Official Journal L 070 , 09/03/2004 P. 0032 - 0034
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/20/KE tat-2 ta' Marzu 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar l-inklużjoni tal-klorprofam bħala sustanza attiva (Test b'relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta' Diċembru 1992 jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-ewwel stadju tal-programm ta' xogħol riferut fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jitpoġġew fis-suq [2] jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi sabiex issir stima, b'ħarsa lejn l-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi l-klorprofam. (2) Għall-klorprofam, ġiet magħmula stima ta' l-effetti fuq is-saħħa umana u l-ambjent skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 għal sensiela ta' modi kif jista' jiġi użat kif propost minn dawk li jinnotifikaw. L-Olanda kienet nominata bħala l-Istat Membru li jirrapporta, skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 ta' April 1994 li jippreskrivi s-sustanzi attivi ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jinnomina l-Istat Membru li jirrapporta għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 [3],. L-Olanda ressqet ir-rapport ta' l-istima u r-rakkomandazzjonijiet relevanti lill-Kummissjoni fit-30 t'April 1996 skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92. (3) Dan ir-rapport ta' l-istima ġie reviżjonat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Food Chain u s-Saħħa ta' l-Annimali. (4) Din ir-reviżjoni ġiet konkluża fit-28 ta' Novembru 2003 fil-format tar-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar il-klorprofam. (5) Din ir-reviżjoni dwar il-klorprofam ma qajmet l-ebda mistoqsija jew kwistjonijiet, u li kieku kienet tirrekjedi konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti. (6) Mid-diversi testijiet li saru deher li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klorprofam għandhom jissodisfaw, ġeneralment, il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, partikolarment dwar il-modi ta' użu li ġew eżaminati u dettaljati fir-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li l-klorprofam jiġi inkluż fl-Anness I, sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-klorprofam ikunu awtorizzati skond id-disposizzjonijiet ta' dik id-direttiva. (7) Għandu jingħata perjodu raġonevoli ta' żmien qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex tagħti ċans lill-Istati Membri u l-partijiet interessati biex jippreparaw irwieħom biex jilqgħu l-kondizzjonijiet ġodda li jirriżultaw minn din l-inklużjoni. (8) Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli ta' zmien sabiex jimplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-klorprofam, u partikolarment, sabiex jagħmlu reviżjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet eżistenti sabiex jiżguraw li jissodisfaw il-kondizzjonijiet dwar is-sustanzi attivi kif imqiegħda fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Perjodu itwal għandu jingħata sabiex jitressaq u ssir stima tad-dokument komplut ta' kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skond il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE. (9) Huwa għalhekk xieraq li tiġi emendata d-Direttiva 91/414/KEE skond dawn id-disposizzjonijiet. (10) Il-mizuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Food Chain u s-Saħħa ta' l-Annimali. ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat skond l-Anness ta' din id-Direttiva. Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw sal-31 ta' Lulju 2005 dawk il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li huma neċessarji sabiex tiġi mħarsa din id-Direttiva. Huma għandhom jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-disposizzjonijiet, u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawn id-disposizzjonijiet u din id-Direttiva. Huma għandhom japplikaw dawk id-disposizzjonijiet mill-1 t'Awissu 2005. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, għandu jkun hemm fihom riferenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-riferenza. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu reviżjoni ta' l-awtorizzazzjoni ta' kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih il-klorprofam sabiex jiżguraw li jkunu mħarsa l-kondizzjonijiet relatati mal-klorprofam kif misjuba fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Fejn neċessarju u sal-31 ta' Lulju 2005, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni. 2. L-Istati Membri ghandhom, għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih il-klorprofam jew bħala l-unika sustanza attiva jew inkella bħala waħda minn ħafna sustanzi attivi, li kollha kemm huma jridu jkunu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, sal-31 ta' Jannar 2005, jerġgħu jivvalutaw il-prodott skond il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta' dokument li jissodisfa il-kondizzjonijiet ta' l-Anness III ta' dik id-Direttiva. Fuq il-bażi ta' dik l-evalwazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodotti jissodisfawx il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE. Fejn huwa neċessarju u sal-31 ta' Lulju 2009, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni. Artikolu 4 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2005. Artikolu 5 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-2 ta' Marzu 2004. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, pġ. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/119/KE (ĠU L 325, tat-12.12.2003, pġ. 41). [2] ĠU L 366, 15.12.92, pġ. 10. Ir-regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 (ĠU L 259, 13.10.00, pġ. 10). [3] ĠU L 107, 28.4.94, pġ. 8. Ir-regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2230/95 (ĠU L 225, 22.9.95, pġ. 1). -------------------------------------------------- ANNESS Din it-tabella li ġejja għandha tiġi miżjuda fl-aħħar ta' l-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE : Nru | Isem komuni, Numru ta' Identifikazzjoni. | Isem tal-IUPAC | Purità | Dħul fis-seħħ | Data ta' l-għeluq ta' l-inklużjoni | Disposizzjonijiet speċifiċi | '79 | Klorprofam SAK Nru. 101-21-3CIPAC Nru 43 | Iżopropil 3-klorofenilkarbanejt | 975 g/kg | 1 Frar 2005 | 31 Jannar 2015 | L-użu tiegħu huwa awtorizzat biss bħala erbiċida u għat-trażżin tan-nebbieta. Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni fuq il-klorprofam, u partikolarment l-Appendiċi I u II tiegħu, kif finalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Food Chain u s-Saħħa ta' l-Annimali fit-28 ta' Novembru 2003. F'din l-istima komplessiva l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil protezzjoni ta' operaturi, konsumaturi u antropodi mhux suppost li jiġu milquta. Il-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu miżuri ta' tnaqqis ta' riskji, meta dan huwa approprjat. | --------------------------------------------------