32004L0013



Official Journal L 027 , 30/01/2004 P. 0046 - 0047


Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/13/KE

tad-29 ta' Jannar 2004

li temenda d-Direttiva 2002/16/KE dwar l-użu ta' ċerti derivattivi f'materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/109/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' materjali oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel [1], u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkonsultat ma' l-Awtorita Ewropea dwar is-Sigurta ta' l-Ikel,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/16/KE ta' l-20 ta' Frar 2002 dwar l-użu ta' ċerti derivattivi ta' l-epossidu (epoxy) f'materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel [2] tippreskrivi ċerti regoli applikabbli għall-użu/presenza ta' 2,2-bis(4-hydroxyphenyl)propane bis(2,3-epoxypropyl) ether ("BADGE"), bis(hydroxyphenyl) methane bis(2,3-epoxypropyl) ethers ("BFDGE"), novolac glycidyl ethers ("NOGE"), u xi wħud mid-derivattivi tagħhom, f'materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel.

(2) Dik id-Direttiva tipprovdi li l-użu u/jew il-presenza ta' BADGE fil-fabbrikazzjoni ta' dawk il-materjali u oġġetti jista' jkompli biss tal-31 ta' Diċembru 2004.

(3) Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (KXI) talab fatti magħrufa (data) tossikoloġiċi biex jippremettu l-evalwazzjoni ta' BADGE f'ċerti temmiet ta' żmien. Il-KXI talab ukoll li fatti magħrufa (data) tossikoloġiċi ġodda jiġu provvduti biex jevalwaw il-carcinogenicity ta' derivattivi klorinati li ġew inklużi wkoll fir-restrizzjoni kwantitattiva li trid tiġi applikata għall-migrazzjoni ta' BADGE provvduta fl-Anness I mad-Direttiva 2002/16/KE.

(4) Fl-4 ta' Diċembru 2002, il-KXI innota r-riżultati negattivi dwar il-carcingenicity potenzali tad-derivattivi klorinati ta' BADGE u l-esposizzjoni baxxa tal-konsumatur Ewropew għal BADGE bħala konsegwenza tat-tnaqqis konsiderevoli tal-kontenut ta' BADGE li jinstab f'ikel fil-landa fl-investigazzjonijiet riċenti mwettqa mill-Istati Membri u miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, huwa meqjus aċċettabbli li tiġi estiża l-awtorizzazzjoni proviżorja ta' BADGE għal sena, sakemm issir is-sottomissjoni tal-fatti magħrufa (data) tossikoloġiċi ġodda u l-evalwazzjoni tagħhom mill-Awtorita Ewropea dwar is-Sigurta ta' l-Ikel.

(5) Id-Direttiva 2002/16/KE tipprovdi li l-ħtiġijiet ta' dik id-Direttiva rigward BADGE, BFDGE u NOGE ma japplikawx għal materjali u oġġetti koperti minn kisi tal-wiċċ, u adeżivi, li jiġiebu f'kuntatt ma' l-oġġetti ta' l-ikel qabel l-1 ta' Marzu 2003. Dawk il-materjali u oġġetti jistgħu ikomplu jitqegħdu fis-suq basta iżda li d-data ta' mili jidher fuq il-materjali u l-oġġetti. Fl-interess ta' interpretazzjoni mhux ekwivoka ta' kif id-data tal-mili għandha tiġi applikata fuq materjali u oġġetti, huwa xieraq li jiġi provvdut li din id-data tista' tiġi mibdula mid-data "best before" kif provvdut fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [3], jew xi indikazzjoni oħra bħal ma hija n-numru tal-lott meħtieġ mid-Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE [4] għal oġġetti ta' l-ikel pakkjati f'dawn il-materjali u oġġetti. Huwa, xorta, meħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn din l-indikazzjoni u d-data tal-mili sabiex din ta' l-aħħar tkun tista' tiġi identifikata dejjem.

(6) Id-Direttiva 2002/16/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq.

(7) Il-miżuri provduti f'din id-Direttiva huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2002/16/KE hija emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, id-data "31 ta' Diċembru 2004" għandha tinbidel bid-"31 ta' Diċembru 2005";

2. L-Artikolu 5 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 5

1. L-Artikoli 2, 3 u 4 m'għandhomx japplikaw għall-materjali u oġġetti riferiti f'punti (b) u (ċ) tat-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 1(1) li jinġiebu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel qabel l-1 ta' Marzu 2003.

Dawk il-materjali u oġġetti jistgħu jitqegħdu fis-suq basta iżda li d-data ta' mili jidher fuq il-materjali u l-oġġetti. Madankollu, id-data tal-mili tista' tinbidel minn indikazzjoni oħra, basta li din l-indikazzjoni tippermetti l-identifikazzjoni tad-data tal-mili. Mat-talba, id-data tal-mili għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u kull persuna li tinfurza l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva.

2. Paragrafu 1 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet tad-Direttiva 2000/13/KE."

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mid-29 ta' Jannar 2005. Għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-riferenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fid-29 ta' Jannar 2004.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 38.

[2] ĠU L 51, tat-22.2.2002, p. 27.

[3] ĠU L 109, tas-6.5.2000, p. 29.

[4] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 21.

--------------------------------------------------