32004R0811



Official Journal L 150 , 30/04/2004 P. 0001 - 0011


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004

tal-21 ta' April 2004

li jistabbilixxi l-miżuri għall-irkupru tal-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Parir xjentifiku reċenti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) indika li l-ħażna tal-marlozz tat-tramuntata f'ilmijiet Komunitarji sofriet minn livelli ta' mortalità mis-sajd li ħeffew il-kwantitajiet ta' ħut matur fil-baħar sal-punt li fih din il-ħażna tista' ma tkunx kapaċi terġa' timla lilha nfisha b'riproduzzjoni u li l-ħażniet huma għalhekk mhedda b'kollass.

(2) Il-ħażna in kwistjoni tgħammar fil-Kattegat, l-Iskagerrak, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Kanal, ilmijiet lejn il-punent ta' l-Iskozja u madwar l-Irlanda kollha u l-Bajja ta' Biskalja.

(3) Miżuri jeħtieġ li jittieħdu biex ikun stabbilit pjan multiannwali għall-irkupru ta' din il-ħażna.

(4) Huwa mistenni li l-irkupru ta' din il-ħażna taħt il-kondizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jieħu bejn ħames u 10 snin.

(5) L-għan tal-pjan għandu jkun ikkunsidrat li jkun inkiseb għal din il-ħażna meta, għal sentejn konsekuttivi, il-kwantita ta' marlozz tat-tramuntana matur kienet ikbar mil-livell stabbilit minn maniġers bħala li tkun f'limiti bijoloġiċi siguri.

(6) Biex jinkiseb dan il-għan, ir-rata tal-mortalita mis-sajd jeħtieġ li tkun ikkontrollata biex ikun probabbli ħafna li l-kwantitajiet ta' ħut matur fil-baħar jiżdied minn sena għal sena.

(7) Kontroll tali tar-rata tal-mortalita mis-sajd jista' jinkiseb billi jkun stabbilit metodu xieraq għall-istabbiliment tal-livell ta' qbid totali permissibbli (TACs) tal-ħażna kkonċernata.

(8) Ladarba l-irkupru jkun inkiseb il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar miżuri ta' insegwiment skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd taħt il-politika komuni tas-sajd [2].

(9) Miżuri ta' kontroll minbarra dawk preskritti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd [3] jeħtieġ li jkunu inklużi biex tkun żgurata l-osservanza tal-miżuri preskritti f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan ta' rkupru għall-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana li jgħammar fid-diviżjoni III a ta' l-ICES, subżona IV ta' l-ICES, diviżjonijiet V b ta' l-ICES (ilmijiet Komunitarji), VI a (ilmijiet Komunitarji), subżona VII ta' l-ICES u diviżjonijiet VIII a, b, d, e ta' l-ICES (il-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana).

Artikolu 2

Għan tal-pjan ta' rkupru

Il-pjan ta' rkupru li jirreferi għalih l-Artikolu 1 għandu jkollu l-għan li jkattar il-kwatitajiet ta' ħut matur tal-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana kkonċernata għal valuri ugwali għal jew ikbar minn 140000 tunnellata metrika.

Artikolu 3

Biex jintlaħqu l-livelli mixtieqa

Meta l-Kummissjoni ssib, fuq il-bażi tal-parir ta' l-ICES u wara qbil fuq dak il-parir mill-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), li għal sentejn konsekuttivi l-livell fil-mira għal ħażna ta' marlozz tat-tramuntana kkonċernata kien intlaħaq, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kkwalifikata dwar proposta mill-Kummissjoni biex il-pjan ta' rkupru jkun issostitwit bi pjan maniġerjali għall-ħażna skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 4

Stabbiliment tal-TACs

TAC għandu jkun stabbilit skond l-Artikolu 5 fejn, għall-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana kkonċernata l-kwatitajiet ta' marlozz tat-tramuntana matur kienu stmati mill-STECF, fid-dawl tar-rapporti l-aktar reċenti ta' l-ICES, li huma ugwali għal jew ‘il fuq minn 100000 tunnellata metrika.

Artikolu 5

Proċedura għall-istabbiliment ta' TACs

1. Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni dwar TAC għas-sena ta' wara għall-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana kkonċernata.

2. Għall 2004, it-TAC għandu jkun stabbilit f'livell li jikkorrispondi tal-mortalita tas-sajd ta' 0,25, 4 % inqas mill-mortalita tas-sajd status quo. Għas-snin sussegwenti tal-pjan ta' rkupru, it-TAC m'għandux jeċċedi livell ta' qabdiet li stimi xjentifiċi mwettqa mill-STECF, fid-dawl tar-rapport l-iktar reċenti ta' l-ICES, jindika li għandu jikkorrispondi għal rata ta' mortalita tas-sajd ta' 0,25.

3. Il-Kunsill m'għandux jadotta TAC li l-qabda tiegħu titbassar mill-STECF, fid-dawl tar-rapport l-iktar reċenti ta' l-ICES, li twassal għall-tnaqqis fil-bijomassa tal-ħażna tal-bajd fis-sena ta' applikazzjoni tiegħu.

4. Fejn ikun mistenni li l-istabbiliment tal-TAC għal sena speċifika skond il-paragrafu 2 jirriżulta fi kwantita ta' ħut matur fi tmiem dik is-sena iktar mil-livel fil-mira indikat mill-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni tal-pjan ta' rkupru u tipproponi kull aġġustamenti meħtieġa fuq il-bażi ta' l-aħħar valutazzjonijiet xjentifiċi. Reviżjoni tali għandha f'kull każ titwettaq mhux iktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament bil-għan li jkun żgurat li jinkisbu l-għanijiet tal-pjan ta' rkupru.

5. Ħlief għall-ewwel sena ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) Fejn ir-regoli li jipprovdi għalihom il-paragrafu 2 jew 4 jwasslu għal TAC għal sena speċifika li jeċċedi l-TAC tas-sena preċedenti b'iktar minnn 15 %, il-Kunsill għandu jadotta TAC li ma jkunx iktar minn 15 % ikbar mit-TAC ta' dik is-sena jew;

(b) Fejn ir-regoli li jipprovdi għalihom il-paragrafu 2 jew 4 jwasslu għal TAC għal sena speċifika li jkun iktar minn 15 % inqas mit-TAC tas-sena preċedenti, il-Kunsill għandu jadotta TAC li ma jkunx iktar minn 15 % inqas mit-TAC ta' dik is-sena.

Artikolu 6

Stabbiliment ta' TAC f'ċirkostanzi eċċezzjonali

Fejn il-kwantitajiet ta' ħut matur tal-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana kkonċernata jkunu stmati mill-STECF, fid-dawl tar-rapport l-iktar reċenti ta' l-ICES, li jkunu inqas minn 100000 tunnellata metrika, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) L-Artikolu 5 għandu japplika fejn l-applikazzjoni tiegħu tkun mistennija tirriżulta fi tkattir fil-kwantitajiet ta' ħut matur tal-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana kkonċernata, fi tmiem is-sena ta' l-applikazzjoni tal-TAC għal kwantita ugwali għal jew ikbar minn 100000 tunnellata metrika;

(b) fejn l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 mhix mistennija tirriżulta fi tkattir tal-kwatitajiet ta' ħut matur tal-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana kkonċernata, fi tmiem is-sena ta' applikazzjoni tal-TAC, għal kwantita ugwali għal jew ikbar minn 100000 tunnellata metrika, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kkwalifikata, wara proposta mill-Kummissjoni, dwar TAC għas-sena ta' wara li jkun ibjex mit-TAC li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu deskritt fl-Artikolu 5.

Artikolu 7

Reġistrazzjoni u accounting taż-żmien mgħoddi fiż-żoni

Minkejja l-Artikolu 19a tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, l-Artikoli 19e u 19k ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għal bastimenti li joperaw fiż-żona ġeografika li jirreferi għaliha l-Artikolu 1.

Artikolu 8

Notifika minn qabel

1. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju, jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha, qabel kull dħul f'port jew lokalita tal-ħatt (żbarkar) ta' Stat Membru b'iktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' marlozz tat-tramuntana abbord għandu jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru, għall-inqas erba' sigħat qabel dħul tali, bi:

(a) l-isem tal-port jew lokalità tal-ħatt;

(b) il-ħin stmat tal-wasla f'dak il-port jew lokalita tal-ħatt;

(ċ) il-kwantitajiet f'kilogrammi ta' piż ħaj ta' speċi rregolati li minnhom iktar minn 50 kg tinżamm abbord.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih ħatt (żbarkar) ta' iktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' marlozz tat-tramuntana jkun se jsir, jistgħu jirrikjedu li l-ħatt tal-qabda miżmuma abbord m'għandux jibda qabel ma jkun awtorizzat minn dawk l-awtoritajiet.

3. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju, jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha, li jixtieq jittraborda jew iħott fuq il-baħar kull kwantita miżmuma abbord jew iħott f'port jew lokalita tal-ħatt (żbarkar) ta' pajjiż terz għandu jittrasmetti lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tal-bandiera għall-inqas erba' sigħat qabel it-trasbord jew il-ħatt fuq il-baħar jew il-ħatt f'pajjiż terz l-informazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1.

Artikolu 9

Portijiet indikati

1. Fejn iktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' marlozz tat-tramuntana għandom jinħattu fil-Komunità minn bastiment tas-sajd Komunitarju, il-kaptan tal-bastiment għandu jiżgura li ħatt tali għandu jsir biss f'portijiet indikati.

2. Kull Stat Membru għandu jindika portijiet li fihom kull ħatt ta' marlozz tat-tramuntana ta' iktar minn żewġ tunnellati metriċi għandu jsir.

3. Kull Stat Membru għandu jittrasmetti lill-Kummissjoni sa l-4 ta' Ġunju 2004 il-lista tal-portijiet indikati u, fi żmien 30 jum wara, proċeduri assoċjati ta' spezzjoni u sorveljanza għal dawk il-portijiet, inklużi t-termini u kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni u rrapportar tal-kwantitajiet ta' marlozz tat-tramuntana f'kull ħatt. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha.

Artikolu 10

Marġini ta' tolleranza

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta' Settembru 1983 li jippreskrivi regoli ddettaljati għar-reġistrazzjoni ta' informazzjoni dwar il-qabdiet tal-ħut ta' Stati Membri [4], il-marġini ta' tolleranza permess fl-istima tal-kwantitajiet ta' marlozz tat-tramuntana, f'kilogrammi miżmuma abbord, għandu jkun ta' 8 % taċ-ċifra fil-logbook. Fil-każ li ebda fattur ta' konverżjoni mhu preskritt fil-leġislazzjoni Komunitarja, il-fattur ta' konverżjoni adottat mill-Istati Membri li l-bandiera tagħhom il-bastiment ikun itajjar għandu japplika.

Artikolu 11

Stivar separat

Għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord bastiment tas-sajd Komunitarju f'xi kontenitur kull kwantita ta' marlozz tat-tramuntana imħallat ma' speċi ta' organiżmi marini oħra. Il-kontenituri bil-marlozz tat-tramuntana għandhom ikunu mmarkati b'mod xieraq għal għanijiet ta' identifikazzjoni jew stivati fl-istiva b'tali mod li jinżammu separati minn kontenituri oħra.

Artikolu 12

Trasport

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jirrekjedu li kull kwantità ta' marlozz tat-tramuntana maqbuda fiż-żona ġeografika ddefinita fl-Artikolu 1 u maħtuta l-ewwel f'dak l-Istat Membru titwieżen fil-preżenza ta' kontrolluri qabel ma tkun ittrasportata band'oħra mill-port ta' l-ewwel ħatt. Għall-marlozz tat-tramuntana maħtut l-ewwel f'port indikat taħt l-Artikolu 9, kampjuni rappreżentattivi, li jimmontaw fin-numru għall-inqas għal 20 % tal-ħatt, għandhom jitwieżnu fil-preżenza ta' kontrolluri awtorizzati mill-Istati Membri qabel ma jkunu offruti għall-ewwel bejgħ u mibjugħa. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, sal-20 ta' Ġunju 2004, dettalji tar-reġim tat-teħid ta' kampjuni li ser jintuża.

2. Permezz ta' deroga mill-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kwatitajiet kollha tal-marlozz tat-tramuntana ikbar minn 50 kg li jkunu ttrasportati lejn post differenti minn dak ta' l-ewwel ħatt jew importazzjoni għandhom ikunu akkompanjati b'kopja tad-dikjarazzjoni li jipprovdi għaliha l-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament li jappartieni għall-kwantitajiet ta' marlozz tat-tramuntana ttrasportat.

Artikolu 13

Programm speċifiku ta' mmonitorjar

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 34c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-programmm speċifiku ta' mmonitorjar għall-ħażna ta' marlozz tat-tramuntana kkonċernata jista' jtul għal iktar minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Walsh

[1] Opinjoni mogħtija fil-11 ta' Frar 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 358, 31.12.02, p. 59.

[3] ĠU L 261, 20.10.93, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (EC) Nru 1954/2003 (ĠU L 289, 07.11.03, p. 1).

[4] ĠU L 276, 10.10.83, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (EC) Nru 1965/2001 (ĠU L 268, 09.10.01, p. 23).

--------------------------------------------------