32004R0230



Official Journal L 039 , 11/02/2004 P. 0013 - 0014


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 230/2004

tal-10 ta’ Frar 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1972/2003 dwar miżuri transitorji li jridu jiġu adottati rigward kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba fl-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, iċ-Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u s-Slovakkja

IL-KUMMISJONI TA’ KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, iċ-Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u is-Slovakkja, u partikolarment l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, iċ-Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u s-Slovakkja, u partikolarment l-Artikolu 41, l-ewwel paragrafu, tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1972/2003 [1] jistipula li l-Istati Membri ġodda għandhom iwettqu, mingħajr dewmien, inventorju ta’ ħażniet disponibbli kif ikunu fl-ewwel ta’ Mejju 2004 sabiex jiġi żgurat li l-ħlas li jrid jiġi impost fuq possessuri ta’ ħażniet żejda jiġi applikat b’mod korrett. Sabiex jiġi faċilitat it-twaqqif ta’ inventorju li jikkomprendi numru konsiderevoli ta’ prodotti agrikoli u mhux ta’ l-Anness I u biex jiġu azzjonati riskji potenzali b’mod effiċjenti l-Istati Membri jistgħu jużaw sistema ta’ analiżi ta’ riskju biex jiġu identifikati possessuri ta’ ħażniet żejda.

(2) Huwa meħtieġ li merkanzija li tkun attirat ħlas lura (rifondi) ta’ esportazzjoni tiġi prevenuta milli tibbenefika minn kull miżura ta’ intervent jew għajnuna kif preskritt fit-Titolu I, Kapitoli II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 [2] tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u prodotti mill-ħalib.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1972/2003 għandu jiġi emendat bħala konsegwenza.

(4) Il-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma b’mod konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitati tat-Tmexxija konċernati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1972/2003 huwa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 4 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"4. Sabiex jiġi żgurat li l-ħlas riferit fil-paragrafu 1 huwa applikat b’mod korrett, l-Istati Membri ġodda għandhom, mingħajr dewmien, iwettqu inventorju ta’ ħażniet kif ikunu disponibbli fl-1 ta’ Mejju 2004. Għal dan il-għan, jistgħu jużaw sistema biex jidentifikaw possessuri ta’ ħażniet żejda ibbażata fuq analiżi tar-riskju waqt li jitqiesu kif mistħoqq b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

- it-tip ta’ attivita tal-possessur,

- il-kapaċita tal-faċilitajiet ta’ ħażna,

- il-livell ta’ attivita.

L-Istati Membri l-ġodda għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwantita ta’ prodotti f’ħażniet żejda, minbarra dawk il-kwantitajiet f’ħażniet pubbliċi kif riferit fl-Artikolu 5, sa l-aktar tard il-31 ta’ Ottubru.";

(b) fit-tieni, it-tielet, is-sitt, id-disa’ u l-għaxar indenti ta’ paragrafu 5 "200940" jiġi mibdul b’ "200941 u 200949";

2. it-titolu ta’ l-Artikolu 8 "prova ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ ħlasijiet lura (rifondi)/ħlas lura ta’ produzzjoni (rifond)" jiġi mibdul b’ "prova ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ ħlasijiet lura (rifużjonijiet)";

3. fl-Artikolu 9, it-tieni sentenza tinbidel b’li ġej: "Kull prodott li jattira ħlas lura (rifond) ta’ esportazzjoni m’għandux ikun eliġibbli la għal ħlas lura (rifond) ta’ produzzjoni meta jintuża fil-fabbrikazzjoni ta’ prodotti riferiti fl-Anness I mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1722/93 jew fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 1265/2001 lanqas għal xi miżura ta’ intervent jew għajnuna kif preskritta fit-Titolu I, Kapitoli II u III tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ bla ħsara għal u mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, iċ-Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u is-Slovakkja fl-Unjoni Ewropea.

Għandha tibqa’ tapplika sat-30 ta’ April 2007.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-10 ta’ Frar 2004.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 293, tal-11.11.2003, p. 3.

[2] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 48. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1787/2003 (ĠU L 270, tal-21.10.2003, p. 121).

--------------------------------------------------