32004R0423



Official Journal L 070 , 09/03/2004 P. 0008 - 0011


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2004

tas-26 ta' Frar 2004

li jistabbilixxi miżuri għall-irkuprar ta' l-istokkijiet ta' merluzz

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Il-parir xjentifiku reċenti tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) indika li numru ta' stokkijiet fl-ilmijiet tal-Komunità ġew issuġġettati għal livelli ta' mortalità bis-sajd li naqqsu fil-kwantità ta' ħut matur fil-baħar hekk li l-istokkijiet jistgħu ma jkunux kapaċi jirriġeneraw ruħhom permezz tar-riproduzzjoni u li għaldaqstant dawn l-istokkijiet qegħdin fir-riskju li jispiċċaw.

(2) Dawn l-istokkijiet huma merluzz fil-Kattegat, il-Baħar tat-Tramuntana, inklużi s-Skagerrak u l-lvant tal-Kanal, fil-punent ta' l-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż.

(3) Hemm bżonn li jittieħdu miżuri biex jiġu stabbiliti pjanijiet multi-annwali għall-irkuprar ta' dawn l-istokkijiet.

(4) Huwa mistenni li l-irkuprar ta' dawn l-istokkijiet skond il-kondizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jieħu bejn ħames u għaxar snin.

(5) L-objettiv tal-pjan li jikkonċerna dawn il-miżuri għandu jitqies li ntlaħaq għal stokk meta, għal sentejn konsekuttivi, il-kwantità ta' merluzz matur tkun ikbar minn dik iffissata mill-maniġers bħala fil-limiti bijoloġiċi siguri.

(6) Biex jintlaħaq dan l-objettiv, ir-rata ta' mortalità minħabba s-sajd għandha tiġi kkontrollata hekk li jkun hemm probabbiltà għolja li l-kwantitajiet ta' ħut matur fil-baħar jiżdied minn sena għal sena.

(7) Dan il-kontroll tar-rati ta' mortalità mis-sajd jista' jinkiseb billi jiġi stabbilit metodu xieraq li jistabbilixxi l-livell tal-qabdiet permissibbli (TACs) ta' l-istokkijiet involuti, u sistema li tillimita l-isforz tas-sajd fuq dawn l-istokkijiet għal livelli fejn il-probabbiltà tkun li t-TACs ma jinqabżux.

(8) Meta l-objettiv ta' l-irkuprar ikun intlaħaq, il-Kummissjoni għandha tipproponi, u l-Kunsill għandu jiddeċiedi fuq miżuri ta' tkomplija skond, l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 fuq il-konservazzjoni u l-utilizzazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-politika komuni dwar is-sajd [2].

(9) Miżuri ta' kontroll b'żieda ma' dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li trid tiġi applikata għall-politika komuni dwar is-sajd [3] huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan għall-irkuprar ta' l-istokkijiet ta' merluzz li ġejjin (iżjed 'il quddiem imsejħa "stokkijiet ta' merluzz imnaqqsa"):

(a) merluzz fil-Kattegat;

(b) merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, fl-Iskagerrak u fil-lvant tal-Kanal;

(ċ) merluzz fil-punent ta' l-Iskozja;

(d) merluzz fil-Baħar Irlandiż.

Artikolu 2

Definizzjonijiet ta' żoni ġeografiċi

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet ta' żoni ġeografiċi li ġejjin għandhom jgħoddu:

(a) "Kattegat" tfisser dik il-parti tad-diviżjoni III a, delinjata mill-ICES, li fit-tramuntana qiegħda fil-limiti ma' linja maqtugħa mill-fanal ta' Skagen sal-fanal ta' Tistlarna, u minn dan il-punt sa l-eqreb punt fuq il-kosta Svediża, u fin-nofsinhar ma' linja maqtugħa minn Hasenore sa Gnibens Spids, minn Korshage sa Spodsbjerg u minn Gilbjerg Hoved sa Kullen;

(b) "Il-Baħar tat-Tramuntana" tfisser is-subżona IV ta' l-ICES u dik il-parti tad-diviżjoni III a ta' l-ICES mhux koperta mill-Iskagerrak u dik il-parti tad-diviżjoni II a ta' l-ICES li qiegħda f'ilmijiet taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri;

(ċ) "Skagerrak" tfisser dik il-parti tad-diviżjoni III a ta' l-ICES li fil-punent qiegħda fil-limiti ma' linja maqtugħa mill-fanal ta' Hanstholm sal-fanal ta' Lindesnes u fin-nofsinhar ma' linja maqtugħa mill-fanal ta' Skagen sal-fanal ta' Tistlarna u minn dan il-punt sa l-eqreb punt fuq il-kosta Svediża;

(d) "il-lvant tal-Kanal" tfisser id-diviżjoni VII d ta' l-ICES;

(e) "Il-Baħar Irlandiż" tfisser id-diviżjoni VII a ta' l-ICES;

(f) "fil-punent ta' l-Iskozja" tfisser id-diviżjoni VI a ta' l-ICES u dik il-parti tad-diviżjoni V b ta' l-ICES li qiegħda f'ilmijiet taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri.

KAPITOLU II

LIVELLI TA' MIRA

Artikolu 3

L-iskop tal-pjan ta' irkuprar

Il-pjan ta' irkuprar riferit fl-Artikolu 1 għandu jimmira li jżid il-kwantitajiet ta' ħut matur għal valuri ugwali jew ogħla mil-livelli ta' mira speċifikati fit-tabella li ġejja:

Stokk | Livelli ta' mira f'tunnellati metriċi |

Merluzz fil-Kattegat | 10500 |

Merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u l-lvant tal-Kanal | 150000 |

Merluzz fil-punent ta' l-Iskozja | 22000 |

Merluzz fil-baħar Irlandiż | 10000 |

Artikolu 4

Lħuq tal-livelli ta' mira

Fejn il-Kummissjoni ssib, fuq il-bażi ta' parir mill-ICES u wara l-qbil ma' dan il-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), li għal sentejn konsekuttivi l-livell ta' mira għal kull stokk ta' merluzz involut ikun intlaħaq, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni biex dan l-istokk jitneħħa mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex jiġi stabbilit pjan ta' maniġġjar għal dan l-istokk b'konformità ma' l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

KAPITOLU III

QABDIET TOTALI PERMISSIBBLI

Artikolu 5

L-iffissar tat-TACs

Għandha tiġi ffissata TAC b'konformità ma' l-Artikolu 6 fejn il-kwantitajiet ta' merluzz matur ikunu ġew stmati mill-iSTECF, fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti ta' l-ICES, li hija ugwali jew ogħla mill-livelli minimi speċifikati fit-tabella li ġejja:

Stokk | Livelli minimi f'tunnellati metriċi |

Merluzz fil-Kattegat | 6400 |

Merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u l-lvant tal-Kanal | 70000 |

Merluzz fil-punent ta' l-Iskozja | 14000 |

Merluzz fil-Baħar Irlandiż | 6000 |

Artikolu 6

Proċedura għall-iffissar tat-TACs

1. Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, TAC għas-sena ta' wara għal kull stokk ta' merluzz li jkun naqas.

2. It-TACs m'għandhomx jaqbżu livell ta' qabdiet li evalwazzjoni xjentifika li tkun għamlet l-iSTECF fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti ta' l-ICES, tkun indikat li se jirriżulta fi żieda ta' 30 % fil-kwantitajiet ta' ħut matur fil-baħar fl-aħħar tas-sena ta' l-applikazzjoni tagħhom, meta mqabbla mal-kwantitajiet stmati li kienu fil-baħar fil-bidu ta' dik is-sena.

3. Il-Kunsill m'għandux jadotta TAC li l-qbid tagħha l-iSTECF jipprevedi, fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti ta' l-ICES, li jiġġenera fis-sena ta' applikazzjoni rata ta' mortalità mis-sajd ogħla mill-valuri li ġejjin:

Stokk ta' ħut involut | Rata ta' mortalità mis-sajd |

Merluzz fil-Kattegat | 0,60 |

Merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, l-iSkagerrak u l-lvant tal-Kanal | 0,65 |

Merluzz fil-punent ta' l-Iskozja | 0,60 |

Merluzz fil-Baħar Irlandiż | 0,72 |

4. Fejn ikun mistenni li l-applikazzjoni ta' paragrafu 2 ikun se jirriżulta fi kwantità ta' ħut matur fl-aħħar tas-sena ta' l-applikazzjoni tat-TAC li taqbeż il-kwantità indikata fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni tal-pjan ta' irkuprar u tipproponi kull aġġustament neċessarju fuq il-bażi ta' l-aħħar evalwazzjonijiet xjentifiċi. Din ir-reviżjoni għandha taħt kull ċirkustanza ssir sas-16 ta' Marzu 2007.

5. Bl-eċċezzjoni ta' l-ewwel sena ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu:

(a) fejn ir-regoli provduti fil-paragrafi 2 jew 4 jkunu se jwasslu għal TAC li taqbeż it-TAC tas-sena ta' qabel b'aktar minn 15 %, il-Kunsill għandu jadotta TAC li ma tkunx aktar minn 15 % akbar mit-TAC ta' dik is-sena; jew

(b) fejn ir-regoli provduti fil-paragrafi 2 jew 4 jkunu se jwasslu għal TAC li tkun aktar minn 15 % anqas mit-TAC tas-sena ta' qabel, il-Kunsill għandu jadotta TAC li ma' tkunx aktar minn 15 % anqas mit-TAC ta' dik is-sena.

6. Il-paragrafi 4 jew 5 m'għandhomx japplikaw meta l-applikazzjoni tagħhom tkun se tinvolvi l-qbiż tal-valuri stabbiliti fil-paragrafu 3.

Artikolu 7

Iffissar ta' TACs f'ċirkustanzi eċċezzjonali

Fejn il-kwantitajiet ta' ħut matur fi kwalunkwe stokk ta' merluzz involut ikunu ġew stmati mill-iSTECF, fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti ta' l-ICES, li huma anqas mill-kwantitajiet stabbiliti fl-Artikolu 5, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) L-Artikolu 6 għandu japplika fejn l-applikazzjoni tiegħu mistennija tirriżulta f'żieda fil-kwantitajiet ta' ħut matur fl-aħħar tas-sena ta' l-applikazzjoni tat-TAC għal kwantità ugwali jew akbar mill-kwantità indikata fl-Artikolu 5;

(b) fejn l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6 m'hix mistennija tirriżulta f'żieda fil-kwantitajiet ta' ħut matur fl-aħħar tas-sena ta' l-applikazzjoni tat-TAC għal kwantità ugwali jew akbar mill-kwantità indikata fl-Artikolu 5, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, TAC għas-sena ta' wara li tkun anqas mit-TAC li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu deskritt fl-Artikolu 6.

KAPITOLU IV

LIMITAZZJONI FUQ L-ISFORZ TAS-SAJD

Artikolu 8

Limitazzjonijiet fuq l-isforz tas-sajd u kondizzjonijiet assoċjati

1. It-TACs riferiti f'Kapitolu III għandhom ikunu komplimentati b'sistema ta' limitazzjoni ta' l-isforz tas-sajd ibbażata fuq iż-żoni ġeografiċi u gruppi ta' tagħmir tas-sajd, u l-kondizzjonijiet assoċjati għall-użu ta' dawn l-opportunitajiet għas-sajd speċifikati fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2287/2003 tad-19 ta' Diċembru 2003 li jiffissa għall-2004 l-opportunitajiet għas-sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli għall-ilmijiet tal-Komunità u, għall-bastimenti Komunitarji, għal ilmijiet fejn jinħtieġu limitazzjonijiet fuq qabdiet [4].

2. Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, dwar aġġustamenti fin-numru ta' jiem ta' sajd għall-bastimenti li jinqdew b'tagħmir li jkollu qisien tat-toqob tal-malja ugwali jew akbar minn 100 mm f'proporzjon dirett ma' l-aġġustamenti ta' kull sena tal-mortalità bis-sajd li jiġu stmati mill-ICES u l-iSTECF bħala konsistenti ma' l-applikazzjoni tat-TACs stabbiliti skond il-metodu deskritt fl-Artikolu 6.

3. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, fuq arranġamenti alternattivi biex il-limitazzjonijiet fuq l-isforz tas-sajd jiġu applikati skond il-pjan ta' irkuprar biex l-isforz tas-sajd jiġi mmaniġġjat b'mod konsistenti mat-TACs stabbiliti skond il-metodu deskritt fl-Artikolu 6.

4. Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni skond paragrafi 2 u 3, id-disposizzjonijiet ta' l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 2287/2003 għandhom ikomplu japplikaw sakemm tiġi adottata deċiżjoni mill-Kunsill skond l-artikolu 4.

KAPITOLU V

MONITORIAR, SPEZZJONI U SORVELJANZA

Artikolu 9

Komunikazzjoni fuq l-isforz tas-sajd

Minkejja l-Artikolu 19a tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, l-Artikoli 19b, 19ċ, 19d u 19e u 19k ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-bastimenti li jistadu fiż-żoni ġeografiċi definiti fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament. Madankollu, bastimenti li m'humiex awtorizzati jżommu abbord u jużaw tagħmir tas-sajd biex jaqbdu speċi mill-istokkijiet riferiti fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu eżenti minn din il-ħtieġa.

Artikolu 10

Miżuri ta' kontroll alternattivi

Stati Membri jistgħu jimplimentaw miżuri ta' kontroll alternattivi biex jiżguraw konformità ma' l-obbligi ta' rappurtaġġ riferiti fl-Artikolu 9, li jkunu effettivi u trasparenti daqs dawn l-obbligi ta' rappurtaġġ. Dawn il-miżuri alternattivi għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni qabel jiġu implimentati.

Artikolu 11

Notifikazzjoni minn qabel

1. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju, jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha, qabel id-dħul f'kull port jew kull lokalità ta' żbark ta' Stat Membru li jkun qed iġorr aktar minn tunnellata metrika waħda ta' merluzz abbord għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' dan l-Istat Membru, mill-anqas erba' sigħat qabel id-dħul, bi:

(a) l-isem tal-port jew lokalità ta' żbark;

(b) il-ħin previst tal-wasla f'dan il-port jew lokalità ta' żbark;

(ċ) il-kwantitajiet f'piż ħaj f'kg ta' l-ispeċi kollha li minnhom aktar minn 50 kg ikun miżmum abbord.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li fih aktar minn tunnellata metrika waħda ta' merluzz tkun se titniżżel l-art jistgħu jeħtieġu li l-ħatt tat-tagħbija ħut miżmuma abbord m'għandux jibda qabel jiġi awtorizzat minn dawn l-awtoritajiet.

3. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju, jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha, li jkunu jixtiequ jittrasbordaw jew jiskarikaw fil-baħar kull kwantità miżmuma abbord jew jiżbarkaw f'port jew lokalità ta' l-iżbark f'pajjiż terz għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tal-bandiera, minn ta' l-inqas 24 siegħa qabel it-trasbord jew skariku fil-baħar jew żbark f'pajjiż terz, l-informazzjoni riferita fil-paragrafu 1.

Artikolu 12

Portijiet innominati

1. Fejn aktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' merluzz ikunu se jiġu żbarkati fil-Komunità minn bastiment tas-sajd Komunitarju, il-kaptan tal-bastiment għandu jiżgura li dan l-iżbark isir biss f'portijiet innominati.

2. Kull Stati Membru għandu jinnomina dawk il-portijiet li fihom ikunu se jiġu żbarkati aktar minn żewġ tunnellati metriċi ta' merluzz.

3. Kull Stat Membru għandu jgħaddi lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2004 l-lista ta' portijiet innominati u, sa tletin jum wara dan, il-proċeduri ta' ispezzjoni u sorveljanza assoċjati għal dawk il-portijet, inklużi t-termini u l-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u rappurtaġġ tal-kwantitajiet ta' merluzz f'kull żbark.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri kollha.

Artikolu 13

Il-marġni ta' tolleranza fl-istima tal-kwantitjiet irrapportati fil-ġurnal ta' abbord

B'deroga mill-Artikolu 5(2) tat-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta' Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi reġistrat it-tagħrif dwar il-qbid ta' ħut mill-Istati Membri [5], il-marġni ta' tolleranza permess, fl-istima ta' kwantitajiet f'kg miżmuma abbord, għandu jkun 8 % tal-figura fil-ġurnal ta' abbord.

Artikolu 14

Stivar separat tal-merluzz

Għanda tiġi pprojbita ż-żamma abbord bastiment tas-sajd Komunitarju fi kwalunkwe kontenitur ta' kull kwantità ta' merluzz imħallat ma' kull speċi oħra ta' organiżmu tal-baħar. Kontenituri bil-merluzz għandhom jitqiegħdu fl-istiva b'mod separat minn kontenituri oħra.

Artikolu 15

Trasport tal-merluzz

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jeħtieġu li kull kwantità ta' merluzz maqbuda f'kull żona ġeografika definita fl-Artikolu 2 u żbarkata għall-ewwel darba f'dan l-Istat Membru tintiżen fil-preżenza ta' kontrulluri qabel tiġi trasportata mill-port fejn tkun ġiet żbarkata l-ewwel. Għal merluzz żbarkat għall-ewwel darba f'port innominat skond l-Artikolu 12, kampjuni rappreżentattivi li jammontaw għal mill-anqas 20 % tan-numru ta' żbarki għandhom jintiżnu fil-preżenza ta' kontrulluri awtorizzati mill-Istati Membri qabel ma jiġu offruti għall-bejgħ għall-ewwel darba u mibjugħa. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, dettalji tar-reġim tat-teħid ta' kampjuni li jkun se jiġi applikat.

2. B'deroga mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kwantitajiet kollha ta' merluzz ta' aktar minn 50 kg li jiġu trasportati lejn post li m'hux dak fejn ġew żbarkati jew importati l-ewwel darba għandhom ikunu akkompanjati minn kopja ta' waħda mid-dikjarazzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament relatati mal-kwantitajiet ta' merluzz trasportati. L-eżenzjoni provduta fl-Artikolu 13(4)(b) ta' dak ir-Regolament m'għandhiex tiġi applikata.

Artikolu 16

Programm ta' monitorjar speċifiku

B'deroga minn l-Artikolu 34c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-programmi ta' monitorjar speċifiċi għall-istokkijiet ta' merluzz involuti jistgħu jdumu sejrin aktar minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta' Frar 2004.

F'isem il-Kunsill

Il-President

N. Dempsey

[1] Opinjoni tat-23 ta' Ottubru 2003 (li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 358, tal-31.12.02, pġ. 59.

[3] ĠU L 261, ta' l-20.10.93, pġ. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1954/2003 (ĠU L 289, 07.11.03, pġ. 1).

[4] ĠU L 344, tal-31.12.03, pġ. 1.

[5] ĠU L 276, 10.10.83, pġ. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1965/2001 (ĠU L 268, 09.10.01, pġ. 23).

--------------------------------------------------