32004R0724



Official Journal L 129 , 29/04/2004 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament (KE) Nru 724/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Tal-31 ta' Marzu 2004

qed jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Protezzjoni Marittima

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Qed jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Regolament (KE) Nru 1406/2002 [3] stabbilixxa Aġenzija Ewropea għall-Protezzjoni Marittima ("l-Aġenzija") sabiex kemm il-protezzjoni marittima kif ukoll il-prevenzjoni ta' tniġġis minn vapuri ikun ta' livell għoli, uniformi u effettiv.

(2) Fit-12 ta' Diċembru 2002, il-Konferenza Diplomatika ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) addottat numru ta' emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Salvagwardja tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS) u l-Kodiċi Internazzjonali dwar is-Sigurtà fuq Vapuri u Faċilitajiet tal-Port (ISPS) li jipprovdu numru ta' miżuri dwar is-sigurtà marittima. Għalhekk huwa xieraq li l-irwol ta' l-Aġenzija fil-qasam tas-sigurtà marittima jkun speċifikat.

(3) Huwa importanti li jittieħdu miżuri xierqa sabiex is-sigurtà tat-trasport bil-baħar fil-Komunità u l-portijiet fil-Komunità, kif ukoll is-sigurtà tal-passiġġiera, l-ekwipaġġi u dawk li jaħdmu fil-portijiet, tkun salvagwardjata kontra t-theddid ta' atti 'lleċiti intenzjonali.

(4) Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar it-titjib tas-sigurtà [4] fuq vapuri u faċilitajiet tal-port qed jassenja lill-Kummissjoni ċerti kompiti ta' spezzjoni in konnessjoni mal-kontroll ta' l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' dawn il-miżuri ta' sigurtà, f'liema prestazzjoni l-Aġenzija tista' tipprovdi assistenza teknika meħtieg. Dawn il-kompiti għandhom jinkludu l-ispezzjoni ta' vapuri u kumpaniji konnessi mat-trasport bil-baħar, kif ukoll Organizzazzjonijiet ta' Sigurtà Rikkonoxxuti li huma awtorizzati jwettqu ċerti attivitajiet konnessi mas-sigurtà f'dan il-kuntest.

(5) Aċċidenti li seħħew reċentement fl-ibħra tal-Komunità, b'mod partikulari tal-bastimenti li jġorru ż-żejt "Erika" u "Prestige", wera l-bżonn għall-azzjoni Komunitarja addizzjonali mhux biss fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tniġġis, iżda ukoll fil-qasam tar-rejazzjoni għat-tniġġis.

(6) Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2000 [5] stabbilixxa qafas ta' kooperazzjoni fil-Komunità, bejn l-1 ta' Jannar 2000 u l-31 ta' Diċembru 2006, fil-qasam tat-tniġġis marittimu sew jekk dan ikun aċċidentali kif ukoll jekk dan ikun intenzjonali.

(7) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta' Ottubru 2001 [6] tistabbilixxi mekkaniżmu fil-Komunità li jiffaċilita t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-interventi ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili, inkluż it-tniġġis marittimu aċċidentali. Dan il-mekkaniżmu jinvolvi ċentru tal-Kummissjoni għall-kontroll u l-informazzjoni, li jkun mibgħut f'kull każ ta' intervent ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili.

(8) L-Aġenzija għandha tkun provduta b'mezzi xierqa sabiex tkun tista' tappoġġa t-talba ta' l-Istati Membri għall-mekkaniżmu ta' rejazzjoni għat-tniġġis. L-attivitajiet ta' l-Aġenzija f'dan il-qasam m'għandhomx inaqqsu mir-responsabbilitajiet ta' l-Istati tal-kosta illi jkollhom mekkaniżmi ta' rejazzjoni xierqa għat-tniġġis. L-attivitajiet ta' l-Aġenzija għandhom jirrispettaw dawk l-arranġamenti ta' kooperazzjoni eżistenti bejn l-Istati Membri jew gruppi ta' Stati Membri f'dan il-qasam. F'każ ta' inċident tat-tniġġis, l-Aġenzija għandha tassisti dak l-Istat Membru li hu milqut mit-tniġġis u taħt l-awtorità ta' liema l-operazzjonijiet ta' tindif ser ikunu kondotti. L-Aġenzija għandha taġġixxi b'mod li jsostni l-mekkaniżmu tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

(9) Direttiva 2003/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 li qed temenda d-Direttiva 2001/25/KE dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara [7] qed tintroduċi proċeduri ġodda għar-rikonoxximent ta' ċertifikati ta' kompetenza tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi. L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-konformità mal-ħtiġijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards ta' Taħriġ, ċertifikazzjoni u Għassa, 1978 (il-Konvenzjoni STCW) ta' dawk il-pajjiżi.

(10) Il-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija għandu jkollu l-kompetenza, bi ftehim mal-Kummissjoni, jiddefinixxi pjan ta' politika in konnessjoni mal-istat ta' preparazzjoni ta' l-Aġenzija għat-tniġġis u attivitajiet ta' rejazzjoni. Fit-tifsila ta' dan il-pjan, il-Bord Amministrattiv għandu jieħu in konsiderazzjoni l-valur aġġuntiv li l-attivitajiet ta' rejazzjoni għat-tniġġis ta' l-Aġenzija jinvolvu għall-attivitajiet ta' l-Istati Membri, kif ukoll l-aħjar tlaqqigħ bejn kost u effiċenza.

(11) Għandu jittiehed in konsiderazzjoni kwalunkwe ftehim eżistenti dwar it-tniġġis aċċidentali, bħall-Ftehim ta' kooperazzjoni b'rejazzjoni għat-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana minn żejt u sustanzi dannużi oħra, 1983 (il-Ftehim ta' Kooperazzjoni ta' Bonn), li jiffaċilita l-assistenza u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam, kif ukoll konvenzjonijiet internazzjonali u ftehim dwar il-protezzjoni taż-żona marittima Ewropea minn inċidenti tat-tniġġis, bħall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istat ta' Preparazzjoni, Rejazzjoni u Kooperazzjoni f'Każ tat-Tniġġis miż-Zejt, 1990 (il-Konvenzjoni OPRC) mfassla taħt il-patroċinju ta' l-OMI, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marritimu fl-inħawi tal-grigal Atlantiku tat-22 ta' Settembru 1992 (il-Konvenzjoni OSPAR), il-Konvenzjoni ta' Barċellona, il-Konvenzjoni ta' Helsinki u l-Ftehim ta' Lisbon.

(12) Għall-ħatra futura fl-istruttura amministrattiva ta' l-Aġenzija (Bord Amministrattiv, Direttur Eżekuttiv), il-piż dovut għandu jingħata lill-esperjenza u l-ħila li huma meħtieġa fl-oqsma ġodda ta' kompetenza ta' l-Aġenzija: ir-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri, u s-sigurtà marittima.

(13) Pajjiżi terzi li huma ħerqana li jipparteċipaw fl-Aġenzija għandhom jaddottaw u japplikaw il-liġi Komunitarja fl-oqsma ta' kompetenza ta' l-Aġenzija, inkluż ir-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri u s-sigurtà marittima.

(14) Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandu, għalhekk, ikun emendat skond dak li ser jintqal,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. L-Artikolu 1 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) paragrafi 1 u 2 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

"1. Dan ir-Regolament qed jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Protezzjoni Marittima ("l-Aġenzija") sabiex ikun assigurat livell għoli, uniformi u effettiv ta' protezzjoni marittima, sigurtà marittima fil-limiti tal-kompiti definiti fl-Artikolu 2(b)(iv), prevenzjoni tat-tniġġis u rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri fil-Komunità.

2. L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Istati Membri u l-Kummissjoni b'assistenza teknika u xjentifika u livell għoli ta' kompetenza, sabiex tgħinhom japplikaw sewwa l-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni marittima, is-sigurtà marittima fil-limiti tal-kompiti definiti fl-Artikolu 2(b)(iv), il-prevenzjoni tat-tniġġis minn vapuri, il-kontroll ta' l-implimentazzjoni ta' din il-leġislazzjoni u sabiex issir evalwazzjoni ta' l-effikaċja ta' dawn il-miżuri."

(b) għandu jiżdied il-paragrafu segwenti:

"3. L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Istati Membri u l-Kummissjoni b'assistenza teknika u xjentifika fil-qasam tat-tniġġis minn vapuri kemm jekk dan ikun aċċidentali u kemm jekk dan ikun intenzjonali. Minbarra hekk għandha ssostni b'mezzi effiċjenti addizzjonali t-talba ta' l-Istati Membri għall-mekkaniżmi ta' rejazzjoni għat-tniġġis. Dan mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' dawk l-Istati tal-kosta li jkollhom in vigore mekkaniżmi xierqa ta' rejazzjoni għat-tniġġis, li jirrispettaw ukoll il-kooperazzjoni eżistenti bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam. Għandha isostni l-qafas tal-Kommunità għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tniġġis marittimu kemm dak aċċidentali kif ukoll dak intenzjonali stabbillit mid-Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2000 illi waqfet il-qafas għall-kooperazzjoni Kommunitarja fil-qasam tat-tniġġis marittimu kemm dak aċċidentali kif ukoll dak intenzjonali [8] u l-mekkaniżmu tal-Kommunità fil-qasam ta' l-interventi ta' protezzjoni u assistenza ċivili stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta' Ottubru 2001 li jistabbilixxi mekkaniżmu tal-Kommunità sabiex jiffaċilità t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-interventi ta' protezzjoni u assistenza ċivili [9]."

2. L-Artikolu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 2

Sabiex ikun assigurat li l-għanijiet fl-Artikolu 1 ikunu sodisfatti b'mod xieraq, l-Aġenzija għandha twettaq l-kompiti segwenti:

(a) Għandha tassisti lill-Kumissjoni, fejn hu xieraq, fix-xogħol preparatorju ta' aġġornament u żvilupp tal-leġislazzjoni Komunitarja fl-oqsma tal-protezzjoni marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri, b'mod partikulari skond l-iżvilupp tal-leġislazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam. Dak il-kompitu għandu jinkludi l-analiżi ta' proġetti fl-oqsma tal-protezzjoni marittima u s-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri.

(b) Għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni marittima u s-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri fil-Komunità. B'mod partikulari, l-Aġenzija għandha:

(i) tikkontrolla l-funzjonament tar-reġim ta' kontroll ta' l-Istat tal-port Komunitarju, li jista' jinkludi żjariet lill-Istati Membri, u tissuġerixxi lill-Kummissjoni kull titjib possibbli f'dan il-qasam;

(ii) tipprovdi lill-Kummissjoni bl'assistenza teknika neċessarja sabiex tkun tista' tipparteċipa fix-xogħol ta' korpi tekniċi tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi dwar il-Kontroll ta' l-Istat tal-Port;

(iii) tassisti lill-Kummissjoni fil-prestazzjoni ta' kull kompitu assenjat lilha mill-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti jew futura dwar is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni u r-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri, b'mod partikulari l-leġislazzjoni li tapplika għall-klassifikazzjoni ta' soċjetajiet, is-sigurtà ta' vapuri li jġorru il-passiġiera, kif ukoll dak li hu applikabbli għall-protezzjoni, it-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u l-għassa ta' l-ekwipaġġi ta' vapuri, inkluż il-verifika illi pajjiżi terzi qed iħarsu l-kondizzjonijiet meħtieġa mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards għat-Taħriġ, ċertifikazzjoni u Manutenzjoni ta' l-Għassa,1978 u l-miżuri li ttieħdu sabiex ma jkunx hemm frodi ta' ċertifikati ta' kompetenza.

iv) tipprovdi lill-Kummissjoni b'assistenza teknika fil-prestazzjoni tal-kompiti ta' ispezzjoni assenjati lilha skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà fuq vapuri u faċilitajiet tal-port [10]. Din l-assistenza ta' l-Aġenzija lill-Kummissjoni se tkun ristretta għal vapuri u kumpaniji rilevanti u Organizzazzjonijiet ta' Sigurtà Rikonoxxuti li huma awtorizzati jwettqu ċertu attivitajiet konnessi mas-sigurtà f'dan il-kuntest.

(ċ) Għandha taħdem ma' l-Istati Membri sabiex:

(i) torganizza, fejn hu xieraq, attivitajiet ta' taħriġ rilevanti għall-oqsma li huma ta' responsabbiltà ta' l-Istat tal-port u l-Istat ta' reġistrazzjoni;

(ii) tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi u tipprovdi assistenza teknika konnessa ma' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja;

(iii) tappoġġa b'mezzi addizzjonali effiċjenti, permezz tal-mekkaniżmu tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ċivili stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 2001/792/KE, Euratom, ir-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri f'każ ta' tniġġis aċċidentali jew intenzjonali, meta tkun saret rikjesta bħal din. F'dan il-każ, l-Aġenzija għandha tassisti dak l-Istat Membru li hu milqut mit-tniġġis u taħt liema l-operazzjonijiet ta' tindif qed ikunu kondotti;

(d) għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-oqsma koperti mid-Direttiva 2002/59/KE. B'mod partikulari, l-Aġenzija għandha:

(i) tippromovi l-kooperazzjoni bejn dawk l-Istati ta' max-xatt ix-xmara fit-trasport bil-baħar fl-oqsma koperti minn dik id-Direttiva;

(ii) tiżviluppa u tħaddem kwalunkwe sistema ta' informazzjoni neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva;

(e) għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, b'konsiderazzjoni dovuta għas-sistemi tal-liġi differenti fl-Istati Membri, fl-iżvilupp ta' metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta' aċċidenti marittimi skond il-prinċipji internazzjonali mifthiema, f'provveddiment li jsostni lill-Istati Membri f'attivitajiet li jikkonċernaw l-investigazzjoni ta' aċċidenti marittimi serji, u l-analiżi ta' rapporti eżistenti ta' investigazzjonijiet ta' aċċidenti;

(f) għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u l-Istati Membri b'informazzjoni u data dwar il-protezzjoni marittima, is-sigurtà marittima u t-tniġġis minn vapuri li hi ta' natura oġġettiva, ta' min jista' joqgħod fuqha u li tista' tkun ipparagunata. Dan sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri ikunu jistgħu jieħdu l-passi neċessarji sabiex itejbu l-azzjoni tagħhom f'dawn l-oqsma u biex jevalwaw l-effikaċja tal-miżuri eżistenti. Dawn il-kompiti għandhom jinkludu l-kollezzjoni, reġistrazzjoni u l-evalwazzjoni ta' data teknika fl-oqsma tal-protezzjoni marittima, sigurtà marittima u t-traffiku marittimu, kif ukoll fl-oqsma tat-tniġġis marittimu, sew jekk aċċidentali kif ukoll intenzjonali, l-isfruttament sistematiku ta' databases eżistenti, inkluż l-iskambju reċiproku ta' data, u, fejn hu xieraq, l-iżvilupp ta' databases addizzjonali. Fuq il-bażi tad-data miġbura, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-publikazzjoni, kull sitt xhur, ta' informazzjoni dwar dawk il-vapuri li kienu rrifjutati aċċess fil-portijiet tal-Komunità a bażi tad-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar l-infurzar ta' standards internazzjonali ta' protezzjoni, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kondizzjonijiet ta' għejxien u xogħol fuq il-vapuri (kontroll ta' l-Istat tal-port) rigward il-vapuri li qed jagħmlu użu mill-portijiet Komunitarji u t-trasport bil-baħar f'ilmijiet taħt il-gurisdizzjoni ta' l-Istati Membri [11]. L-Aġenzija għandha tassisti wkoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri f'attivitajiet li jtejbu l-identifikazzjoni u l-insegwiment ta' dawk il-vapuri li qed inixxu fil-baħar likwidi jew kimiċi kontra l-liġi.

(g) Fil-kors tat-tratattivi ma' l-Istati li qed japplikaw għall-adeżjoni l-Aġenzija tista' tipprovdi assistenza teknika għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni u s-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis minn vapuri. L-Aġenzija tista' tipprovdi ukoll assistenza fil-każ ta' tniġġis aċċidentali jew intenzjonali li jaffetwa lil dawn l-Istati, permezz tal-mekkaniżmu tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ċivili stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 2001/792/KE Euratom. Dawn il-kompiti għandhom ikunu koordinati ma' programmi ta' kooperazzjoni reġjonali eżistenti u għandhom jinkludu, fejn hu xieraq, l-organizzazzjoni ta' attivitatjiet ta' taħriġ rilevanti."

3. L-Artikolu 10(2) għandu jkun emendat kif ġej:

(a) Punt (d) għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"(d) taddotta, sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, waqt li tieħu in konsiderazzjoni l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-programm tax-xogħol ta' l-Aġenzija għas-sena li ġejja u tibagħtu lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Kummissjoni; dan il-program tax-xogħol għandu jkun addottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura Komunitarja ta' estimu annwali. F'każ li l-Kummissjoni tesprimi, fi żmien ta' ħmistax il-ġurnata mid-data ta' l-adozzjoni tal-programm tax-xogħol, nuqqas ta' qbil mal-programm partikulari, il-Bord Amministrattiv għandu jeżamina mill-ġdid dak il-programm u jaddottah, possibbilment emendat, f'perjodu ta' żewġ xhur, waqt it-tieni qari b'maġġoranza ta' żewġ terzi, inklużi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri;"

(b) il-punt segwenti għandu jkun miżjud:

"(k) taddotta, skond il-proċeduri stabbiliti f'(d), pjan dettaljat dwar l-istat ta' preparazzjoni ta' l-Aġenzija għat-tniġġis u attivitajiet ta' rejazzjoni, sabiex isir l-aħjar użu tal-mezzi finanzjarji disponibbli għall-Aġenzija;".

4. Fl-Artikolu 11, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"Il-membri tal-Bord għandhom ikunu maħtura skond il-grad ta' esperjenza u ħila b'relevanza għall-qasam ta' protezzjoni u sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri."

5. L-Artikolu 15, paragrafu 2, punt (a) għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"(a) għandu/għandha jipprepara/tipprepara l-programm tax-xogħol u l-pjan dettaljat dwar l-istat ta' preparazzjoni ta' l-Aġenzija għat-tniġġis u attivitajiet ta' rejazzjoni, u jissottomettihom/tissottomettihom lill-Bord Amministrattiv wara li l-Kummissjoni tkun ikkonsultata. Għandu/Għandha jieħu/tieħu l-passi neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Għandu/Għandha jirrispondi/tirrispondi għat-talba ta' assistenza mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru skond l-Artikolu 10(2)(c). Għall-iskop ta' informazzjoni, għandu/għandha jibgħat/tibgħat il-pjan lill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 4 tad-Deċizjoni Nru 2850/2000/KE kif ukoll lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 of Deċiżjoni Nru 2001/792/KE, Euratom;"

6. fl-Artikolu 16, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ser ikun mibdul b'dan li ġej:

"1. Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jkun maħtur mill-Bord Amministrattiv fuq il-bażi ta' mertu u kapaċità amministrattiva u maniġerjali dokumentati, kif ukoll kompetenza u esperjenza rilevanti għall-protezzjoni marittima, sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri. Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu deċiżjoni b'maġġoranza ta' erbgħa minn kull ħamsa tal-membri kollha li għandhom id-dritt jivvotaw. Il-Kummissjoni tista' tipproponi kandidat jew kandidati."

7. fl-Artikolu 17, paragrafu 1 ser ikun mibdul b'dan li ġej:

"1. Pajjiżi terzi, illi daħlu fi ftehim mal-Komunità Ewropea, billi addottaw u qed japplikaw il-liġi tal-Komunità Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni u tas-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rejazzjoni għat-tniġġis minn vapuri jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-Agenzija."

8. L-Artikolu 22, paragrafu 2 ser ikun mibdul b'dan li ġej:

"2. L-evalwazzjoni għandha tistima l-impatt ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-prattiċitajiet tax-xogħol tagħha. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu joħroġ termini ta' riferenza speċifiċi bi ftehim mal-Kummissjoni, wara li l-partijiet involuti jkunu kkonsultati."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin ġurnata wara li jkun ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fis-Strasbourg, fil-31 ta' Marzu 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

D. Roche

[1] ĠU C 32, tal-5.2.2004, p. 21.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2004. Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2004.

[3] ĠU L 208, tal-5.8.2002, p. 1. Regolament emendat mir-Regolament (KE) Nru 1644/2003 (ĠU L 245, tad-29.9.2003, p. 10).

[4] ĠU L 129, tad-29.4.2004, p. 6.

[5] ĠU L 332, tat-28.12.2000, p. 1.

[6] ĠU L 297, tal-15.11.2001, p. 7.

[7] ĠU L 326, tat-13.12.2003, p. 28.

[8] ĠU L 332, tat-28.12.2000, p. 1.

[9] ĠU L 297, tal-15.11.2001, p. 7.

[10] ĠU L 129, tad-29.4.2004, p. 6.

[11] ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1. Direttiva l-aħħar emendata mid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 53).

--------------------------------------------------