32004L0082



Official Journal L 261 , 06/08/2004 P. 0024 - 0027


Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE

tad-29 ta' April 2004

dwar l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a) u l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju ta' Spanja [1],

Billi:

(1) Sabiex tiġi kumbattuta effettivament l-immigrazzjoni illegali u sabiex jitjieb il-kontroll fuq il-fruntieri, huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha jintroduċu dispożizzjonijiet li jistabilixxu obbligi dwar inġenji ta' l-ajru li jittrasportaw lill-passiġgieri fit-territorju ta' l-Istati Membri. Barra minn hekk, sabiex tiġi assigurata effettività akbar ta' din il-mira, il-penalitajiet finanzjarji fil-preżent previsti mill-Istati Membri għal-każijiet meta trasportaturi jonqsu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom għandhom jiġu armonizzati sa fejn jista' jkun, b'kont meħud tad-differenzi f'sistemi legali u prattiki bejn l-Istati Membri.

(2) Il-Kunsill Ewropea tal-25 u s-26 ta' Marzu 2004 adotta Dikjarazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u emfasizza l-ħtieġa li jsir malajr il-kontroll ta' miżuri f'dan il-qasam u li x-xogħol jgħaddi 'l quddiem fid-Direttiva tal-Kunsill proposta dwar l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri bl-iskop ta' konklużjoni kmieni fejn tidħol din il-miżura.

(3) Huwa importanti li jiġi evitat vakwu fl-azzjoni Komunitarja fil-ġlieda kontra immigrazzjoni illegali.

(4) Mill-1 ta' Mejju 2004 il-Kunsill ma jistax iktar jaġixxi fuq inizjattiva ta' Stat Membru.

(5) Il-Kunsill uża l-possibiltajiet kollha sabiex jottjeni fil-ħin l-opinjoni tal-Parlament Ewropew.

(6) Taħt dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali id-Direttiva għandha tiġi adottata mingħajr l-opinjoni tal-Parlament Ewropew.

(7) L-obbligi li għandhom jiġu imposti fuq trasportaturi permezz ta' din id-Direttiva huma kumplimentari għal dawk stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta' Schengen 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, kif issupplimentata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE [2], iż-żewġ tipi ta' obbligu li jservu l-istess mira li jwaqqfu flussi migratorji u jiġġieldu kontra immigrazzjoni illegali.

(8) Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' din id-data [3], il-libertà ta' l-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu obbligi addizzjonali għal trasportaturi ta' l-ajru jew xi kategoriji ta' trasportaturi oħra, inkluża informazzjoni jew data fir-rigward ta' biljetti ta' ritorn, kemm jekk imsemmija f'din id-Direttiva u kemm jekk le, m'għandhomx jiġu effettwati.

(9) Sabiex tiġi kumbattuta b'mod iktar effettiv l-immigrazzjoni illegali u sabiex tiġi assigurata effettività ajbar ta' din il-mira, huwa essenzjali li, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE, jittieħed kont fl-opportunità l-iktar kmieni ta' kwalunkwe innovazzjoni teknika, speċjalment b'referenza għall-integrazzjoni u l-użu ta' fatturi biometriċi fl-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mit-trasportaturi.

(10) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fi kwalunkwe proċeduri kontra trasportaturi li jistgħu jirriżultaw fl-applikazzjoni ta' penalitajiet, id-drittijiet ta' difiża u d-dritt ta' appell kontra dawn id-deċiżjonijiet jista' jiġi eżerċitat b'mod effettiv.

(11) Dawn il-miżuri jieħdu l-għażliet ta' kontroll stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta' Schengen (SCH/Com-ex (94) 17-rev. 4), immirat lejn li tkun possibbli ż-żieda ta' kontrolli fuq il-fruntieri u li jkun previst ħin suffiċjenti sabiex jitwettqu kontrolli dettaljati u komprensivi fuq il-passiġġieri kollha permezz tat-trasmissjoni ta' data tal-passiġġieri lill-awtoritajiet responsabbli sabiex jitwettqu dawn il-kontrolli.

(12) Id-Direttiva 95/46/KE tapplika fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri. Dan ifisser, li filwaqt li kien ikun leġittimu li tiġi pproċessata d-data tal-passiġġieri trasmessa għall-prestazzjoni ta' kontrolli fuq il-fruntieri wkoll għall-iskopijiet sabiex ikun possibbli l-użu tagħhom bħala evidenza fi proċeduri mmirati lejn l-applikazzjoni tal-liġijiet u regolamenti dwar id-dħul u l-immigrazzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-protezzjoni ta' politika pubblika (ordre public) u sigurtà nazzjonali, kwalunkwe pproċessar ulterjuri fi kwalunkwe mod inkompatibbli ma' dawk l-iskopijiet tkun kontra l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE. Stati Membri għandhom jipprovdu għal sistema ta' sanzjonijiet li jiġu applikati fil-każ ta' użu kuntrarju għall-iskop tad-Direttiva preżenti.

(13) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba l-fatt li din id-Direttiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Direttiva jekk timplimentaħhiex fil-liġi nazzjonali tagħha.

(14) Fir-rigward ta' l-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dan ta' l-aħħar ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [4], li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt E, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċertu arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim [5].

(15) Ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f'din id-Direttiva skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-kwadru ta' l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 li tikkonċerna t-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq sabiex jieħdu sehem f'xi ftit mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [6].

(16) L-Irlanda qiegħda tieħu sehem f'din id-Direttiva skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-kwadru ta' l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 li tikkonċerna t-talba ta' l-Irlanda li tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [7].

(17) Din id-Direttiva tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew relatat għalih xort'oħra fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-Mira

Din id-Direttiva timmira li ttejjeb kontrolli fuq il-fruntieri u li tiġġieled kontra immigrazzjoni illegali permezz tat-trasmissjoni ta' data tal-passiġġieri avvanzata minn trasportaturi lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' din id-Direttiva:

(a) "trasportatur" ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li x-xogħol tagħha huwa li tipprovdi transport għall-passiġġieri bl-ajru;

(b) "fruntieri esterni" tfisser il-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ma' pajjiżi terzi;

(ċ) "kontroll fuq il-fruntieri" jfisser kontroll imwettaq fuq fruntiera bi tweġiba esklużiva għal intenzjoni li tinqasam dik il-fruntiera, minkejja kwalunkwe konsiderazzjoni oħra;

(d) "il-punt tal-qsim tal-fruntiera" jfisser kwalunkwe punt ta' qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti għall-qsim ta' fruntieri esterni;

(e) "data personali", "l-ipproċessar ta' data personali" u "sistema ta' reġistrazzjoni ta' data personali" għandhom tifsira kif stipulata taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 3

It-Trasmissjoni tad-Data

1. Stati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jistabilixxu obbligi għal trasporatturi sabiex jittrasmettu fuq it-talba ta' l-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta' kontrolli fuq persuni fi fruntieri esterni, sa l-aħħar taċ-check in, informazzjoni li tikkonċerna passiġġieri li jittrasportaw lil fruntiera awtorizzata bħala punt ta' qsim, li minnha dawn il-persuni jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru.

2. L-informazzjoni msemmija fuq għandha tinkludi:

- n-numru u t-tip ta' document ta' vvjaġġar użat,

- ċittadinanza,

- ismijiet sħaħ,

- id-data tat-twelid,

- il-punt ta' qsim fuq il-fruntiera bħala dħul fit-territorju ta' l-Istati Membri,

- il-kodiċi tat-trasport,

- il-ħin tat-tluq u tal-wasla tat-trasport,

- in-numru totali ta' passiġġieri ttrasportati,

- il-punt inizjali ta' imbark.

3. Fi kwalunkwe każ it-trasmissjoni tad-data msemmija fuq ma tiskarikax l-obbligi u r-responsabbiltajiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta' Schengen għal trasportaturi, kif supplimentat mid-Direttiva 2001/51/KE.

Artikolu 4

Sanzjonijiet

1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jimponu sanzjonijiet fuq trasportaturi li, bħala riżultat ta' nuqqas, ma ttrasmettewx data jew ittrasmettew data mhux kompleta jew falza. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li sanzjonijiet huma dissważivi, effettivi u proporzjonati u li jew:

(a) l-ammont massimu ta' dawn is-sanzjonijiet mhuwiex inqas minn EUR 5000, jew mill-valuta nazzjonali ekwivalenti fir-rata tal-kambju ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-jum li fih din id-Direttiva tidħol fis-seħħ għal kull vjagġ li għalih data tal-passiġġieri ma kienitx ikkomunikata jew kienet ikkomunikata b'mod mhux korrett; jew

(b) l-ammont minimu ta' dawn is-sanzjonijiet mhuwiex inqas minn EUR 3000, jew mill-valuta nazzjonali ekwivalenti fir-rata tal-kambju ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-jum li fih din id-Direttiva tidħol fis-seħħ għal kull vjaġġ li għalih data tal-passiġġieri ma kienitx komunikata jew kienet ikkomunikata b'mod mhux korrett.

2. Din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lil Stati Membri milli jadottaw jew iżommu, għal trasportaturi li jmorru kontra b'mod serju ħafna l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, sanzjonijiet oħra, bħall-immobilizzazzjoni, il-qbid jew il-konfiska tal-mezzi ta' transport, jew sospensjoni temporanja jew l-irtirar tal-liċenza ta' operazzjoni.

Artikolu 5

Proċedimenti

Stati Membri għandhom jassiguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom jistipulaw li trasportaturi li kontrihom jinġjiebu proċedimenti bl-iskop li jiġu imposti penali għandhom drittijiet ta' difiża u appell.

Artikolu 6

L-Ipproċessar tad-Data

1. Id-data personali msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta' kontrolli fuq persuni f'fruntieri esterni li permezz tagħhom il-passiġġier jidħol fit-territorju ta' Stat Membru, għall-iskop tal-faċilitazzjoni tal-prestazzjoni ta' dawn il-kontrolli bl-iskop tal-ġlieda kontra immigrazzjoni illegali b'mod iktar effettiv.

Stati Membri għandhom jassiguraw li din id-data hija miġbura mit-trasportaturi u trasmessa elettronikament jew, f'każ ta' nuqqas, minn kwalunkwe mezz approprjat ieħor lill-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta' kontrolli fuq il-fruntieri fil-punt ta' qsim fuq il-fruntiera awtorizzat li permezz tiegħu passiġġier jidħol fit-territorju ta' Stat Membru. L-Awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta' kontrolli fuq persuni fi fruntieri esterni għandhom iżommu d-data f'fajl temporanju.

Wara li l-passiġġieri jkunu daħlu, dawn l-awtoritajiet għandhom iħassru d-data, fi żmien 24 siegħa, sakemm id-data ma tkunx meħtieġa iktar tard għall-iskopijiet ta' l-eżerċizzju tal-funzjonijiet statutorji ta' l-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta' kontrolli fuq persuni fi fruntieri esterni skond il-liġi nazzjonali u soġġett għal dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data taħt id-Direttiva 95/46/KE.

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex trasportaturi jiġu obbligati jħassru, fi żmien 24 siegħa mill-wasla tal-mezz ta' transport skond l-Artikolu 3(1), id-data personali li ġabru u ttrasmettew lill-awtoritajiet fuq il-fruntiera għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva.

Skond il-liġi nazzjonali tagħhom u soġġett għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta' data taħt id-Direttiva 95/46/EC, Stati Membri jistgħu ukoll jużaw id-data personali msemmija fl-Artikolu 3(1) għal skopijiet ta' l-applikazzjoni tal-liġi.

2. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jobbligaw lil trasportaturi jinfurmaw lill-passiġġieri skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE. Dan għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(ċ) u l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 7

Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mill-5 ta' Settembru 2006. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Meta Stati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-Metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw id-disposizzjonjiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ 30 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 82, tal-5.4.2003, p. 23.

[2] ĠU L 187, ta' l-10.7.2001, p. 45.

[3] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[4] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

[5] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

[6] ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

[7] ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

--------------------------------------------------