni ta' riżorsi ġenetiċi ta' annimali (speċi u razez) użati jew potenzalment ta' użu għall-ikel u l-agrikoltura. 5) Twaqqif ta' reġim Ewropew ta' prestazzjoni standardizzat ta' ittestjar għal riżorsi ġenetiċi ta' annimali fl-agrikoltura, u dokumentazzjoni tal-karatteristiċi ta' razez u popolazzjonijiet ta' annimali tar-razzett fil-periklu. 6) Twaqqif u kordinazzjoni ta' xibka fil-wesgħa Ewropea ta' "Razzetti Arka", stazzjonijiet ta' salvataġġ u parkijiet ta' annimali tar-razzett għal razez ta' annimali tar-razzett Ewropej fil-periklu. 7) Żvilupp ta' programmi ta' tnissil li jaqsmu l-fruntieri għal razez u popolazzjonijiet fil-periklu. Stabbiliment ta' regoli għal skambju ta' informazzjoni, materjal ġenetiku u annimali tat-tnissil. 8) żvilupp ta' strateġiji li jappoġġaw iż-żieda fil-qasam tal-profitt ta' razez lokali biex jiżviluppaw għaqdiet bejn razez lokali u l-prodotti tipiċi tagħhom, biex jidentifikaw u jippromovu l-valur ta' razez lokali għas-servizzi ambjentali tagħhom (p.e. ħarsien tal-pajsaġġ, amministrazzjoni ta' agro-ekosistemi) u għall-kontribuzzjoni tagħhom għal karattru multifunzjonali ta' l-agrikoltura (p.e. mainteniment tad-diversità kulturali rurali, żvilupp u turiżmu rurali, eċċ.). 9) Żvilupp ta' strateġiji li jippromovu l-użu ta' riżorsi ġenetiċi ta' annimali mhux utilizzati biżżejjed li jistgħu jkunu ta' interess fil-livell Ewropew. [1] ĠU L 208, ta’ l- 24.7.1992, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat b’Regolament (KE) Nru 806/2003. [2] ĠU L 208, ta’ l- 24.7.1992, pġ. 9. Regolament kif l-aħħar emendat b’Regolament (KE) Nru 806/2003. [3] ĠU L 25, tal-01.02.99, pġ. 1. -------------------------------------------------- ANNESS II ANALIŻI FINANZJARJA INDIKATTIVA GĦAL-PROGRAMM TAL-KOMUNITÀ | % | Azzjonijiet | 90 | Azzjonijiet Immirati | 73 | —għall-promozzjoni tal-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u użu ta' riżorsi ġenetiċi ex situ u in situ fl-agrikoltura biex jippromovu jew biex jikkomplimentaw, fil-livell tal-Komunità xogħol implimentat f'livell reġjonali jew nazzjonali, | (53) | —għall-iżvilupp ta' inventarji permanenti diċentraliżżati Ewropej bażati fuq il-web u aċessibli fil-wiesgħa agrikoltura (partikolarment, l-oriġini u l-karatteristiċi tagħhom), attivitajiet ta' ħarsien, faċilitajiet u databases korrentement disponibbli jew li qed jiġu żviluppati fil-Komunità. | (20) | Azzjonijiet miftiehma | 9 | —Skambju ta' informazzjoni dwar materji tematiċi dwar azzjonijiet u programmi nazzjonali bil-għan li jtejbu l-kordinazzjoni ta' dawn l-inizzjattivi kif wkoll ma' miżuri mnedija fil-livell tal-Komunità u ma' żviluppi f'negozjati internazzjonali. | | Azzjonijiet komplementari | 8 | —Informazzjoni, tixrid u azzjonijiet ta' parir li jinvolvu l-organizzazzjoni ta' seminars, konferenzi tekniċi, laqgħat ma' NGOs u parteċipanti oħra interessati, korsijiet ta' taħrig u l-preparazzjoni ta' rapporti tekniċi. | | Assistenza teknika u konsultazzjoni ta' esperti (evalwazzjoni) | 10 (8 + 2) | Total | 100 | --------------------------------------------------