32004R0411



Official Journal L 068 , 06/03/2004 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/2004

tas-26 ta' Frar 2004

i jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003, f'konnessjoni ma' trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) La r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87 ta' l-14 ta' Diċembru 1987 li jippreskrivi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru [3], lanqas ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 innifsu ma japplika għat-trasport bl-ajru bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi.

(2) Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni ma tgawdix setgħat (poteri) ta' investigazzjoni u infurzar rigward ksur ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat fir-rigward ta' trasport bl-ajru bejn il-Komunità w pajjiżi terzi ekwivalenti għal dawk li tgawdi fir-rigward ta' trasport bl-ajru ġewwa l-Komunità. B'mod partikulari, il-Kummissjoni m'għandhiex l-għodod rekwiżiti biex issib il-fatti u s-setgħat (poteri) biex timponi rimedji li huma meħtieġa biex il-ksur jinġieb fi tmiemu jew biex timponi pieni rigward ksur ipprovat. Barraminhekk, id-drittijiet, setgħat (poteri) u obbligi speċifiċi assenjati lill-qrati nazzjonali u lill-awtoritajiet ta' kompetizzjoni ta' l-Istati Membri bir-Regolament (KE) Nru 1/2003 ma japplikawx għal trasport bl'ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi; l-istess huwa validu għall-mekkaniżmu ta' koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' kompetizzjoni ta' l-Istati Membri li jipprovdi għalih ir-Regolament (EC) Nru 1/2003.

(3) Prattiċi anti-kompetittivi fit-trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. Ladarba l-mekkaniżmi miġbura fir-Regolament (KE) Nru 1/2003, li l-funzjoni tagħhom hija li jimplimentaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni taħt l-Artikli 81 u 82 tat-Trattat, huma ugwalment xierqa għall-applikar tar-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, l-ambitu ta' dak ir-regolament għandu jkun estiż biex ikopri trasport tali.

(4) Meta l-Artikli 81 u 82 tat-Trattat jkunu applikati fi proċessi fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim dwar servizzi ta' l-ajru konklużi bejn l-Istati Membri u/jew il-Komunità Ewropea min-naħa l-waħda u pajjiżi terzi min-naħa l-oħra għandhom ikunu dovutement ikkunsidrati, b'mod partikulari għall-fini biex ikun stmat il-grad ta' kompetizzjoni fis-swieq relevanti tat-trasport ta' l-ajru. Dan ir-Regolament, madankollu, ma jolqotx (jaffettwax) id-drittijiet u l-obbliġi ta' l-Istati Membri taħt it-Trattat rigward il-konklużjoni u l-applikazzjoni ta' ftehim tali.

(5) L-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 3975/87 huwa ta' natura purament dikjaratorja u għalhekk għandu jitħassar. Bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 6(3), li għandu jissokta japplika għal deċiżjonijiet addottati skond l-Artikolu 81(3) tat-Trattat qabel id-data ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 sad-data ta' skadenza ta' dawk id-deċiżjonijiet, ir-Regolament (KEE) Nru 3975/87 għandu, wara t-tħassir tal-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu bir-Regolament (KE) Nru 1/2003, jieqaf iservi iktar għal xi għan; huwa għalhekk għandu jkun irrevokat.

(6) Bl-istess mod, għandha ssir ukoll emenda ekwivalenti lir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3976/87 ta' l-14 ta' Diċembru 1987 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma fis-settur tat-trasport bl-ajru [4]. Dan ir-regolament, li jagħti setgħa (poter) lill-Kummissjoni li tiddikjara permezz ta' regolament li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) ma japplikawx għal ċerti kategoriji ta' ftehim bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi miftiehma, huwa preżentement limitat espliċitament għat-trasport bl-ajru bejn ajruporti Komunitarji.

(7) Il-Kummissjoni għandha tingħatalha s-setgħa (poter) li tagħti eżenzjonijiet ġenerali fis-settur tat-trasport bl-ajru rigward traffiku bejn il-Komunità u pajjiżi terzi kif ukoll rigward traffiku ġewwa l-Komunità. Għalhekk, l-ambitu tar-Regolament (KEE) Nru 3976/87 għandu jitwessa' billi tkun abolita l-limitazzjoni tiegħu għat-trasport bl-ajru bejn ajruporti Komunitarji.

(8) Bħala konsegwenza, ir-Regolament (KEE) Nru 3975/87 għandu jkun irrevokat, u r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003 għandhom ikunu emendat skond dan,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 3975/87 għandu jkun irrevokat, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 6(3), li għandu jissokta japplika għal deċiżjonijiet addottati skond l-Artikolu 81(3) tat-Trattat qabel id-data ta' l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 sad-data ta' l-iskadenza ta' dawk id-deċiżjonijiet.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 3976/87, "bejn ajruporti Komunitarji" għandha titħassar.

Artikolu 3

Fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-punt (c) għandu jitħassar.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta' Frar 2004.

F'isem il-Kunsill

Il-President

N. Dempsey

[1] Proposta ta' l-24 ta' Frar 2003.

[2] Opinjoni tat-23 ta' Settembru 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 374, 31.12.1987, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

[4] ĠU L 374, tal-31.12.1987, p. 9. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1/2003.

--------------------------------------------------