32004L0064



Official Journal L 125 , 28/04/2004 P. 0042 - 0042


Id-Direttiva tal-kummissjoni 2004/64/KE

tas-26 ta' April 2004

li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/84 dwar il-limiti taż-żmien

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/84/KE [2] temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għalbiex tinkludi l-flurtamon, il-flufenaċet, il-jodosulfuron, id-dimetenamid-p, il-pikossistrobin, il-foszjażat u s-silzjofam bħala sustanzi attivi fl-Anness I ma' din id-Direttiva.

(2) Wara l-inklużjoni ta' sustanza attiva ġdida, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi perjodu raġjonevoli taż-żmien għalbiex jimplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva u b'mod partikolari għalbiex jagħmlu rivista ta' l-awtorizzazzjonijiet proviżorji eżistenti u, l-iktar tard sat-tmiem ta' dan il-perjodu taż-żmien, għalbiex jittrasformaw dawn l-awtorizzazzjonijiet f'awtorizzazzjonijiet permanenti, li jemendawhom jew li jirtirawhom skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE.

(3) L-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni mogħtija fid-Direttiva 2003/84 mhumiex fl-istess linja ma' l-iskedi taż-żmien mogħtija għas-sustanzi attivi l-oħra. Sabiex jiġi armonizzat l-avviċinment għas-sustanzi kollha skond il-fażi korrenti tar-rivisti, għandha tiġi evitata kull differenza konsiderevoli bejn l-iskedi taż-żmien li japplikaw għas-sustanzi attivi ġodda differenti.

(4) Huwa għalhekk approprjat li d-Direttiva 2003/84/KE tiġi emendata kif jixraq.

(5) Il-miżuri provvduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 3/2003/KE huwa emendat kif ġej:

Il-paragrafu 2 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Għal kull wieħed mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih il-flurtamon, il-flufenaċet, il-jodosulfuron, id-dimetenamid-p, il-pikossistrobin, il-foszjażat u s-silzjofam jew bħala s-sustanza attiva waħdiena jew bħala wieħed minn numru ta' sustanzi attivi li kollha ġew elenkati fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE l-iktar tard sal-31 ta' Diċembru 2003, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni mill-ġdid tal-prodott skond il-prinċipji uniformi pprovvduti fl-Anness VI mad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta' dossier li jissodisfa l-ħtiġiet ta' l-Anness III ma' din id-Direttiva. Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 4(1)(b), (ċ), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara li jistabbilixxu dan, l-Istati Membri għandhom:

(a) fil-każ ta' prodott li jkun fih il-flurtamon, il-flufenaċet, il-jodosulfuron, id-dimetenamid-p, il-pikossistrobin, il-foszjażat u s-silzjofam bħala s-sustanza attiva waħdiena, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni, meta meħtieġ, l-iktar tard sat-30 ta' Ġunju 2005; jew

(b) fil-każ ta' prodott li jkun fih il-flurtamon, il-flufenaċet, il-jodosulfuron, id-dimetenamid-p, il-pikossistrobin, il-foszjażat u s-silzjofam bħala wieħed minn numru ta' sustanzi attivi, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni, meta meħtieġ, sat-30 ta' Ġunju 2005 jew sad-data ffissata għal din l-emenda jew awtorizzazzjoni fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rispettivi fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/LEE, liema minnhom hija l-aħħar."

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-20 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta' April 2004.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/30/KE (ĠU L. 77, tat- 13.3.2004, pġ. 50).

[2] ĠU L 247, tat-30.9.2003, pġ. 20.

--------------------------------------------------