32004R0040



Official Journal L 006 , 10/01/2004 P. 0017 - 0018


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 40/2004

tad-9 ta’ Jannar 2004

dwar prova ta’ l-osservanza tal-formalitajiet tad-dwana fir-rigward ta’ l-importazzjoni taz-zokkor ġewwa pajjiżi terzi kif provdut fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru. 800/1999

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [1], u b’mod partikolari t-tieni sentenza tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27(11) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 27(5) tar-Regolament (KE) Nru. 1260/2001 jipprovdi li rifużjonijiet għall-esportazzjoni fis-settur taz-zokkor jistgħu jvarjaw skond id-destinazzjoni, fejn dan ikun meħtieġ minħabba s-sitwazzjoni tas-suq dinji jew il-ħtiġijiet.

(2) L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1290/2003 tat-18 ta’ Lulju 2003 dwar sejħa għal offerti għal xogħol bl-appalt sabiex ikunu stabbiliti imposti u/jew rifużjonijiet għall-esportazzjoni ta’ zokkor abjad għas-sena tal-bejgħ 2003/04 [2], jipprovdi għal dak id-divrenzar billi jkunu mħollija barra ċerti destinazzjonijiet. Barra dan, l-issettjar li jsir darbtejn jew darba fix-xahar, skond il-każ, tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni ta’ zokkor abjad, zokkor mhux raffinat li ma jiġix ipproċessat, ġulepp u prodotti oħrajn tas-settur taz-zokkor kif hemm maħsub fl-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (KE) Nru. 1260/2001, jeskludi dawk id-destinazzjonijiet.

(3) L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27(11) tar-Regolament (KE) Nru. 1260/2001 jipprovdi li r-rifużjoni għandha titħallas wara li jkun pruvat li l-prodotti waslu fid-destinazzjoni msemmija fuq il-liċenza jew destinazzjoni oħra li għaliha tkun ġiet iffissata rifużjoni.

(4) L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jipprerskrivi regoli komuni dettaljati li japplikaw għas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli [3] isemmi d-diversi dokumenti li jistgħu jikkostitwixxu prova li ġew kompletati l-formalitajiet tad-dwana f’pajjiż terz fejn ir-rata tar-rifużjoni tkun divrenzata skond id-destinazzjoni. Taħt dak l-Artikolu l-Kummissjoni tista’ teddeċiedi, f’ċeri każi speċifikati li jridu jiġu determinati, li l-prova msemmija f’dak l-Artikolu tista’ titqies li tiġi pprovduta permezz ta’ dokument speċifiku jew b’xi mod ieħor.

(5) Operazzjonijiet ta’ esportazzjoni fis-settur taz-zokkor normalment ikunu regolati b’kuntratti li jkunu fuq bażi ta’ frank abbord (FOB) fiq is-suq tal-futures ta’ Londra. B’riżultat ta’ dan, f’dak l-istadju ta’ frank abbord (FOB), xerrejja jaċċettaw l-obbligi kontrattwali kollha, inkluż il-prova tal-ikkompletar tal-formalitajiet tad-dwana, mingħajr ma jkunu l-benefiċjarji diretti tar-rifużjoni li dik il-prova tagħti dritt għalih.

(6) Minħabba l-impatt li dawk id-diffikultajiet amministrativi jistgħu joħolqu fuq l-ekwilibriju tas-suq, għandhom jiġu stabbiliti provi alternattivi ta’ destinazzjoni li joffru l-garanziji meħtieġa.

(7) Minħabba li din hija deroga, il-perjodu ta’ l-applikazzjoni tagħha għandu jkun ristrett.

(8) Id-diffikultajiet li qamu kienu bħala riżultat tas-sospensjoni tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni lill-pajjiżi tal-Balkani tal-punent mit-8 ta’ Marzu 2003. Taħt dawk iċ-ċirkustanzi, sabiex ikun rispettat il-prinċipju li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn operaturi tal-Komunità’ u biex ikun protett il-prinċipju ta’ trattament indaqs, dan ir-Regolament għandu jgħodd għas-sitwazzjonijiet kollha li jkunu qamu mit-8 ta’ Marzu 2003.

(9) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-kumitat ta’ ġestjoni għaz-zokkor,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Fil-każ ta’ esportazzjoni li tkun saret skond l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru. 1260/2001 li għaliha l-esportatur ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdi l-prova msemmija fl-Artikoli 16(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru. 800/1999, il-prodotti għandhom jiġu kkinsidrati, b’deroga minn dak l-Artikolu, li ġew importati ġewwa pajjiż terz mal-preżentazzjoni tat-tliet dokumenti li ġejjin:

(a) kopja tad-dokument tat-trasport;

(b) dikjarazzjoni li l-prodott nħatt, magħmula jew minn awtorita’ uffiċjali tal-pajjiż terz li ssemma, mill-awtoritajiet uffiċjali ta’ wieħed mill-Istati Membri stabbiliti fil-pajjiż tad-destinazzjoni, jew minn aġenzija ta’ sorveljanza internazzjonali approvata taħt l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru. 800/1999, li tiċċertifika li l-prodott ħalla l-post tal-ħatt jew għall-inqas li, sa fejn tkun taf l-awtorita’ jew aġenzija li toħroġ id-dikjarazzjoni, il-prodott ma jkunx sussegwentement tgħabba mill-ġdid bl-għan li jerga’ jkun esportat;

(ċ) dokument bankarju maħruġ minn intermedjarji awtorizzati stabbiliti fil-Komunità’ li jiċċertifika li l-pagament li jikkorrispondi għall-esportazzjoni msemmija ġie kkreditat fil-kont ta’ l-esportatur li jkun infetah magħhom, jew prova tal-pagament.

2. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru. 800/1999 ġie applikat b’mod korrett fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ paragrafu 1.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ghandu jidhol fis-seħħ l-għada ta’ meta ssir il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-esportazzjoni li ssir wara t-8 ta’ Marzu 2004 u għandu jgħodd sal-31 ta’ Diċembru 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-9 ta’ Jannar 2004.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 178, tat-30.6.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emedat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 2196/2003 (ĠU L 328, tas-17.12.2003, p. 17).

[2] ĠU L 181, 19.07.03, p. 7. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2126/2003 (ĠU L 319, 04.12.03, p. 4).

[3] ĠU L 102, 17.04.99, p. 11. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2083/2003 (ĠU L 313, 28.11.03, p. 23).

--------------------------------------------------