32004R0631



Official Journal L 100 , 06/04/2004 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-parlament ewropew u tal-kunsill

tal-31 ta’ Marzu 2004

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità, u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 li jippreskrivi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, dwar l-allinjament tad-drittijiet u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri

(Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Isvizzera)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 308 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2002 dwar il-ħolqien ta’ Karta Ewropea ta’Assigurazzjoni fuq is-Saħħa,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2002 il-Karta Ewropea ta’ Assigurazzjoni fuq is-Saħħa kellha tieħu post il-formoli attwali meħtieġa għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni kienet intalbet tippreżenta proposta għal dak il-għan qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2003. Karta bħal din kellha tissimplifika il-proċeduri.

(2) Biex jinkiseb kif ukoll jinsebaq dan l-iskop billi jkunu ottimizatti l-vantaġġi li toffri l-Karta Ewropea ta’ Assigurazzjoni fuq is-Saħħa għall-persuni assigurati u istituzzjonijiet, huma meħtieġa ċerti tibdiliet fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità [3] huma neċċessarji.

(3) Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 bħalissa jipprovdi għall-aċċess għal tipi differenti ta’ benefiċċji in natura matul qagħda temporanja fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti jew l-Istat ta’ residenza, skond il-kategorija li għaliha jappartjenu l-persuni assigurati, u jagħmel distinzjoni bejn "kura meħtieġa immedjatament" u "’kura meħtieġa". Għal protezzjoni akbar għall-persuni assigurati, għandu jsir provvediment li jġib fl-istess linja d-drittijiet tal-persuni kollha assigurati fir-rigward ta’ l-aċċess għall-benefiċċji in natura matul qagħda temporanja fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat li fih il-persuna konċernata tkun assigurata jew residenti. F’dawn il-kondizzjonijiet, il-persuni assigurati kollha għandhom ikollhom dritt għall-benefiċċji in natura li jsiru meħtieġa mħabba raġunijiet mediċi matul il-qagħda tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, waqt li tingħata konsiderazzjoni lin-natura tal-benefiċċji u t-tul mistenni tal-qagħda fil-post.

(4) Huwa essenzali illi jittieħdu l-miżuri kollha biex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ l-Artikolu 22(1)(a) (i) fl-Istati Membri kollha b’referenza partikolari għal dawk li jipprovdu l-kura.

(5) Għal ċerti tipi ta’ trattament kontinwu li jkun jeħtieġ infrastruttura speċifika, bħad-dijalisi per eżempju, huwa essenzali għall-pazjent li t-trattament ikun disponibbli matul il-qagħda tiegħu fi Stat Membru ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Amministrattiva tiffissa lista tal-benefiċċji in natura li huma suġġetti għal ftehim minn qabel bejn il-persuna assigurata u l-istituzzjoni li tipprovdi t-trattament sabiex tkun iggarantita d-disponibiltà tal-kura u l-libertà tal-persuna assigurata li toqgħod temporanjament fi Stat Membru ieħor.

(6) L-aċċċess għall-benefiċċji in natura matul qagħda temporanja fi Stat Membru ieħor jingħata, fil-prinċipju, fuq il-preżentazzjoni tal-formola xierqa prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 [4]. Ċerti Stati Membri għadhom jitolbu – formalment, anke jekk mhux fil-prattika – l-osservanza ta’ formalitajiet supplimentari mal-wasla fit-territorju tagħhom. Dawn il-ħtiġiet, b’mod speċifiku l-obbligu li tkun ippreżentata b’mod sistematiku u minn qabel dikjarazzjoni ċċertifikata lill-istituzzjoni tal-post fejn tkun qiegħda li tiċċertifika d-dritt għall-benefiċċji in natura, jidhru llum li huma restrittivi bla bżonn u ta’ natura li tfixkel il-moviment liberu tal-persuni konċernati.

(7) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprovdu informazzjoni xierqa dwar il-bidliet fid-drittijiet u obbligi mdaħħla minn dan ir-Regolament.

(8) Biex ikun hemm applikazzjoni effettiva u ġusta tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, hija indispensabbli l-koperazzjoni bejn l-istituzzjoniojiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament. Din il-koperazzjoni teħtieġ bħal kondizzjoni, min-naħa kemm ta’ l-istituzzjonijiet u kemm tal-persuni assigurati, li tingħata informazzjoni sħiħa dwar kull bidla li tista’ tolqot id-dritt għall-benefiċċji, bħalma ma huwa waqfien jew bdil ta’ impieg jew xogħol indipendenti tal-persuna assigurata, kull trasferiment tar-residenza jew tal-post fejn tkun qiegħda ta’ dik il-persuna jew ta’ membru tal-familja tagħha, bidliet fis-sitwazzjoni tal-familja jew emendi fil-leġislazzjoni.

(9) Meta wieħed jikkunsidra l-komplessità ta’ ċerti sitwazzjonijiet individwali li jinvolvu l-moviment tal-persuni, għandu jsir provvediment għall-mekkaniżmu li jippermetti lill-istituzzjonijiet li jiddeċiedu fuq każi individwali li fihom interpretazzjonijiet diversi tar-Regolament (KE) Nru 1408/71 u r-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu jistgħu jipperikolaw id-drittijiet tal-persuna konċernata. Jekk ma tkunx tista’ tinsab soluzzjoni li biha jkunu osservati d-drittijiet kollha ta’ l-individwu konċernat, għandu jsir jprovvediment biex ikun hemm l-għażla li l-materja tkun riferuta lill-Kummissjoni Amministrattiva.

(10) Sabiex ir-Regolament jinġieb fl-istess linja ma’ l-iżviluppi fl-ipproċċessar tad-data, li fihom il-Karta Ewropea ta’ Assigurazzjoni fuq is-Saħħa hija element essenzali billi huwa maħsub li għat-tul ta’ żmien hija tikkostitwixxi mezz elettroniku li jkun jista’ jinqara fl-Istati Membri kollha, ċerti Artikoli tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 għandhom ikunu emendati biex ikopru l-kunċett ta’ dokument bħala kull kontenut ikun xi jkun il-mezz li bih jitwassal, kitba fuq karta jew ħażna f’forma elettronika jew reġistrazzjoni tal-ħoss jew viżiva jew awdjoviziva.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 huwa b’dan emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 22 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) is-subparagrafu 1(a) għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"(a) li l-kondizzjoni tiegħu teħtieġ benefiċċji in natura li jsiru meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi matul qagħda fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, waqt li tingħata konsiderazzjoni lin-natura tal-benefiċċji u t-tul mistenni tal-qagħda fil-post;"

(b) għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistabbilixxi lista tal-benefiċċji in natura li, sabiex ikunu pprovduti matul il-qagħda fi Stat Membru ieħor, jeħtieġu, għal raġunijiet prattiċi, ftehim minn qabel bejn il-persuna konċernata u l-istituzzjoni li tipprovdi l-kura;"

(ċ) fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"Il-paragrafi 1, 1a u 2 għandhom japplikaw b’analoġija għall-membri tal-familja ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha."

2. L-Artikolu 22a għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"L-Artikolu 22a

Regoli speċjali għal ċerti kategoriji ta’ persuni

Minkejja l-Artikolu 2, l-Artikolu 22(1) (a) u (ċ) and (1a) għandhom ukoll japplikaw għall-persuni li jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri u li jkunu assigurati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru u għall-membri tal-familji tagħhom li jirrisjedu magħhom."

3. L-Artikolu 22b għandu jkun imħassar;

4. L-Artikolu 25 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"1. Persuna bla xogħol li qabel kienet impjegata jew taħdem għal rasha u li japplikaw għaliha d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69(1) jew l-Artikolu 71(1)(b), it-tieni sentenza u li tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti biex ikollha d-dritt għall-benefiċċji in natura u benefiċċji fi flus, waqt li tingħata konsiderazzjoni meta jkun meħtieġ lid-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, għandha tirċievi għall-perijodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 69(1)(ċ):

(a) il-benefiċċji in natura li din il-persuna ssir teħtieġ għal raġunijiet mediċi matul il-qagħda tagħha fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn tkun qed tfittex ix-xogħol, waqt li tingħata konsiderazzjoni lin-natura tal-benefiċċji u t-tul mistenni tal-qagħda fil-post. Dawn il-benefiċċji in natura għandhom ikunu pprovduti f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna tkun qed tfittex l-impieg, skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni li l-istituzzjoni ta’ l-aħħar tamministra, daqs li kieku din il-persuna kienet assigurata magħha;

(b) il-benefiċċji fi flus li l-istituzzjoni kompetenti tipprovdi skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna bla xogħol tfittex ix-xogħol, il-benefiċċji jistgħu jingħataw mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem l-istituzzjoni ta’ l-ewwel skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti. Il-benefiċċji tal-qgħad taħt l-artikolu 69(1) m’għandhomx jingħataw għal dak il-perijodu li matulu jkunu rċevuti benefiċċji fi flus."

(b) għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a. L-Artikolu 22(1a) għandu japplika b’analoġija.";

5. L-Artikolu 31 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"L-Artikolu 31

Il-qagħda ta’ pensjonant u/jew ta’ membri tal-familja tiegħu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat li fih ikollhom ir-residenza tagħhom

1. Pensjonant li jkollu d-dritt għal pensjoni jew pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew għal pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ tnejn jew aktar mill-Istati Membri u li jkollu d-dritt għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed minn dawk l-Istati għandu, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu li jkunu qed joqogħdu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat li fih ikollhom ir-residenza tagħhom, jirċievi:

(a) il-benefiċċji in natura li jsiru meħtieġa għal raġunijiet mediċi matul il-qagħda fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ residenza, waqt li tingħata konsiderazzjoni lin-natura tal-benefiċċji u t-tul mistenni tal-qagħda fil-post. Dawn il-benefiċċji in natura għandhom ikunu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post fejn ikun qiegħed, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li tamministra, f’isem l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tal-pensjonant jew tal-membri tal-familja tiegħu;

(b) il-benefiċċji fi flus li l-istituzzjoni kompetenti, meta jkun xieraq, tipprovdi kif stabbilit bl-Artikolu 27 jew 28(2), skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni fejn ikun qiegħed, dawn il-benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem dik ta’ l-ewwel, skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.

2. L-Artikolu 22(1a) għandu japplika b’anoloġija."

6. L-Artikolu 34a għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"L-Artikolu 34a

Disposizzjonijiet speċjali għall-istudenti u membri tal-familji tagħhom

L-Artikoli 18, 19, 22(1)(a) u (ċ) u (1a), 22(2), it-tieni subparagrafu, 22(3), 23 u 24 u t-taqsimiet 6u 7 għandhom japplikaw b’anoloġija għall-istudenti u għall-membri tal-familji tagħhom kif ikun meħtieġ."

7. L-Artikolu 34b għandu jitħassar;

8. għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"L-Artikolu 84a

Ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament

1. L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u koperazzjoni reċiproċi biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament.

L-istituzzjonijiet, skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom iwieġbu għall-mistoqsijiet kollha f’perijodu ta’ żmien raġonevoli u f’dan ir-rigward għandhom jipprovdu lill-persuni konċernati b’kull informazzjoni meħtieġa biex huma jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.

Il-persuni konċernati għandhom jinformaw lill-istituzzjonijiet ta’ l-Istat kompetenti u ta’ l-Istat ta’ residenza malajr kemm jisa’ jkun bil-bidliet kollha fis-sitwazzjoni personali jew tal-familja tagħhom li jolqtu d-dritt tagħhom għall-benefiċċji taħt dan ir-Regolament.

2. In-nuqqas ta’ rispett ta’ l-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu, jista’ jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonali skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli f’sitwazzjonijiet simili taħt il-liġi domestika u m’għandhomx jagħmluha impossibbli jew diffiċli b’mod eċċessiv fil-prattika għal dawk li jagħmlu t-talba li jeżerċitaw d-drittijiet li jagħtihom dan ir-Regolament.

3. Fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat kompetenti jew ta’ l-Istat ta’ residenza tal-persuna involuta għandha tikkuntattja l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat jew Stati Membri konċernati. Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perijodu raġonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tintervjeni."

Artikolu 2

Ir-Regolament (KEE) Nru 574/72 huwa b’dan emendat kif ġej:

1. fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"1. Il-mudelli tad-dokumenti meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament u tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandhom ikunumfassla mill-Kummissjoni Amministrattiva.

Dawn id-dokumenti jistgħu jkunu ttrasferiti bejn l-istituzzjonijiet kemm bħala karta jew f’forom oħra jew permezz ta’ servizzi telematiċi taħt forma ta’ messaġġi elettroniċi standardizzati skond it-Titolu Via. L-iskambju ta’ informazzjoni permezz tas-servizzi telematiċi għandu jkun suġġett għal ftehim bejn l-awtoritjiet kompetenti jew il-korpi nominati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jibgħathom u dawk ta’ l-Istat Membru li jirċevihom;"

2. fl-Artikolu 17, il-paragrafi 6 u 7 għandhom jitħassru;

3. fl-Artikolu 19a, il-paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"2. L-Artikolu 17(9) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu japplika b’anoloġija."

4. L-Artikolu 20 għandu jitħassar;

5. L-Artikolu 21 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"L-Artikolu 21

Benefiċċji innatura fil-każ ta’ qagħda fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti

1. Sabiex tirċievi l-benefiċċji in natura taħt l-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament, persuna impjegata jew li taħdem għal rasha għandha tipprezenta lil min jipprovdi l-kura dokument maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti li jiċċertifika li hija għandha dritt għall-benefiċċji in natura. Dak id-dokument għandu jkun ifformulat skond l-Artikolu 2. Jekk il-persuna konċernata ma tkunx tista’ tippreżenta dak id-dokument, hija għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni tal-post fejn tkun qiegħda u din għandha titlob mingħand l-istituzzjoni kompetenti dikjarazzjoni ċċertifikata li tiċċertifika illi dik il-persuna għandha d-dritt għall-benefiċċji in natura.

Dokument maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti għad-dritt ta’ benefiċċji skond l-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament, f’kull każ individwali konċernat, għandu jkollu l-istess effett għal min jipprovdi l-kura daqs dokument nazzjonali li jagħti xhieda tad-drittijiet tal-persuni assigurati ma’ l-istituzzjoni tal-post fejn huma jkunu qegħdin.

2. L-Artikolu 17(9) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu japplika b’analoġija."

6. fl-Artikolu 22, il-paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"2. L-Artikolu 17(9) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu japplika b’analoġija."

7. fl-Artikolu 23,it-tieni paragrafu għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"Madankollu, fil-każi msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(3) tar-Regolament, l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza u l-leġislazzjoni tal-pajjiż ta’ residenza tal-membri tal-familja għandhom jitqiesu, rispettivament, bħala l-istituzzjoni kompetenti u bħala l-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-iskopijiet ta’ l-Artikoli 17(9), 21 u 22 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni."

8. L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"1. Sabiex tirċievi l-benefiċċji in natura taħt l-Artikolu 25(1)(a) u 1(a) tar-Regolament, persuna bla xogħol jew membru tal-familja li jkun jakkompanjaha għandha tippreżenta lil min jipprovdi l-kura dokument maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti li jiċċertifika illi hija għandha d-dritt għall-benefiċċji f’servizzi. Dak id-dokument għandu jkun ifformulat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2. Jekk il-persuna konċernata ma tkunx tista’ tippreżenta dak id-dokument, hija għandha tikkuntattja l-istituzzjoni tal-post fejn tkun qiegħda u din għandha titlob mingħand l-istituzzjoni kompetenti dikjarazzjoni ċċertifikata li tagħti xhieda illi l-persuna konċernata għandha d-dritt għall-benefiċċji in natura.

Dokument maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti biex jagħti d-dritt għall-benefiċċji skond l-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament, f’kull każ individwali konċernat, għandu jkollu l-istess effett għal min jipprovdi l-kura daqs dokument nazzjonali li jagħti xhieda tad-drittijiet tal-persuni assigurati ma’ l-istituzzjoni tal-post fejn il-persuna bla xogħol tkun marret."

(b) il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal:

"1a. Sabiex tirċievi l-benefiċċji fi flus taħt l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament għaliha stess u għall-membri tal-familja tagħha, il-persuna bla xogħol għandha tippreżenta lill-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni tal-post fejn tkun marret dikjarazzjoni ċċertifikata li tkun applikat għaliha, qabel it-tluq tagħha, mingħand l-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni kompetenti. Jekk il-persuna bla xogħol ma tippreżentax dak id-dokument iċċertifikat, l-istituzzjoni tal-post fejn hija tkun marret għandha tiksibha mill-istituzzjoni kompetenti. Dik id-dikjarazzjoni ċċertifikata għandha tagħti xhieda ta’ l-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji msemmija taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 69(1) (a) tar-Regolament, tindika kemm hu twil il-perijodu ta’ dan id-dritt waqt li tingħata konsiderazzjoni għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69(1)(ċ) tar-Regolament u, fil-każ ta’ inkapaċità għax-xogħol jew żmien bħala pazjent fl-isptar, tispeċifika l-ammont tal-benefiċċji fi flus li għandhom jingħataw, meta jkun xieraq, bħala assigurazzjoni għall-mard matul il-perijodu msemmi hawn fuq."

(ċ) il-paragrafu 3 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"3. L-Artikolu 17(9) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu japplika b’analoġija."

9. L-Artikolu 31 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"L-Artikolu 31

Benefiċċji in natura għall-pensjonanti u l-membri tal-familji tagħhom li jkunu qed joqogħdu fi Stat Membru li ma jkunx dak li huma jkollhom ir-residenza fih

1. Sabiex jirċievi l-benefiċċji innatura taħt l-Artikolu 31 tar-Regolament, il-pensjonant għandu jippreżenta lil min jipprovdi l-kura dokument maħruġ mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza li jiċċertifika illi huwa għandu d-dritt għall-bnefiċċji in natura. Dak id-dokument għandu jkun ifformulat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2. Jekk il-persuna konċernata ma tkunx tista’ tippreżenta d-dokument, hija għandha tikkuntattja l-istituzzjoni tal-post fejn tkun qiegħda u din għandha titlob mingħand l-istituzzjoni kompetenti tal-post ta’ residenza dikjarazzjoni ċċertifikata li tagħti xhieda illi l-persuna konċernata għandha d-dritt għall-benefiċċji innatura.

Dokument maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti biex jagħti d-dritt għall-benefiċċji skond l-Artikolu 31 tar-Regolament, f’kull każ individwali konċernat, għandu jkollu l-istess effett għal min jipprovdi l-kura daqs dokument nazzjonali li jagħti xhieda tad-drittijiet tal-persuni assigurati ma’ l-istituzzjoni tal-post fejn huma jkunu qegħdin.

2. L-Artikolu 17(9) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu japplika b’analoġija.

3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw b’analoġija ghall-għoti ta’ benefiċċji in natura lill-membri tal-familja koperti mill-Artikolu 31 tar-Regolament. Jekk dawn il-membri tal-familja jkollhom ir-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx dak tal-pensjonant, id-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinħareġ mill-istituzzjoni tal-post fejn huma jkollhom ir-residenza."

10. fl-Artikolu 117, il-paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b’li ġej:

"1. Fuq il-bażi tar-riċerka u l-proposti tal-Kummissjoni Teknika msemmija fl-Artikolu 117ċ tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tadatta għat-tekniki ġodda għall-ipproċessar tad-data l-mudelli tad-dokumenti kif ukoll ir-rotot li jintużaw u l-proċeduri għat-trasmissjoni tad-data meħtieġa biex ikunu applikati r-Regolament u r-Regolament ta’ implimentazzjoni."

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi tingħata informazzjoni xierqa dwar il-bidliet fid-drittijiet u l-obbligazzjonijiet imdaħħla minn dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat fejn wieħed ikun qiegħed għandhom jiżguraw illi dwak kollha li jipprovdu l-kura jkunu konxji sew tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004.

L-aċċess dirett għal min jipprovdi l-kura għandu jkun iggarantit mhux aktar tard mill-1 ta’Lulju 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, fil-31 ta’ Marzu 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

D. Roche

[1] ĠU C 32, tal-5.2.2004, p. 78

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003 u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ 4 ta’ Marzu 2004.

[3] ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2. Regolament kif ikkonsolidat bir-Regolament (KE) Nru 118/97 (ĠU L 28, tat-30.1.1997, p.1) u emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 187, ta’ l-10.7.2001, p. 1)

[4] ĠU L 74, tas-27.3.1972, p. 1. Regolament kif ikkonsolidat bir-Regolament (KE) Nru 118/97 u emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 185/2003 (ĠU L 271,tat- 22.10.2003, p. 3)

--------------------------------------------------