32004R0275



Official Journal L 047 , 18/02/2004 P. 0013 - 0015


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 275/2004

tas-17 ta' Frar 2004

li jibda investigazzjoni dwar l-evitar possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 dwar l-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils ta' l-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, minn importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils li jiġu mill-Marokk, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Marokk u kemm jekk le u li jagħmel importazzjonijiet bħal dawn soġġetti għal reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea [1] kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1972/2002 [2] (ir-Regolament bażiku), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. TALBA

(1) Il-Kummissjoni irċeviet talba, skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, "ir-Regolament Bażiku", sabiex tinvestiga evitar tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kajbils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(2) It-talba ġie imdaħħla fil-5 ta' Jannar 2004 mill-EWRIS, il-kumitat ta' ko-ordinazzjoni bejn l-industriji tal-ħbula tal-wajer ta' l-UE, f'isem 19-il produttur tal-Komunità.

B. PRODOTT

(3) Il-prodott ikkonċernat mill-evitar possibli huma ħbula u kajbils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li normalment huma ddikjarati taħt il-kodiċi CN ex73121082, ex73121084, ex73121086, ex73121088 u ex73121099 (il-prodott ikkonċernat). Il-kodiċi huma mogħtija biss bħala informazzjoni.

(4) Il-prodott taħt investigazzjoni huwa ħbula u wajers li jiġu mill-Marokk (il-prodott taħt investigazzjoni) li normalment huwa iddikjarat taħt l-istess kodiċi tal-prodott ikkonċernat.

C. MIŻURI FIS-SEĦĦ

(5) Il-miżuri fis-seħħ bħalissa u li jista' jkun li hemm evitar fuqhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1796/1999 [3] kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1674/2003 [4].

D. RAĠUNIJIET

(6) Il-Kummissjoni irċeviet talba, skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, "ir-Regolament Bażiku", sabiex tinvestiga l-evitar possibli tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kajbils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed jiġu mdawra permezz tat-trasbord via l-Marokk ta' ħbula u wajers ta' l-azzar.

(7) L-evidenza preżentata hija kif ġej:

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri dwar il-prodott konċernat sar tibdil sinifikanti fil-petern tal-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Marokk lejn il-Komunità, u ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni biżżejjed għal tibdil bħal dan għajr l-impożizzjoni tat-taxxa.

Dan it-tibdil fil-petern tal-kummerċ jidher li jibda mit-trasbord ta' ħbula u kejbils ta' l-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina via l-Marokk.

Barra minn hekk, it-talba għandha biżżejjed evidenza li l-effetti ta' rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiġu mnaqqsa kemm f'termini ta' kwantità kif ukoll f'termini ta' prezz. Volumi sinjifikanti ta' l-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils ta' l-azzar mill-Marokk jidhru li ħadu post l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott ikkonċernat. Ukoll, hemm biżżejjed evidenza illi iż-żieda fl-importazzjonijiet qegħda ssir bi prezzijiet ferm taħt il-prezz bla danni stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

Fl-aħħar, it-talba għandha biżżejjed evidenza li l-prezzijiet tal-ħbula u tal-kajbils ta' l-azzar huma dumped fir-rigward tal-valur stabbilit minn qabel għall-prodott ikkonċernat.

E. PROĊEDURA

(8) Fid-dawl ta' li hawn hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet illi hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta' investigazzjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet ta' ħbula u kajbils ta' l-azzar mill-Marokk, kemm jekk joriġinaw minn hemmhekk u kemm jekk le, soġġetti għal reġistrazzjoni, skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a) Kwestjonarji

(9) Sabiex takkwista l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta' l-esportaturi u tal-produtturi fil-Marokk, l-esportaturi/produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta' l-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-importaturi u l-assoċjazzjonijiet ta' l-importaturi fil-Komunità li kkoperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti jew li huma elenkati fit-talba u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tal-Marokk. Informazzjoni, kif xieraq, tista' tinkiseb ukoll mill-industrija tal-Komunità.

(10) Fi kwalunkwe każ, il-partijiet kollha interessati għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni mill-ewwel, imma mhux aktar tard mill-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament sabiex isiru jafu jekk humiex elenkati fit-talba u, jekk meħtieġ, li jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, mifhum li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet kollha interessati.

(11) L-awtoritajiet tar-Repubbilka tal-Poplu taċ-Ċina u tal-Marokk għandhom jiġu notifikati bil-bidu ta' l-investigazzjoni u mogħtija kopja tat-talba.

(b) Il-ġbir ta' l-informazzjoni u ż-żamma tas-seduti

(12) Partijiet interessati huma b'dan il-mezz mistiednin illi jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u illi jipprovdu evidenza li tappoġġjhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru illi hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

(ċ) Eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet jew miżuri

(13) Skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew miżuri jekk l-importazzjoni ma' jkunx fiha evitar.

(14) L-evitar possibbli sar barra l-Komunità. L-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku għandu l-għan illi jmur kontra l-prattiċi ta' l-evitar mingħajr ma jaffettwa l-operaturi li jistgħu jippruvaw illi mhumiex involuti fi prattiċi bħal dawn, imma ma għandux dispożizzjoni speċifika li tipprovdi għal trattament ta' produtturi fil-pajjiżi kkonċernati li jistgħu jistabbilixxu li ma kienux involuti fi prattiċi ta' l-evitar. Għalhekk, jidher meħtieġ illi tiġi ntrodotta l-possibilità għall-produtturi kkonċernati illi jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta' l-importazzjonijiet tal-prodotti li jesportaw jew minn miżuri fuq dawn l-importazzjonijiet.

(15) Produtturi li jixtiequ li jakkwistaw eżenzjoni għandhom japplikaw għaliha u jissottomettu kwalunkwe risposta għall-kwestjonarju mitlub fil-limiti taż-żmien li japplikaw, sabiex ikun jista' jiġi stabbilit li mhumiex iduru mad-doveri ta' anti-dumping fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Importaturi jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mir-reġistrazzjoni jew miżuri sakemm l-importazzjonijiet tagħhom huma mingħand produtturi li huma mogħtija eżenzjoni bħalha, u bi qbil ma' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

F. REĠISTRAZZJONI

(16) Bi qbil ma' l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, importazzjonijiet taħt investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex tkun żgurata li jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'sejbiet ta' l-evitar, ikunu jistgħu jintalbu taxxi anti-dumping f'ammonti xierqa, wara d-data tar-reġistrazzjoni tal-ħbula u tal-kajbils ta' l-azzar li jiġu mill-Marokk.

G. LIMITI TA' ŻMIEN

(17) Fl-interess ta' amministrazzjoni tajba, għandhom ikunu mogħtija l-limiti taż-żmien li fihom:

- partijiet interessati jistgħu jgħarrfu lilhom infushom mal-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu r-risposti għal-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha tittieħed f'konsiderazzjoni waqt l-investigazzjoni,

- Partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub lill-Kummissjoni.

(18) Għandha tinġibied l-attenzjoni lejn il-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet ta' proċedura stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependu fuq li l-parti jagħmel lilu nnifsu magħruf fil-limiti taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

H. NUQQAS TA' KOPERAZZJONI

(19) Fil-każijiet li fihom kwalunkwe parti interessata tirrifjuta l-aċċess għal jew inkella ma tipprovdix informazzjoni meħtieġa fil-limitu ta' żmien, jew timpedixxi b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, it-tisjib, affermattiv jew negattiv, tista' ssir skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(20) Fil-każijiet li fihom kwalunkwe parti interessata tipprovdi informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni ma għandhiex titqies aktar u għandu jsir użu, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, tal-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, u jsir użu mill-aħjar fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli milli kieku kkoperat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'dan qiegħda tinbeda investigazzjoni skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, sabiex jiġi stabbilit jekk l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' ħbula u kejbils ta' l-azzar konsenjati mill-Marokk, kemm jekk joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, u li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex73121082, ex73121084, ex73121086, ex73121088 u ex73121099 (kodiċi TARIC 7312108212, 7312108412, 7312108612, 7312108812, 7312109912), humiex qegħdin iduru mal-miżuri imposti bir-Regolament (KE) Nru 1796/1999 dwar il-ħbula u kejbils ta' l-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali, b'dan qegħdin jingħataw struzzjoni, skond l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, sabiex jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fil-Komunità identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni, b'Regolament, tista' tidderieġi l-awtoritajiet Doganali sabiex iwaqqfu l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' prodotti ffabbrikati mill-produtturi li applikaw għal eżenzjoni ta' reġistrazzjoni u li nstabu li ma ħarbux mit-taxxi ta' anti-dumping.

Artikolu 3

1. Kwestjonarji għandhom jintalbu mill-Kummissjoni fi żmien ħmistax mill-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2. Il-partijiet interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jagħmlu lilhom infushom magħrufin billi jikkontattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet ta' kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor.

3. Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess limitu ta' 40 jum.

4. Kwalunkwe informazzjoni li għandha x'taqsam mal-kwistjoni, kwalunkwe talba għal smigħ jew għal kwestjonarju kif ukoll kwalunkwe talba għal awtorizzazzjoni taċ-ċertifikati ta' nuqqas ta' evitar għandha ssir bil-miktub (mhux f'format elettroniku, sakemm mhux speċifikat b'mod ieħor), għandha tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz ta' l-e-mail, telefon, fax u/jew in-numru tat-telex tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet miktubin, inkluż l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrespondenza fornuta mill-partijiet interessata fuq bażi kunfidenzali għandha tiġi ttikkettjata bħala "Limitata" [5] u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkompanjati b'verzjoni mhux konfidenzali, li sejra tkun ittikkettjata "Għal spezzjoni mill-partijiet interessati" u għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate B

J-79 5/16

B - 1049 Brussels

Fax (32-2) 295 65 05

Telex COMEU B 21877

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara li jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fis-17 ta' Frar 2004.

Għall-Kummissjoni

Pascal Lamy

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1.

[2] ĠU L 305, tas-7.11.2002, p. 1.

[3] ĠU L 217, tas-17.8.1999, p. 1.

[4] ĠU L 238, tal-25.9.2003, p. 1.

[5] Dan iffisser li d-dokument huwa għal użu intern biss. Huwa protett bi qbil ma' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43 Huwa dokument kunfidenzali bi qbil ma' l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tal-Ftehim tal-WTO ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT ta' l-1994 (Ftehim Anti-dumping).

--------------------------------------------------