Official Journal L 013 , 20/01/2004 P. 0003 - 0018
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 85/2004 tal-15 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi l-kriterji ta’ klassifika tas-suq għat-tuffieħ IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħaxix ta’ l-ikel [1], u l-aktar l-Artikolu 2(2), Billi: (1) It-tuffieħ huwa fost il-prodotti mniżżla fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 2200/96 u li għalih għandhom jiġu addottati kriterji ta’ klassifika. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1619/2001 tas-6 ta’ Awissu 2001, li jwaqqaf il-kriterji ta’ klassifika għat-tuffieħ u l-lanġas waqt li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 920/89 [2], iwaqqaf kriterju ta’ klassifika tas-suq għat-tuffieħ u l-lanġas. (2) Fl-interess tat-trasparenza, il-Grupp ta’ Ħidma fuq il-klassifikazzjoni ta’ prodotti li jintemmu u l-iżvilupp tal-kwalità tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tal-Ġnus Magħquda (UN/ECE) kien iddeċida li r-regoli fuq it-tuffieħ għandhom jinfirdu minn dawk tal-lanġas. Barra minn hekk, fejn għandhom x’jaqsmu d-diżposizzjonijiet marbuta mal-kwalità u d-daqs, dan kien iddeċieda wkoll li jaġġorna l-klassifika FFV-50 tal-UN/ECE dwar it-tpoġġija fis-suq u l-kontroll tal-kwalità kummċerjali tat-tuffieħ. Fl-interess li tinżamm it-trasparenza fuq is-suq dinji, ir-Regolament (KE) Nru 1619/2001 għandu jitħassar waqt li jiġu addottati, kif jixraq, żewġ kriterji ġodda ta’ klassifika tas-suq għat-tuffieħ u l-lanġas rispettivament. (3) Il-kriterji ewlenin ta’ maturità imwaqqfa bir-Regolament (KE) Nru 1619/2001 huma d-definizzjoni tad-daqs minimu tat-tuffieħ. Waqt li jitqiesu l-iżviluppi tekniċi reċenti dwar il-metodi dwar kif jitkejlu s-sħuħija u l-kontenut ta’ zokkor kif ukoll is-swieq ġodda ta’ tuffieħ matur ta’ daqs żgħir, id-daqs minimu applikabbli għat-tuffieħ fil-Komunità għandu jitnaqqas, waqt li għandhom jitpoġġew fis-suq kriterji ġodda ta’ maturità, bħalma huma l-kontenut ta’ zokkor u s-sħuħija, li jiżguraw li dan it-tnaqqis fid-daqs minimu ma jkunx jinkludi frott li ma jkunx matur biżżejjed u/jew żviluppat. (4) Waqt li huwa meħtieġ aktar xogħol biex tiġi mfissra sewwa d-definizzjoni ta’ dawn il-kriterji l-ġodda, fl-istess ħin li jitqiesu l-karatteristiċi tal-varjetà dwar id-daqs tat-tuffieħ, it-twettiq tat-tnaqqis tad-daqs minimu għandu jiddewwem sa l-1 ta’ Awissu 2005, waqt li jitwaqqfu sa dakinhar miżuri proviżorji dwar il-daqs. (5) L-applikazzjoni għal dawn il-kriterji ġodda ta’ klassifika għandhom ineħħu mis-suq prodotti ta’ kwalità mhix tajba, waqt li jġibu l-produzzjoni fi qbil mal-kriterji tal-konsumatur u jħaffu l-kummerċ imsejjes fuq kompetizzjoni imparzjali, u li b’hekk tkun tista’ titjieb il-profitabbiltà. (6) Il-kriterji ta’ klassifika jgħodu għat-taqsimiet kolha tas-suq. It-trasport fuq distanzi twal, il-ħażna fuq ċertu perjodu, kif ukoll il-proċessi differenti li l-prodotti jgħaddu minnhom jistgħu joħolqu livell ta’ tagħriq minħabba l-iżvilupp bijoloġiku tal-prodotti jew in-natura tagħhom stess li jintemmu. Dan it-tagħriq għandu jitqies sew meta jitħaddem il-kriterju ta’ klassifika fit-taqsimiet tas-suq wara d-dispaċċ. (7) Minħabba li l-prodotti fil-klassi "Extra" għandhom jintgħażlu u jiġu ppakkjati b’attenzjoni kbira, għandhom jitqiesu biss, fil-każ ta’ dawn, in-nuqqas ta’ benna u l-qawwa tan-nefħa. (8) Il-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Frott u l-Ħaxix ta’ l-Ikel, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-kriterju ta’ klassifika tat-tpoġġija fis-suq għat-tuffieħ li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi CN ex080810, għandu jkun stabbilit fl-Anness. Il-kriterju ta’ klassifika għandu jkun jgħodd fit-taqsimiet kollha tas-suq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2200/96. Madankollu, fit-taqsimiet ta’ wara d-dispaċċ, il-prodotti jistgħu juru, f’rabta mal-kriterji tal-kriterju ta’ klassifika: - nuqqas ħafif ta’ benna u qawwa fin-nefħa,, - għall-prodotti mpoġġija fi klassijiet għajr il-klassi "Extra", it-tagħriq ħafif minħabba l-iżvilupp tagħhom u t-tendenza li dawn jintemmu. Artikolu 2 Sal-31 ta’ Lulju 2005, id-diżposizzjonijiet li ġejjin dwar id-daqs għandhom ikunu jgħoddu: (a) meta d-daqs jiġi stabbilit skond id-dijametru, huwa meħtieġ dijametru minimu fil-klassijiet kollha li ġejjin: | Extra | I | II | Varjetajiet kbar tal-frott | 70 mm | 65 mm | 65 mm | Varjetajiet oħra | 60 mm | 55 mm | 55 mm | (b) meta d-daqs ikun stabbilit skond it-toqol, huwa meħtieġ li jkun hemm toqol minimu fil-klassijiet kollha li ġejjin: | Extra | I | II | Varjetajiet kbar tal-frott | 140 g | 110 g | 110 g | Varjetajiet oħra | 90 g | 80 g | 80 g | Artikolu 3 Ir-Regolament (KEE) Nru 1619/2001 qed jitħassar. Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. It-tieni u t-tielet sotto-paragrafi tal-punt III ta’ l-Anness jgħoddu biss mill-1 ta’ Awissu 2005. Dan ir-Regolament għandu jorbot fil-kumplessità tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fil-15 ta’ Jannar 2004. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru Tal Kommissjoni [1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 47/2003 (ĠU L 7, tal-11.1.2003, p. 64). [2] ĠU L 215, tad-9.8.2001, p. 3. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 46/2003 (ĠU L 7, tal-11.1.2003, p. 61). -------------------------------------------------- L-ANNESS IL-KRITERJU TA’ KLASSIFIKA GĦAT-TUFFIEĦ I. ID-DEFINIZZJONI TAL-PRODOTT Dan il-kriterju ta’ klassifika jgħodd għat-tuffieħ ta’ varjetajiet (varjanti) li jkunu tkabbru mill-Malus domestica Borkh u li għandhom jiġu fornuti friski lill-konsumatur; it-tuffieħ għall-ipproċessar industrijali qed jitħalla barra. II. DIŻPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KWALITÀ L-għan tal-kriterju ta’ klassifika huwa li jfisser il-kriterji ta’ kwalità tat-tuffieħ, wara t-tħejjija u l-ippakkjar tiegħu. A. Kriterji minimi Fil-klassijiet kollha, u suġġett għad-diżposizzjonijiet speċjali għall kull klassi u t-tolleranzi awtorizzati, it-tuffieħ għandu jkun: - bla mittiefes, - b’saħħtu, il-produzzjoni ma tkunx affettwata mit-taħsir jew tagħriq b’tali mod li dan ma jkunx tajjeb għall-konsum, - nadif, prattikament ħieles għal kollox minn kull materjal barrani li jidher, - prattikment ħieles mid-dud u l-insetti qerrieda, - prattikament ħieles mill-ħsara kkawżata mid-dud u l-insetti qerrieda, - ħieles minn umdità mhux tas-soltu fuq barra, - ħieles minn kull riħa u/jew togħma barranin. Barra minn hekk, dawn iridu jkunu nġabru b’mod tajjeb. L-iżvilupp u l-kondizzjoni tat-tuffieħ għandhom ikunu tali li dan: - ikompli bil-proċess tiegħu ta’ maturità u li jilħaq il-livell ta’ maturità meħtieġ f’rabta mal-karatteristiċi tal-varjetà [1] [2], - jiflaħ għall-ġarr u t-tqandil bl-idejn, u - jasal f’kondizzjoni tajba fil-post tad-destinazzjoni. B. Klassifika It-tuffieħ huwa kklassifikat fi tliet klassijiet imfissra hawn taħt. (i) il-klassi "Extra" It-tuffieħ f’din il-klassi għandu jkun ta’ kwalità ogħla. Fl-għamla, id-daqs u l-kulur, dawn għandhom ikollhom il-karatteristiċi tal-varjetà [3] u z-zokk ewlieni jrid ikun bla mittiefes. Il-laħam irid ikun b’saħħtu perfettament. Dawn għandhom ikunu ħielsa minn difetti bl-eċċezzjoni ta’ difetti superfiċjali ħfief sakemm dawn ma jkunux jaffettwaw id-dehra ġenerali tal-produzzjoni, il-kwalità, il-kwalità taż-żamma u l-preżentazzjoni fil-pakkeġġ. (ii) il-Klassi I It-tuffieħ f’din il-klassi għandu jkun ta’ kwalità tajba. Fl-għamla, fid-daqs u l-kulur, dawn għandhom ikunu karatteristiċi tal-varjetà [4]. Il-laħam irid ikun b’saħħtu perfettament. Id-difetti ħfief li ġejjin jistgħu, madankollu, jitħallew basta dawn ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni fil-pakkeġġ: - difett żgħir fl-għamla, - difett żgħir fl-iżvilupp, - difett żgħir fil-kulur, - difetti żgħar fil-qoxra li m’għandhomx ikun iktar minn: - 2 ċm fit-tul għad-difetti ta’ għamla tawwalija, - 1 ċm2 ta’ l-erja totali tal-wiċċ għal difetti oħra, ħlief għall-iskabbja (Venturia inaequalis), li m’għandhiex tkun aktar minn 0,25 ċm2 ta’ l-erja totali tal-wiċċ, - kuħħaliet żgħar li ma jkunux aktar minn 1 ċm2 ta’ l-erja totali tal-wiċċ u li ma jkunux tilfu l-kulur. Iz-zokk jista’ jkun nieqes, sakemm il-kisra tkun waħda nadifa u l-qoxra tal-qrib ma jkollha l-ebda ħsara. (iii) il-Klassi II Din il-klassi tinkludi t-tuffieħ li ma jikkwalifikax biex jitniżżel fil-klassijiet ogħla, iżda jilħaq il-kriterji minimi imsemmija fuq fid-dettal [5]. Il-laħam għandu jkun ħieles minn difetti kbar. Id-difetti li ġejjin huma awtorizzati sakemm il-frott iżomm il-karatteristiċi essenzali tiegħu dwar il-kwalità, il-kwalità taż-żamma u l-preżentazzjoni: - difetti fl-għamla, - difetti fl-iżvilupp, - difetti fil-kulur, - id-difetti tal-qoxra m’għandhomx ikunu ikbar minn: - 4 ċm fit-tul għal difetti ta’ għamla tawwalija, - 2,5 ċm2 ta’ l-erja totali tal-wiċċ għal difetti oħra, ħlief għall-iskabbja (Venturia inaequalis), li m’għandhiex tkun aktar minn 1 cm2 ta’ l-erja totali tal-wiċċ, - kuħħaliet żgħar li ma jkunux aktar minn 1,5 ċm2 ta’ l-erja totali tal-wiċċ u li jistgħu jkunu tilfu xi ftit il-kulur. III. DIŻPOŻIZZJONIJIET DWAR ID-DAQS Id-daqs jiġi stabbilit jew skond id-dijametru massimu tat-taqsima ekwatorjali jew inkella skond it-toqol. Meta d-daqs jitkejjel skond id-dijametru, id-dijametru minimu meħtieġ għal kull klassi għandu jkun kif ġej: | Extra | Klassi I | Klassi II | Varjetajiet kbar tal-frott | 65 mm | 60 mm | 60 mm | Varjetajiet oħra | 60 mm | 55 mm | 50 mm | | Extra | Klassi I | Klassi II | Varjetajiet kbar tal-frott | 110 g | 90 g | 90 g | Varjetajiet oħra | 90 g | 80 g | 70 g | [1] Minħabba l-karatterisitiċi varjetali tal-varjetà Fuji u u l-varjanti tagħha marbuta mal-maturità fi żmien li din tinħasad, il-kapsula radjali ta’ l-ilma hija awtorizzata sakemm din tkun fl-għoqod arterjali ta’ kull frotta. [2] Għal dak il-għan, dawn għandhom juru kontenut tajjeb ta’ solidi solubbli u l-grad ta’ sħuħija. [3] Il-kriterji għall-kulur u l-ħmurija samranija qed jidhru fl-appendiċi għal dan il-kriterju ta’ klassifika, kif ukoll lista mhix dettaljata tal-varjetajiet ikkonċernati skond kull kriterju. [4] Il-kriterji għall-kulur u l-ħmurija samranija qed jidhru fl-appendiċi għal dan l-kriterju ta’ klassifika, kif ukoll lista mhix dettaljata tal-varjetajiet ikkonċernati skond kull kriterju. [5] Il-kriterji għall-kulur u l-ħmurija samranija qed jidhru fl-appendiċi għal dan il-kriterju ta’ klassifika, kif ukoll lista mhix dettaljata tal-varjetajiet ikkonċernati skond kull kriterju. --------------------------------------------------