32004R0551



Official Journal L 096 , 31/03/2004 P. 0020 - 0025


Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-10 ta' Marzu 2004

dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta' l-ispazju ta' l-arja fl-ajru uniku Ewropew

(ir-Regolament ta' l-ispazju ta' l-arja)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikularment l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni tal-11 ta' Diċembru 2003,

Billi:

(1) Il-ħolqien ta' l-ajru uniku Ewropew jirrikjedi trattament armonizzat biex ikunu rregolati l-organizzazzjoni u l-użu ta' spazju ta' l-ajru.

(2) Fir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-ajru uniku Ewropew f'Novembru 2000 huwa kkunsidrat li spazju ta' l-ajru għandu jkun iddisinjat, irregolat u amministrat b'mod stratiġiku fuq bażi Ewropea.

(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' l-ajru uniku Ewropew tat-30 ta' Novembru 2001 jitlob għal riforma strutturali li tippermetti l-ħolqien ta' l-ajru uniku Ewropew permezz ta' amministrazzjoni progressivament aktar integrata ta' spazju ta' l-ajru u l-iżvilupp ta' konċetti u proċeduri ġodda ta' amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru.

(4) Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 (ir-Regolament qafas) [5] jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' l-ajru uniku Ewropew.

(5) L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili ta' l-1944, l-Istati Kontrajenti jirrikonoxxu li "kull Stat għandu sovranità komplut u esklussiv fuq l-ispazju ta' l-ajru fuq it-territorju tiegħu". Huwa fil-qafas ta' sovranità tali li l-Istati Membri tal-Komunità, suġġetti għal konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, jeżerċitaw is-setgħat ta' awtorita pubblika meta jikkontrollaw it-trafiku ta' l-ajru.

(6) L-ispazju ta' l-ajru huwa riżorsa komuni għall-kategoriji kollha ta' utenti li jeħtieġ tkun użata b'mod flessibbli minnhom kollha, biex ikunu żgurati ġustizzja u trasparenza filwaqt li jitqiesu l-ħtiġiet ta' sigurta u difiża ta' Stati Membri u l-impenji tagħhom f'organizzazzjonijiet internazzjonali.

(7) Amministrazzjoni effiċjenti ta' spazju ta' l-ajru hija fundamentali biex tiżdied il-kapaċità tas-sistema ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru.

(8) L-attivitajiet ta' l-Eurocontrol jikkonfermaw li x-xibka ta' rotot u struttura ta' spazju ta' l-ajru ma jistgħux realistikament ikunu żviluppati f'iżolazzjoni, għax kull Stat Membru huwa element integrali tax-Xibka Ewropea ta' amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru (XEATA), kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità.

(9) Spazju ta' l-ajru li jopera aktar integrat progressivament għandu jkun stabbilit għal traffiku ta' l-ajru en-route ġenerali fl-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq; il-konfini bejn spazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq u ta' aktar 'l isfel għandha tkun identifikata skond dan.

(10) Reġjun Ewropew ta' Informazzjoni għal Titjir Aktar 'il Fuq (AEIF) li jikkomprendi l-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq taħt ir-responsabbilita ta' l-Istati Membri fl-ambitu ta' dan ir-Regolament għandu jiffaċilita l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni komuni dwar ippjanar u aeronawtika biex jingħelbu konġestjonijiet reġjonali.

(11) Utenti ta' spazju ta' l-ajru jiffaċċjaw kondizzjonijiet diversi ta' aċċess għal, u ħelsien ta' moviment fi, l-ispazju ta' l-ajru Komunitarju. Dan hu dovut għan-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-klassifika ta' spazju ta' l-ajru.

(12) Il-konfigurazzjoni mill-ġdid ta' l-ispazju ta' l-ajru għandu jkun ibbażat fuq rekwiżiti operazzjonali mingħajr ma jittieħed każ ta' konfini eżistenti. Prinċipji komuni ġenerali biex jinħolqu blokki ta' spazju ta' l-ajru funzjonali uniformi għandhom ikunu żviluppati f'konsultazzjoni ma' u fuq il-bażi ta' parir tekniku minn Eurocontrol.

(13) Huwa essenzjali li tinkiseb struttura komuni, armonizzata f'termini ta' rotot u setturi, biex tkun bażi ta' organizzazzjoni preżenti u futura ta' spazju ta' l-ajru fuq prinċipji komuni, u spazju ta' l-ajru jkun iddisinjat u amministrat skond regoli armonizzati.

(14) Il-konċett ta' l-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru għandu jkun applikat b'mod effettiv; huwa meħtieġ li jsir l-aħjar użu mis-setturi ta' l-ispazju ta' l-ajru, speċjalment matul perjodi fl-aqwa tat-traffiku ta' l-ajru u fl-ispazju ta' l-ajru ta' traffiku intens, permezz ta' koperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' l-użu ta' setturi tali għal operazzjonijiet militari u ta' taħriġ. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jkunu allokati r-riżorsi xierqa għal implimentazzjoni effettiva tal-konċett ta' l-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti kemm ċivili kif ukoll militari.

(15) Stati Membri għandhom jagħmlu sforz biex jikkoperaw ma' l-Istati Membri ġirien biex japplikaw il-konċett ta' l-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru min-naħa għall-oħra tal-konfini nazzjonali.

(16) Differenzi fl-organizzazzjoni ta' koperazzjoni ċivili-militari fil-Komunità jirrestrinġu l-amministrazzjoni uniformi u f'waqtha ta' l-ispazju ta' l-ajru u l-implimentazzjoni ta' bidliet. Is-suċċess ta' l-ajru uniku Ewropew jiddependi fuq il-koperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ċivili u militari, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi u responsabbilitajiet ta' l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża.

(17) Operazzjonijiet u taħriġ militari għandhom ikunu ssalvagwardjati kull meta l-applikazzjoni tal-pronċipji u kriterji komuni jkun detrimentali għat-twettiq salv u effiċjenti tagħhom.

(18) Miżuri adegwati għandhom ikunu introdotti biex itejbu l-effikaċita ta' l-amministrazzjoni tal-fluss tat-traffiku ta' l-ajru biex jassistu unitajiet operazzjonali eżistenti, inkluża l-Unita Ċentrali Amministrattiva tal-Fluss ta' l-Eurocontrol, jiżguraw operazzjonijiet ta' titjir effiċjenti.

(19) Huwa mixtieq li jkun hemm riflessjoni fuq l-estensjoni tal-konċetti ta' l-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq għall-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'l isfel, skond skeda ta' żmien u studji xierqa,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITLU I

ĠENERALI

Artikolu 1

Għanijiet u ambitu

1. Fl-ambitu tar-Regolament qafas, dan ir-Regolament jikkonċerna l-organizzazzjoni u l-użu ta' spazju ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew. L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jsostni l-konċett ta' spazju ta' l-ajru li jopera progressivament aktar integrat fil-kuntest tal-politika ta' trasport komuni u jistabbilixxi proċeduri komuni għal iddisinjar, ippjanar u amministrazzjoni li jiżguraw it-twettiq effiċjenti u salv ta' l-amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru.

2. L-użu ta' spazju ta' l-ajru għandu jsostni l-operazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni ta' l-ajru bħala entita koerenti u konsistenti skond ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar il-proviżjoni ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-proviżjon tas-servizz) [6].

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ispazju ta' l-ajru fir-reġjuni ta' l-OIAĊ EUR u AFI fejn Stati Membri huma responsabbli għall-proviżjoni ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru skond ir-Regolament tal-proviżjoni tas-servizz. Stati Membri jistgħu wkoll japplikaw dan ir-Regolament għal spazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom f'reġjuni oħra ta' l-OIAĊ, bil-kondizzjoni li jinformaw b'dan lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

4. Ir-Reġjuni ta' Informazzjoni dwar Titjir li jidħlu fl-ispazju ta' l-ajru li għalih dan ir-Regolamentr japplika għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

IL-KAPITLU II

ARKITETTURA TA' L-SPAZJU TA' L-AJRU

Artikolu 2

Livell ta' diviżjoni

Il-livell ta' diviżjoni bejn l-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq u aktar 'l isfel għandu jkun stabbilit fil-livell ta' titjir 285.

Devjazzjonijiet mil-livell ta' diviżjoni li jkunu ġġustifikati fid-dawl ta' rekwiżiti operazzjonali jistgħu jkunu deċiżi bi qbil ma' l-Istati Membri kkonċernati skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas.

Artikolu 3

Reġjun Ewropew ta' l-informazzjoni għal titjir aktar 'il fuq (REIF)

1. Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandu jkollhom bħala għan l-stabbiliment u r-rikonoxximent mill-OIAĊ ta' REIF uniku. Għal dak il-għan, għal materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tissottometti rakkomandazzjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 300 tat-Trattat l-aktar tard fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2. Ir-REIF għandu jkun iddisinjat biex jikkomprendi l-ispazju ta' l-ajru li jaqa' taħt ir-responsabbilta ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 1(3) u jista' wkoll jinkludi spazju ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi Ewropej.

3. L-istabbiliment tar-REIF għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbilta ta' Stati Membri għall-ħatra ta' fornituri ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru għall-ispazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-proviżjon ta' servizzi.

4. Stati Membri għandhom iżommu ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn l-OIAĊ fil-limiti ġeografiċi tar-reġjuni ta' informazzjoni ta' titjir ta' aktar 'il fuq fdata lilhom mill-OIAĊ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

5. Mingħajr preġudizzju għall-pubblikazzjoni minn Stati Membri ta' informazzjoni aeronawtika w f'manjiera konsistenti ma' din il-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni, f'koperazzjoni stretta ma' Eurocontrol, għandha tikkordina l-iżvilupp ta' pubblikazzjoni unika ta' informazzjoni aeronawtika konnessa mar-REIF, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti relevanti ta' l-OIAĊ.

Artikolu 4

Klassifika ta' l-ispazju ta' l-ajru

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiddisinjaw ir-REIF skond armonizzazzjoni progressiva ta' klassifika ta' spazju ta' l-ajru, iddisinjat biex jiżgura l-proviżjoni bla ħjata (biċċa waħda) ta' servizzi ta' navigazzjoni fl-ajru fil-qafas tal-ajru uniku Ewropew. Dan it-trattament komuni għandu jkun ibbażat fuq applikazzjoni ssimplifikata ta' klassifika ta' spazju ta' l-ajru, kif iddefinit fl-istrateġija ta' spazju ta' l-ajru ta' l-Eurocontrol għall-Istati Ewropej tal-Konferenza dwar l-Avjazzjoni Ċivili skond standards ta' l-OIAĊ.

Ir-regoli li jimplimentaw meħtieġa f'dan il-qasam għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas.

Artikolu 5

Konfigurazzjoni mill-ġdid ta' l-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq

1. Bil-ħsieb li jinkisbu kapaċità u effiċjenza massimi tax-xibka amministrattiva tat-traffiku ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew, u bil-ħsieb li jinżamm livell għoli ta' sigurezza, l-spazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq għandu jkun ikkonfigurat mill-ġdid fi blokki funzjonali ta' spazju ta' l-ajru.

2. Blokki funzjonali ta' l-ispazju ta' l-ajru għandhom, inter alia:

(a) ikunu sostnuti minn spazju ta' sigurezza;

(b) jagħmlu possibbli l-aħjar użu ta' l-ispazju ta' l-ajru, filwaqt li jqisu l-flussi tat-traffiku ta' l-ajru;

(ċ) ikunu ġġustifikati mill-valur miżjud ġenerali tagħhom, inkluż l-aħjar użu ta' riżorsi umani u tekniċi, fuq il-bażi ta' analisijiet tar-relazzjoni bejn siwi u benefiċċju;

(d) jiżguraw trasferiment fluwenti u flessibbli ta' responsabbiltajiet għal kontroll ta' traffiku ta' l-ajru bejn unitajiet ta' servizz ta' traffiku ta' l-ajru;

(e) jiżguraw kompatibilità bejn il-konfigurazzjonijiet ta' spazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq u ta' aktar 'l isfel;

(f) jikkomforaw ruħhom ma' kondizzjonijiet li joħorġu minn ftehim reġjonali konklużi ġewwa l-OIAĊ, u

(g) jirrrispettaw ftehim reġjonali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, b'mod partikulari dawk li jinvolvu pajjiżi terzi Ewropej.

3. Prinċipji komuni ġenerali għall-istabbiliment u modifikazzjoni ta' blokki funzjonali ta' spazju ta' l-ajru għandhom ikunu żviluppati skond il-proċedura taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas.

4. Blokk funzjonali ta' spazju ta' l-ajru għandu biss inkun stabbilit bi ftehim reċiproku bejn l-Istati Membri kollha li jkollhom responsabbilta għal xi parti mill-ispazju ta' l-ajru inkluż fil-blokk, jew b'dikjarazzjoni minn Stat Membru wieħed jekk l-ispazju ta' l-ajru inkluż fil-blokk ikun kompletament taħt ir-responsabbilta tiegħu. L-Istat(i) Membru(i) kkonċernat għandu jaġixxi biss wara li jkun ikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra.

5. Fil-każ fejn blokk funzjonali ta' spazju ta' l-ajru ikollu x'jaqsam ma' spazju ta' l-ajru li jkun kompletament jew parzjalment taħt ir-responsabbilta ta' żewġ Stati Membri jew aktar, il-ftehim li bih il-blokk ikun stabbilit għandu jkun fih id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-manjiera li biha l-blokk jista' jiġi mmodifikat u l-manjiera li biha Stat Membru jkun jista' jirtira mill-blokk, inklużi arranġamenti transizzjonali.

6. Fejn iqumu diffikulatjiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar rigward blokk funzjonali ta' spazju ta' l-ajru min-naħa għall-oħra tal-konfini li jikkonċerna spazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jressqu b'mod konġunt il-materja quddiem il-Kumitat ta' Ajru Uniku għal opinjoni. L-opinjoni għandha tintbagħat lill-Istati Membri kkonċernati. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom iqisu opinjoni tali biex isibu soluzzjoni.

7. Id-deċiżjonijiet li jirreferu għalihom il-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Pubblikazzjoni tali għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni relevanti.

Artikolu 6

Disinn għall-aħjar rotta jew settur fl-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'il fuq

1. Prinċipji u kriterji komuni għal disinn ta' rotta jew settur għandhom ikunu stabbiliti biex jiżguraw użu ta' spazju ta' l-ajru li jkun salv, ekonomikament effiċjenti u bonarju għall-ambjent. Id-disinn tas-settur għandu jkun koerenti inter alia mad-disinn tar-rotta.

2. Ir-regoli li jimplimentaw fl-oqsma koperti bil-paragrafu 1 għandhom ikunu addottati skond il-proċedura taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas.

3. Deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment jew modifikazzjoni ta' rotot jew setturi għandhom jirrekjedu l-approvazzjoni ta' l-Istati Membri li għandhom responsabbilta għal-ispazju ta' l-ajru li għalih id-deċiżjonijiet japplikaw

IL-KAPITLU III

UŻU FLESSIBBLI TA' L-ISPAZJU TA' L-AJRU FL-AJRU UNIKU EWROPEW

Artikolu 7

Użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru

1. Filwaqt li jqisu l-organizzazzjoni ta' l-aspetti militari taħt ir-responsabbilta tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni uniformi fl-ajru uniku Ewropew tal-konċett ta' l-użu flessibbli ta' spazju ta' l-ajru kif deskritt mill-OIAĊ u kif żviluppat minn Eurocontrol, biex jiffaċilitaw l-amministrazzjoni ta' spazju ta' l-ajru u amministrazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru fil-kuntest tal-politika komuni ta' trasport.

2. Stati Membri għandhom jirrapportaw ta' kull sena lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, fil-kuntest tal-politika komuni ta' trasport, tal-konċett ta' l-użu flessibbli ta' spazju ta' l-ajru fir-rigward ta' spazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom.

3. Fejn, b'mod partikulari wara r-rapporti ssottomessi minn Stati Membri, isir meħtieġ li tkun irrinforzata u armonizzata l-applikazzjoni tal-konċett ta' l-użu flessibbli ta' spazju ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew, regoli li jimplimentaw fil-kuntest tal-politika komuni ta' trasport għandhom ikunu addottati skond il-proċedura taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas.

Artikolu 8

Sospensjoni temporanja

1. F'każijiet fejn l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tqajjem diffikultajiet operazzjonali sinifikanti, Stati Membri jistgħu jissospendu temporanjament applikazzjoni tali fuq kondizzjoni li jinformaw b'dan mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra.

2. Wara l-introduzzjoni ta' sospensjoni temporanja, aġġustamenti għar-regoli addottati taħt l-Artikolu 7(3) għandhom jinħadmu għall-ispazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta ta' l-Istat(i) Membru(i) kkonċernat, skond il-proċedura taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas.

Artikolu 9

Amministrazzjoni tal-fluss ta' traffiku ta' l-ajru

1. Regoli li jimplimentaw għall-amministrazzjoni tal-fluss ta' traffiku ta' l-ajru għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas, bil-ħsieb li tinkiseb l-aħjar kapaċità disponibbli fl-użu ta' spazju ta' l-ajru u li jittejbu l-proċessi ta' amministrazzjoni tal-fluss ta' traffiku ta' l-ajru. Dawn ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq it-trasparenza u effiċjenza, filwaqt li jiżguraw li kapaċità tkun ipprovduta f'manjiera flessibbli u f'waqtha, konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-pjan reġjonali ta' navigazzjoni ta' l-ajru ta' l-OIAĊ, Reġjun Ewropew.

2. Ir-regoli li jimplimentaw għandhom isostnu deċiżjonijiet operazzjonali mill-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, operaturi ta' ajruporti w utenti ta' spazju ta' l-ajru w għandhom ikopru ż-żoni li ġejjin:

(a) ippjanar ta' titjiriet;

(b) użu ta' kapaċità ta' spazju ta' l-ajru disponibbli matul il-fażijiet kollha tat-titjir, inklużi assenjazzjoni ta'slot; u

(ċ) użu ta' rotot minn traffiku ta' l-ajru ġenerali, inklużi

- il-ħolqien ta' pubblikazzjoni unika għall-orjentazzjoni ta' rotot u traffiku,

- għażliet għal devjazzjoni ta' traffiku ta' l-ajru ġenerali minn żoni ta' konġestjoni, u

- regoli ta' prijorita dwar l-aċċess għal spazju ta' l-ajru għal traffiku ta' l-ajru ġenerali, b'mod partikulari matul perjodi ta' konġestjoni u kriżi.

IL-KAPITLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Reviżjoni

Fil-kuntest tar-reviżjoni perjodika li jirreferi għaliha l-Artikolu 12(2) tar-Regolament qafas, il-Kummissjoni għandha tiffinalizza studju prospettiv dwar il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni futura tal-konċetti li jirreferi għalihom l-Artikolu 3, 5 u 6 għall-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'l isfel.

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' l-istudju u fid-dawl tal-progress miksub, il-Kummissjoni għandha tissottometti l-aktar tard sal-31 ta' Diċembru 2006 rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkompanjat, jekk xieraq, bi proposta biex jestendu l-applikazzjoni ta' dawn il-konċetti għall-ispazju ta' l-ajru ta' aktar 'l isfel, jew jiddeterminaw xi passi oħra. Fil-każ li tkun prevista estensjoni tali, id-deċiżjoni relevanti għandha preferibilment tittieħed qabel il-31 ta' Diċembru 2009.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasbourg, fl-10 ta' Marzu 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

F'isem il-Kunsill

Il-President

D. Roche

[1] ĠU C 103 E, tat-30.4.2002, p. 35

[2] ĠU C 241, tas-7.10.2002, p. 24

[3] ĠU C 278, ta' l-14.11.2002, p. 13

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2002 (ĠU C 272 E, tat-13.11.2003, p. 316), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2003 (ĠU C 129 E, tat-3.6.2003, p. 11) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2003 (għandha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni leġislatttiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Jannar 2004 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Frar 2004.

[5] ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 1.

[6] ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 10.

--------------------------------------------------