32004L0012



Official Journal L 047 , 18/02/2004 P. 0026 - 0032


Id-Direttiva 2004/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-11 ta' Frar 2004

li temenda d-Direttiva 94/62/KE fuq l-ippakkjar u l-iskart ta' l-ippakkjar

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Wara li kunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Jaġixxu skond il-proċedura elenkata fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fis-17 ta' Diċembru 2003 [3],

Billi:

(1) Skond id-Direttiva 94/62/KE [4] il-Kunsill hu mitlub biex, sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-fażi ta' ħames snin li tibda mid-data meta dik d-Direttiva tkun ġiet implimentata fil-liġi nazzjonali, jiffissa l-miri għall-fażi ta' wara ta' ħames snin.

(2) Id-definizzjoni "ippakkjar" stabbilita fid-Direttiva 94/62/KE għandha tiġi ċarata aktar permezz ta' l-introduzzjoni ta' ċerti kriterji u anness li jinkludi eżempji illustrati. Huwa meħtieġ, sabiex jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta' riċiklaġġ, li jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' proċeduri ta' riċiklaġġ vijabbli li jkunu innovativi u tajbin għall-ambjent. L-evalwazzjoni tal-metodi differenti ta' riċiklaġġ għandha ssir bil-ħsieb li jiġu stabbiliti definizzjonijiet għal dawn il-metodi.

(3) Il-miri tar-riċiklaġġ għal kull materjal speċifiku ta' skart għandhom jieħdu in-konsiderazzjoni l-istima dwar iċ-ciklu tal-ħajja u l-analiżi dwar l-ispejjes u l-benefiċċji, li urew differenzi ċari kemm fl-ispejjes kif ukoll fil-benefiċċji tar-riċiklaġġ tad-diversi tipi ta' materjal ippakkjat, u għandhom itejbu l-koerenza tas-suq intern għar-riċiklaġġ ta' dawn il-materjali.

(4) L-irkuprar u r-riċiklaġġ ta' l-iskart ta' l-ippakkjar għandu jiżdied aktar sabiex jitnaqqas l-impatt tiegħu fuq l-ambjent.

(5) Xi Stati Membri li, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, kienu ingħataw permess biex jipposponu d-data ffissata ta' meta jilħqu l-miri dwar l-irkuprar u r-riċiklaġġ stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE għandhom jiġu mogħtija posponiment ieħor li iżda jkun limitat.

(6) Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-bżonn ta' derogi temporanji għall-Istati li ser jidħlu rigward il-miri ta' din id-Direttiva. Dan għandu jiġi deċiż fuq bażi tat-talbiet ta' l-Istati li ser jidħlu għal derogi li fil-prinċipju jibqgħu għaddejin sa mhux aktar tard mill-2012 għal Ċipru, r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, l-Litwanja, l-Islovakkja u l-Islovenja; l-2013 għal Malta; l-2014 għall-Polonja u l-2015 għall-Latvja.

(7) Dan il-ftehim għandu jiġi finalizzat skond il-proċedura legali xierqa qabel l-iskadenza tat-terminu perentorju għall-iskambjar ta' din id-Direttiva.

(8) L-immaniġjar ta' l-ippakkjar u l-iskart ta' l-ippakkjar jitlob mill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi ta' rendikont, ġbir u irkuprar. Dawn is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Partijiet kollha interessati u jkunu mfassla biex jevitaw id-diskriminazzjoni kontra prodotti importati u l-ostakli għall-kummerċ jew id-distrosjonijiet tal-kompetizzjoni u jiggarantixxu l-akbar ammont lura possibli ta' l-ippakkjar u l-iskart ta' l-ippakkjar, skond it-Trattat. Diskriminazzjoni kontra materjali fuq bażi tal-piż tagħhom għandha tiġi evitata. L-operaturi fil-proċess kollu ta' l-ippakkjar għandhom jerfgħu r-responsabbiltà proprja tagħhom sabiex jassiguraw li l-impatt ambjentali ta' l-ippakkjar u l-iskart ta' l-ippakkjar fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom jiġi mnaqqas bl-aktar mod possibli.

(9) Informazzjoni maħruġa b'mod annwali għall-Komunità kollha fuq l-ippakkjar u l-iskart ta' l-ippakkjar, inkluż fuq skart li jiġi esportat għar-riċiklaġġ u l-irkuprar barra l-Komunità, hija neċessarja sabiex isir kontroll ta' l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' din id-Direttiva. Dan jitlob teknika ta' rapportar armonizzata u linji ta' gwida ċari għal dawk li jipprovdu l-informazzjoni.

(10) Il-Kummissjoni għandha teżamina u tirrapporta fuq l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u l-impatt tagħha kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-suq intern. Dan ir-rapport għandu jkopri wkoll il-materji dwar il-bżonnijiet essenzali, l-miżuri dwar il-prevenzjoni ta' l-iskart, indikatur dwar l-ippakkjar, jekk possibli, pjani għall-prevenzjoni ta' l-iskart, użu mill-ġdid, ir-responsabbilità tal-produttur u l-metall tqil u għandu jkun akkumpanjat, f'każ li jkun approprjat, minn proposti għal reviżjoni.

(11) L-Istati Membri għandhom jippromwovu kampanji li jqajmu kuxjenza u li jitrattaw l-informazzjoni relevanti għall-konsumatur u jagħtu spinta għall-istrumenti oħra ta' prevenzjoni.

(12) Flimkien mal-għanijiet ta' din id-Direttiva dwar l-ambjent u s-suq intern, ir-riċiklaġġ jista' wkoll iħalli effett billi jipprovdi impiegi li jkunu tnaqqsu f'oqsma oħra tas-soċjetà, u għalhekk jgħin biex jippreveni l-esklużjoni.

(13) Hekk kif l-għanijiet ta' l-azzjoni li ġiet proposta, l-aktar biex jiġu armonizzati l-miri nazzjonali għar-riċiklaġġ ta' l-iskart ta' l-ippakkjar, waqt li jittieħdu in-konsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi individwali ta' kull Stat Membru, u biex jiġu ċarati d-definizzjonijiet, ma jistgħux jiġu milħuqa b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-kobor ta' l-azzjoni, jiġu milħuqa aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lill-hinn minn dak meħtieġ biex jiġu milħuqa dawk l-għanijiet.

(14) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li telenka l-proċeduri għat-twettieq tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni [5].

(15) Id-Direttiva 94/62/KE għandha għalhekk tiġi emendata, kif xieraq.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 94/62/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. is-subparagrafi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda ma' punt 1 ta' Artikolu 3:

"Id-definizzjoni ta' "ippakkjar" għandha tiġi bażata wkoll fuq il-kriterji stabbiliti hawn taħt. L-oġġetti msemmija f'Anness I huma eżempji illustrati ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji.

(i) L-oġġetti għandhom jiġu konsidrati bħala ippakkjar jekk jaderixxu mad-definizzjoni hawn fuq imsemmija mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet oħra li jista' jagħmel l-ippakkjar, kemm-il darba l-oġġett mhux parti integrali ta' prodott u huwa neċessarju li dak il-prodott jinżamm, jiġi sostnut jew priservat fit-tul taż-żmien tiegħu u l-elementi kollha huma intiżi li jintużaw, jiġu ikkonsmati jew mormija flimkien.

(ii) L-oġġetti mfassla u ntiżi biex jimtlew fil-ħin tal-bejgħ tagħhom u l-oġġetti li ma jerġgħux jintużaw li jkunu mibjugħa, mimlija jew mfassla u intiżi biex jimtlew fil-ħin tal-bejgħ tagħhom għandhom jiġu ikkonsidrati bħala ippakkjar sakemm jaderixxu mal-funzjoni ta' ippakkjar.

(iii) Komponenti ta' l-ippakkjar u elementi anċillari integrati fl-ippakkjar għandhom jiġu konsidrati bħala parti mill-ippakkjar li huma mdaħħla fih. L-elementi anċillari mdendla direttament fuq, jew imwaħħla mal-prodott u li jwettqu funzjoni ta' l-ippakkjar għandhom jiġu konsidrati bħala ippakkjar kemm-il darba m'humiex parti integrali ta' dan il-prodott u l-elementi kollha huma intiżi biex jiġu konsmati u mormija flimkien.

Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21, teżamina u, fejn meħtieġ, tirrevedi l-eżempji illustrati mogħtija f'Anness I dwar id-definizzjoni ta' ippakkjar. L-oġġetti li ġejjin għandhom jiġu indirizzati bħala prijorità: Kaxxi ta' CDs u videos, qsari, tubi u ċilindri mdawra b'materjal flessibli, karta approprjata għal tikketti bi twaħħil proprju u karta għat-tgeżwir."

2. Artikolu 4 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 4

Prevenzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, flimkien mal-miżuri li jipprevenu l-ħolqien ta' l-iskart ta' l-ippakkjar stabbiliti skond l-Artikolu 9, jimplimentaw miżuri oħra preventivi.

Dawn il-miżuri differenti jistgħu jikkonsistu fi programmi nazzjonali, proġetti li jintroduċu r-responsabbilità tal-produttur biex inaqqas l-impatt ambjentali ta' l-ippakkjar u azzjonijiet simili adottati, b'konsultazzjoni jekk approprjat ma' operaturi ekonomiċi, u mfassla biex jgħaqqdu u jittieħed gwadann mill-ħafna inizjattivi li l-Istati Membri jieħdu rigward il-prevenzjoni. Dawn għandhom ikunu konformi ma' l-għanijiet ta' din id-Direttiva kif imsemmija fl-Artikolu 1(1).

2. Il-Kummissjoni għandha tgħin fil-promozzjoni tal-prevenzjoni billi tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' standards adattati Ewropej, skond l-Artikolu 10. L-istandards għandhom jimmiraw biex inaqqsu l-impatt ambjentali ta' l-ippakkjar skond l-Artikoli 9 u 10.

3. Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, tippreżenta proposti għall-miżuri biex issaħħaħ u tikkumplimenta l-infurzar tal-ħtiġiet essenzali u tassigura li l-ippakkjar ġdid jidħol fis-suq biss meta l-produttur ikun ħa l-miżuri kollha neċessarji biex inaqqas l-impatt ambjentali mingħajr ma jikkomprometti l-funzjonijiet essenzali ta' l-ippakkjar."

3. Artikolu 6 għandu jiġi mibdul f'dan li ġej:

"Artikolu 6

Irkuprar u riċiklaġġ

1. Biex ikunu konformi mal-għanijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiksbu l-miri li ġejjin li jkopru t-territorju kollu tagħhom:

(a) mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2001 bejn 50 % bħala minimu u 65 % bħala massimu bl-użin ta' l-iskart ta' l-ippakkjar għandu jiġi rkuprat jew maħruq f'fabbriki għall-inċinerazzjoni ta' l-iskart bl-irkuprar ta' l-enerġija;

(b) mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008 mill-inqas 60 % bl-użin ta' l-iskart ta' l-ippakkjar għandu jiġi rkuprat jew maħruq f'fabbriki għall-inċinerazzjoni ta' l-iskart bl-irkuprar ta' l-enerġija;

(ċ) mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2001 bejn 25 % bħala minimu u 45 % bħala massimu bl-użin tat-total tal-materjali ta' l-ippakkjar li jkunu fl-iskart ta' l-ippakkjar għandhom jiġu riċiklati b'minimu ta' 15 % bl-użin għal kull materjal ta' l-ippakkjar;

(d) mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008 bejn 55 % bħala minimu u 80 % bħala massimu bl-użin ta' l-iskart ta' l-ippakkjar għandu jiġi riċiklat;

(e) mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008 il-miri minimi li ġejjin għar-riċiklaġġ tal-materjali misjuba fl-iskart ta' l-ippakkjar għandhom jiġu miksuba:

(i) 60 % bl-użin għall-ħġieġ;

(ii) 60 % bl-użin għall-karta u għat-tavla;

(iii) 50 % bl-użin għall-metalli;

(iv) 22,5 % bl-użin għall-plastik, waqt li jiġi mgħoddi biss il-materjal riċiklat lura għall-plastik;

(v) 15 % bl-użin għall-injam.

2. L-iskart ta' l-ippakkjar li jiġi esportat barra l-Komunità skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 [6], (KE) Nru 1420/1999 [7] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1547/1999 [8], għandu jgħodd biss għat-twettieq ta' l-obbligi u l-miri tal-paragrafu 1 jekk ikun hemm prova biżżejjed li l-operazzjoni ta' l-irkuprar u/jew ta' riċiklaġġ tkun saret taħt kondizzjonijiet simili ħafna għal dawk preskritti mill-leġislazzjoni tal-Komunità fuq din il-materja.

3. L-Istati Membri għandhom, fejn approprjat, jinkoraġġixxu l-irkuprar ta' enerġija, fejn dan ikun preferut aktar mir-riċiklaġġ tal-materjal minħabba raġunijiet kemm ambjentali kif ukoll ta' spejjes u benefiċċji. Dan jista' jsir billi jiġi ikkonsidrat marġini suffiċjenti bejn ir-riċiklaġġ nazzjonali u l-miri ta' rkuprar.

4. L-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jinkoraġġixxu l-użu ta' materjal miksub mir-riċiklaġġ ta' l-iskart ta' l-ippakkjar għall-manifattura ta' l-ippakkjar u prodotti oħra billi:

(a) jtejbu l-kondizzjonijiet tas-suq għal dawn il-materjali;

(b) jirrevedu r-regolamenti eżistenti li jipprevenu l-użu ta' dawn il-materjali.

5. Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, waqt li jaġixxu permezz ta' maġġoranza kwalifikata u fuq proposta tal-Kummissjoni, jiffissaw il-miri għat-tielet fażi ta' ħames snin mill-2009 sa l-2014, ibbażati fuq l-esperjenza prattika miksuba fl-Istati Membri fl-isforz biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-iskoperti tar-riċerka xjentifika u l-metodi ta' teknika ta' evalwazzjoni bħall-istimi dwar iċ-ċiklu tal-ħajja u l-analiżi dwar l-ispejjes u l-benefiċċji.

Dan il-proċess għandu jiġi ripetut kull ħames snin.

6. Il-miżuri u l-miri msemmija fil-paragrafu1 għandhom jiġu pubblikati mill-Istati Membri u għandhom ikunu s-suġġett ta' kampanja ta' informazzjoni għall-pubbliku ġenerali u għall-operaturi ekonomiċi.

7. Il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall jistgħu, minħabba s-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, li huma rispettivament in-numru kbir ta' gżejjer ċkejkna, il-preżenza ta' żoni rurali u muntanjużi u l-livell baxx preżenti ta' konsum ta' l-ippakkjar, jiddeċiedu biex:

(a) jilħqu, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2001, miri aktar baxxi minn dawk stabbiliti fil-paragrafi 1(a) u (ċ), imma għandhom jilħqu bħala minimu 25 % għall-irkuprar jew l-inċinerazzjoni f'fabbriki għall-inċinerazzjoni ta' l-iskart bl-irkuprar ta' l-enerġija;

(b) fl-istess żmien jipposponu l-kisba tal-miri tal-paragrafi 1(a) u (ċ) għal terminu perentorju li jkun aktar tard li iżda m'għandux ikun aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2005;

(ċ) jipposponu l-kisba tal-miri msemmija fil-paragrafi 1(b), (d) u (e) sa data magħżula minnhom stess li ma tkunx aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011.

8. Il-Kummissjoni għandha, mill-aktar fis possibli u mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2005, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq il-progress ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u l-impatt tagħha fuq l-ambjent, kif ukoll fuq it-tħaddim tas-suq intern. Ir-rapport għandu jieħu in- konsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi individwali f'kull Stat Membru:

(a) evalwazzjoni ta' l-effettività, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ħtiġiet essenzali;

(b) miżuri ta' prevenzjoni oħra biex jitnaqqas kemm jista' jkun possibli l-impatt ambjentali ta' l-ippakkjar mingħajr ma jiġu kompromessi l-funzjonijiet essenzali;

(ċ) l-iżvilupp possibbli ta' indikatur ambjentali dwar l-ippakkjar biex jagħmel il-prevenzjoni ta' l-iskart ta' l-ippakkjar sempliċi u aktar effettiv;

(d) pjani għall-prevenzjoni ta' l-iskart ta' l-ippakkjar;

(e) appoġġ għall-użu mill-ġdid u, b'mod partikolari, tqabbil ta' l-ispejjes u l-benefiċċji ta' l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

(f) ir-responsabbilità tal-produttur inkluż l-aspetti finanzjarji;

(g) sforzi biex jitnaqqsu aktar u, jekk xieraq, fl-aħħar jitneħħew metalli tqal u sustanzi oħra perikolużi fl-ippakkjar sa l-2010.

Dan ir-rapport għandu, kif inhu xieraq, ikun akkumpanjat bi proposti għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma' din id-Direttiva, kemm-il darba dawn il-proposti sa dak iż-żmien ma jkunux ġew ippreżentati.

9. Ir-rapport għandu jindirizza l-kwistjonijiet tal-paragrafu 8 kif ukoll kwistjonijiet oħra relevanti fil-qafas ta' l-elementi differenti tas-Sitt Programm ta' Azzjoni fuq l-Ambjent, b'mod partikolari l-istrateġija tematika fuq ir-riċiklaġġ u l-istrateġija tematika fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif xieraq, jinkoraġġixxu studji u proġetti bi prova li jikkonċernaw il-punti 8(b), (ċ), (d), (e) and (f) u strumenti oħra preventivi.

10. L-Istati Membri li għamlu, jew ser jagħmlu, programmi li jmorru ‘l-hinn mill-miri ta' paragrafu 1 u li jipprovdu f'dak ir-rigward kapaċitajiet xierqa għar-riċiklaġġ u għall-irkuprar għandhom jingħataw permess biex jilħqu dawk il-miri fl-interess tal-livell għoli tal-protezzjoni ambjentali, bil-kondizzjoni li dawn il-miżuri jevitaw distorsjonijiet fis-suq intern u ma jtellfux il-konformità ta' Stati Membri oħra ma' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni għandha tikkonferma dawn il-miżuri, wara li tkun ivverifikat, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, li huma konsistenti mal-konsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u ma jinkludux mezzi arbitrarji ta' diskriminazzjoni jew xi restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri."

4. L-Artikolu 8(2) għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"2. Biex jiffaċilita l-ġbir, l-użu mill-ġdid u l-irkuprar inkluż ir-riċiklaġġ, l-ippakkjar għandu jindika għall-iskopijiet tiegħu ta' identifikazzjoni u klassifikazzjoni bl-industrija konċernata n-natura tal-materjal(i) użat(i) għall-ippakkjar fuq bażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/129/KE [9]."

5. "L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll l-informazzjoni għall-konsumatur u l-kampanji li jqajmu kuxjenza"

."

6. Artikolu 19 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 19

Adattament ma' progress xjentifiku u tekniku

L-emendi neċessarji għall-adattament tas-sistema ta' identifikazzjoni mal-progress xjentifiku u tekniku (kif imsemmija fl-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10, it-tieni subparagrafu, l-aħħar inċiżjoni), il-formati dwar is-sistema ta' l-irreġistrar ta' l-informazzjoni (kif imsemmija fl-Artikolu 12(3) u l-Anness III) kif ukoll l-eżempji illustrati fuq id-definizzjoni ta' l-ippakkjar (kif imsemmija fl-Anness I) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2)."

7. Artikolu 20(1) għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"1. Il-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21, għandha tistabbilixxi l-miżuri tekniċi neċessarji biex titratta kwalunkwe diffikultajiet li tiltaqa' magħhom waqt l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva b'mod partikolari rigward materjali ta' l-ippakkjar li m'humiex reattivi, mpoġġija fis-suq fi kwantitajiet żgħar ħafna (i.e. approssimazzjoni ta' 0,1 % bl-użin) fl-Unjoni Ewropea, l-ippakkjar primarju għall-apparat mediku u prodotti farmaċewtiċi, ippakkjar ċkejken u pakkjar ta' lussu."

8. L-Artikolu 21 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 21

Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Fejn ikun hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE [10] għandhom jgħoddu, b'rispett lejn id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu.

Il-perijodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura."

9. Il-paragrafu għandu jidħol f'Artikolu 22:

"3a. Waqt li jkun ipprovdut li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti f'Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 7 permezz ta' ftehim ma' l-awtoritajiet kompetenti u s-setturi ekonomiċi konċernati.

Dawn il-ftehim għandhom ikollhom il-ħtiġiet li ġejjin:

(a) il-ftehim għandhom ikunu tat-tip li jiġu nfurzati;

(b) il-ftehim għandhom jispeċifikaw l-għanijiet bit-termini perentorji korrispondenti;

(ċ) il-ftehim għandhom jiġu pubblikati fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali jew f'dokument uffiċjali li jkun ugwalment aċċessibli għall-pubbliku, u mibgħut lill-Kummissjoni;

(d) ir-riżultati miksuba għandhom jiġu kontrollati b'mod regolari, rapportati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni u mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-ftehim;

(e) l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw li l-progress miksub skond dan il-ftehim jiġi eżaminat;

(f) F'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-ftehim, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw d-dispożizzjonijiet relevanti ta' din id-Direttiva permezz ta' miżuri leġislattivi, regulatorji u amministrattivi."

10. Anness I għandu jiġi mibdul bl-anness li jidher fl-Anness hawnhekk.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva sat-18 ta' Awissu 2005. Huma għandhom jinformaw b'mod immedjat lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasbourg, fil-11 ta' Frar 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

F'isem il-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU Ċ103 E, 30.04.02, p. 17.

[2] ĠU C 221, 17.09.02, p. 31.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2002 (ĠU C 272 E, tat-13.11.2003, p. 287), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2003 (ĠU C 107 E, tas-6.5.2003, p. 17), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Lulju 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Jannar 2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Jannar 2004.

[4] ĠU L 365, tal-31.12.1994, p. 10. Direttiva kif emendata permezz tar-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[5] ĠU L 184, 17.07.99, p. 23.

[6] ĠU L 30, tas-6.2.1993, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001 (ĠU L 349, tal-31.12.2001, p. 1).

[7] ĠU L 166, ta' l-1.7.1999, p. 6. Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2118/2003 (ĠU L 318, tat-3.12.2003, p. 5).

[8] ĠU L 185, tas-17.7.1999, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2118/2003.

[9] ĠU L 50, 20.02.97, p. 28.

[10] ĠU L 184, 17.07.99, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS I

EŻEMPJI ILLUSTRATI GĦALL-KRITERJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(1)

Eżempji illustrati għal kriterju (i)

Ippakkjar

Kaxxi tal-ħelu

Film imgeżwer madwar kaxxa ta' CD

Nuqqas ta' ippakkjar

Qsari intiżi li jibqgħu mal-pjanta matul iż-żmien kollu tagħha

Kaxxi tal-għodda

Boroż tat-Te'

Saffi tax-xama' madwar il-ġobon

Ġlud taz-zalzett

Eżempji illustrati għal kriterju (ii)

Ippakkjar, jekk ikun imfassal u intiż biex jimtela waqt il-bejgħ tiegħu

Boroż tal-ġarr tal-karta jew tal-plastik

Platti u kikkri li ma jerġgħux jintużaw

Film plastiku trasparenti għat-tgeżwir

Boroż tas-Sandwich

Folji ta' l-aluminju

Nuqqas ta' ippakkjar

Oġġett li jħawwad

Għodda ta' l-ikel u l-kċina li ma jerġgħux jintużaw

Eżempji illustrati għal kriterju (iii)

Ippakkjar

Tikketti mdendla direttament jew imwaħħla ma' prodott

Parti mill-ippakkjar

Xkupilja tal-maskara li tifforma parti mis-sistema ta' l-egħluq tal-kontenitur

Tikketti bil-kolla mwaħħla ma' oġġett ieħor ta' l-ippakkjar

Staples

Kmiem tal-plastik

Apparat biex ikejjel id-doża li jifforma parti mis-sistema ta' l-egħluq tal-kontenitur tad-deterġenti.

"

--------------------------------------------------