7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

49


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

ta' l-14 ta' Ottubru 2004

dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-impjiegi ta' l-Istati Membri

(2004/741/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi,

Billi:

(1)

L-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-miri ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għall-impjiegi u s-suq tax-xogħol. L-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-aġenda ta' Lisbona titlob li l-linji politiċi għall-impjiegi ta' l-Istati Membri jħaddnu, b'mod ibbilanċjat, it-tliet miri kumplimentari u li jsostnu lil xulxin, li huma li kulħadd ikollu impieg, kwalità u produttività fix-xogħol, u l-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri jeħtieġu aktar riformi strutturali li jikkonċentraw fuq 10 prijoritajiet speċifiċi u fuq tmexxija aħjar.

(2)

Ir-riforma ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi fl-2003 poġġiet l-enfażi fuq orjentazzjoni fuq perijodu ta' żmien medju u fuq l-importanza ta' l-implimentazzjoni tal-firxa tal-linji politiċi kollha rrakkomandati fil-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi għandhom għalhekk jiġu riveduti b'mod komplet biss kull tliet snin, filwaqt li fis-snin intermedji l-aġġornament tagħhom għandu jkun strettament limitat.

(3)

Il-Kunsill adotta mingħajr tibdil il-Linji Gwida dwar il-linji politiċi dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri fl-2004 bid-Deċiżjoni 2004/740/KE (1).

(4)

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-linji politiċi dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri fit-22 ta' Lulju 2003 (2). L-eżami tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali ta' l-Istati Membri dwar l-impjiegi li jinsabu fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2003-2004 juri li l-Istati Membri u s-sħab soċjali wieġbu b'mod limitat għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(5)

It-Taskforce Ewropea dwar l-Impjiegi rrakkomandat li l-UE għandha tindirizza rakkomandazzjonijiet aktar qawwija lill-Istati Membri. Għandha tingħata prijorità lit-tiżjid fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi; lill-attrazzjoni ta' aktar nies biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, billi x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd; lill-investiment aktar effikaċi fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja; u lill-implimentazzjoni effettiva tar-riformi permezz ta' tmexxija aħjar. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu fuq dawn il-punti u integraw, fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, il-messaġġi dwar il-linji politiċi fir-rapport tat-Taskforce dwar l-Impjiegi.

(6)

L-analiżi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u l-messaġġi ġenerali, u speċifiċi għal kull pajjiż, dwar il-linji politiċi fir-rapport tat-Taskforce dwar l-Impjiegi jipprovdu l-bażi għall-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' l-UE ta' linji politiċi nazzjonali fl-2004.

(7)

Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi japplikaw għall-Istati Membri ġodda mill-adeżjoni 'l hawn. L-Istati Membri ġodda kollha preżentaw rapporti f'dawn l-aħħar ftit snin dwar l-implimentazzjoni tad-Dokumenti ta' Stima Konġunti (JAP) li jirreferu għal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. Sabiex titkompla b'suċċess ir-ristrutturazzjoni li għaddejja fl-ekonomiji tagħhom, bosta Stati Membri ġodda, flimkien ma' l-imsieħba soċjali tagħhom, għandhom bżonn jiżviluppaw aktar l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw il-linji politiċi tagħhom dwar l-impjiegi. Huma essenzjali bilanċ ġdid bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà, tiżjid fil-parteċipazzjoni fl-impjiegi u fir-riżorsi umani permezz ta' tagħlim tul il-ħajja, kif hija l-ħtieġa li tiżdied is-saħħa tal-ħaddiema. Is-sħubija soċjali, u titjib sinifikanti fil-kapaċità amministrattiva ta' l-awtoritajiet pubbliċi għadhom kruċjali f'ħafna mill-Istati Membri sabiex tintlaħaq l-implimentazzjoni sħiħa u l-użu effiċjenti ta' l-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew, għodda prinċipali għall-investiment fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja.

(8)

Il-messaġġi, speċifiċi għal kull pajjiż, li hemm fir-rapport tat-Taskforce dwar l-Impjiegi Ewropea huma għal kollox konsistenti ma' l-eżami tar-rapporti implimentattivi tal-JAP, u jistgħu jservu bħala gwida għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi għall-Istati Membri ġodda.

HAWN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjonijiet li jirreferu speċifikament għalihom, li jinsabu fl-Anness. Din ir-rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003.

Magħmula fil-Lussemburgu, l-14 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

P. VAN GEEL


(1)  Ara paġna 45 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)   ĠU L 197, 5.8.2003, p. 22.


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET U PRIJORITAJIET GĦAL PAJJIŻI SPEĊIFIĊI

Il-ħolqien ta' aktar impjiegi u li dawn ikunu ta' kwalità aħjar huwa l-aktar bżonn urġenti li għandu jiġi ndirizzat. Fil-kuntest ta' strateġija globali għall-impjiegi, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa enfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni urġenti lil erba' sfidi partikolari: l-adattabbiltà, l-attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol, it-titjib tal-kwalità tax-xogħol u l-investiment fir-riżorsi umani. Il-Kunsill Ewropew enfasizza wkoll li l-appoġġ u l-promozzjoni tal-bidla għandhom jilħqu 'l hinn mill-gvernijiet. Sabiex jiġi ġġenerat dan l-appoġġ, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri biex jibnu Sħubija għar-Riforma li jinvolvu s-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi, skond l-arranġamenti u t-tradizzjonijiet nazzjonali.

Il-Messaġġi Prinċipali tal-Kunsilli dwar l-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, li jħaddnu l-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003, juru li l-Istati Membri u l-isħab soċjali kollha għandhom jagħtu prijorità immedjata għal:

Tiżjid fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi , inter alia, permezz tal-promozzjoni tal-flessibbiltà kombinata mas-sigurtà fis-suq tax-xogħol; bl-immodernizzar u t-twessigħ tal-kunċett tas-sigurtà ta' l-impieg, billi l-ħolqien tax-xogħol jitkabbar kemm jista' jkun u billi tiżdied il-produttività;

Attrazzjoni ta' aktar nies sabiex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol: billi x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd, inter alia, bil-bini ta' strateġiji attivi kollettivi; b'aktar żvilupp tal-linji politiċi sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; bit-tisħiħ ta' linji politiċi attivi fis-suq tax-xogħol, b'servizzi personalizzati lil dawk kollha li qegħdin ifittxu impieg; billi tiġi segwita politika ta' “nagħmlu x-xogħol jirrendi” b'inċentivi finanzjarji u mhux finanzjarji;

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha, inter alia, and billi jinqasmu l-ispejjeż u r-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi, kumpanniji u individwi; billi tiġi offruta firxa akbar ta' tagħlim, b'mod partikolari għal dawk li l-aktar jeħtieġu bħal dawk b'ħiliet limitati u ħaddiema aktar avvanzati fl-età; u

Implimentazzjoni aktar effettiva tar-riformi permezz ta' tmexxija aħjar, inter alia bil-bini ta' sħubija għar-riforma biex jiġu mmobilizzati l-appoġġ u l-parteċipazzjoni ta' l-imsieħba soċjali u ta' dawk kollha interessati; fejn meħtieġ, billi jiġu definiti għanijiet li jirriflettu dawk stabbiliti fuq livell Ewropew, u billi jkun żgurat li jintużaw sewwa l-fondi pubbliċi; billi jiġi promoss ir-rwol tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali u tiżdied il-viżibbiltà tagħhom fost min jista' jkun interessat fihom; bit-tisħiħ tar-rwol tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u bl-iżvilupp ta' tagħlim komuni aktar effettiv.

Fid-dawl ta' dan kollu, ir-rakkomandazzjonijiet u l-prijoritajiet għal kull pajjiż huma stabbiliti hawn taħt:

RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI SKOND IL-PAJJIŻ

IL-BELĠJU

Għalkemm kien hemm sinjali pożittivi mill-1997 lil hawn, ir-rata ta' impjiegi fil-Belġju għadha sewwa taħt il-medja Ewropea u ferm taħt il-miri ta' Lisbona. Ir-rata ta' impieg għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età hija fost l-iktar baxxi fil-25 pajjiż ta' l-UE. Ir-rata ta' impieg ta' dawk li m' humiex ċittadini hija baxxa ħafna. Wara ħafna snin ta' nuqqas, il-qgħad reġa' beda jiżdied. Il-parteċipazzjoni ta' l-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ qiegħda tistaġna.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Belġju għandu jagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

antiċipazzjoni aħjar u akkumpanjament tar-ristrutturazzjoni ta' l-intrapriżi, b'mod partikolari fil-każ ta' tkeċċija kollettiva ta' ħaddiema żejda;

tnaqqis aktar fl-ispiża mhux salarjali tar-riżorsi umani, b'mod partikolari għal dawk imħallsin l-inqas waqt li tiġi ssalvagwardjata l-konsolidazzjoni ta' l-estimi;

titjib fil-kooperazzjoni bejn is-servizzi għall-impjiegi reġjonali biex tiġi appoġġjata l-mobbiltà bejn ir-reġjuni.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

reviżjoni tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex jitneħħew nases ta' qgħad li għadhom jeżistu u jingħataw inċentivi adegwati għal tfittxija attiva għax-xogħol b'reviżjoni tal-kondizzjonalità li taħtha jingħataw il-benefiċċji;

tiżdied l-attenzjoni mogħtija lill-adulti bla impieg, lil żgħażagħ żvantaġġjati u lil immigranti fil-miżuri eżegwiti mis-servizzi għall-impjiegi;

tiġi definita strateġija komprensiva għal anzjanità attiva, aċċess għal taħriġ kontinwu, il-promozzjoni ta' ambjent tax-xogħol flessibbli u tiftix effettiv għax-xogħol għal ħaddiema akbar fl-età, inkluża d-determinazzjoni li jitnaqqsu l-iskemi ta' l-irtirar kmieni.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola;

monitoraġġ ta' l-akkordji inter-professjonali riċenti sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-taħriġ, b'attenzjoni speċjali għal dawk l-inqas imħarrġa.

ID-DANIMARKA

Id-Danimarka għandha rati ta' impieg ferm ogħla mill-miri għall-impjiegi ta' Lisbona, inkluż għan-nisa u l-ħaddiema avvanzati fl-età. Minkejja ż-żidiet riċenti, li b'mod partikolari laqtu lill-gradwati u li affettwaw ħażin il-qgħad fit-tul, il-qgħad jibqa' relattivament baxx. Meta tikkunsidra r-rata għolja ta' xogħol, prijorità prinċipali għad-Danimarka hija li tassigura ammont adegwat ta' ħaddiema fuq perijodu ta' żmien fit-tul.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li d-Danimarka għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

tnaqqis aktar tal-pressjoni ġenerali fiskali fuq ix-xogħol waqt li titħares il-konsolidazzjoni ta' l-estimi.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

strateġija komprensiva għal anzjanità attiva, inkluż it-tneħħija ta' inċentivi għal irtirar kmieni fejn huwa xieraq;

reviżjoni tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex jitnaqqsu r-rati marġinali tat-taxxa u jittejbu l-inċentivi biex jaħdmu għal dawk li jaqilgħu l-inqas, inklużi dawk qiegħda u dawk li m' humiex attivi;

monitoraġġ ta' l-impatt ta' riformi riċenti biex immigranti jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari ta' l-isforzi biex jinbnew il-kwalitajiet bażiċi meħtieġa biex jintlaħqu r-rekwiżiti tax-xogħol.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

monitoraġġ ta' tendenzi fit-taħriġ vokazzjonali fid-dawl ta' żieda riċenti fil-miżati għat-taħriġ.

IL-ĠERMANJA

Ir-rata ta' impieg fil-Ġermanja hija fuq il-medja Ewropea iżda xorta għadha sew taħt il-miri ta' Lisbona. Ir-rata ta' impieg għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età qiegħda taqa' lura. Ir-rata ta' impjiegi għan-nisa taqbeż il-medja Ewropea iżda qiegħda tistaġna. Għalkemm l-andament ivarja minn reġjun għal ieħor, globalment, is-suq tax-xogħol Ġermaniż ibbenefika mis-snin ta' tkabbir ekonomiku bejn l-1997 u l-2000. Fis-snin ta' wara, l-impjiegi bdew jonqsu u l-qgħad żdied. Il-qgħad, speċjalment dak għat-tul, jibqa' fost l-ogħla fl-UE. Baqgħu jippersistu differenzi sostanzjali bejn in-naħat tal-lvant u tal-punent tal-pajjiż.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Ġermanja għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

reviżjoni tas-sistemi ta' l-iffinanzjar tal-protezzjoni soċjali sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż mhux salarjali tax-xogħol waqt li titħares il-konsolidazzjoni ta' l-estimi;

inkoraġġiment lill-partijiet soċjali sabiex jieħdu r-responsabbiltà sabiex jirriflettu b'mod sod, id-differenzi lokali, reġjonali u settorjali fil-produttività u fil-kondizzjonijiet tas-suq fl-iffissar tal-pagi, u aktar progress fil-flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol u l-proviżjoni ta' aktar faċilitajiet għal taħriġ, per eżempju permezz ta' kontijiet għat-taħriġ (ara l-linja gwida 5 tal-Linji Gwida Ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u tal-Komunità);

promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-SMEs, l-aktar permezz ta' regolament aktar sempliċi u aċċess aħjar għall-finanzjament; tisħiħ tal-kultura ta' l-intraprendenza, speċjalment fin-naħa tal-Lvant tal-pajjiż.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

tkomplija tar-riforma tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji soċjali, biex tassigura inċentivi biżżejjed biex jittieħed ix-xogħol; monitoraġġ mill-qrib u stima tar-riforma Hartz tas-suq tax-xogħol u tar-riformi oħrajn tas-suq tax-xogħol, sabiex jiġi assigurat titjib kontinwu fl-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi għall-impieg fl-għajnuna tagħhom lil dawk qiegħda;

reviżjoni tad-disinċentivi fit-taxxa possibbli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; żieda fil-faċilitajiet tal-kura tat-tfal, speċjalment fil-Länder tal-Punent, u titjib fil-korrispondenza bejn l-iskedi tal-ħin skolastiċi u l-ħinijiet tax-xogħol; inkoraġġiment lis-sħab soċjali biex jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom biex titnaqqas b'mod konsiderevoli d-differenza fil-ħlas bejn is-sessi;

żvilupp ulterjuri ta' strateġija komprensiva għal anzjanità attiva biex tassigura li n-nies jibqgħu aktar fis-suq tax-xogħol, speċjalment wara l-età ta' 60; inkoraġġiment aktar lejn ix-xogħol part-time għall-irġiel u t-tiżjid ta' l-aċċess għat-taħriġ għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età;

tisħiħ ta' l-isforzi biex jiġu ntegrati l-immigranti.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

titjib fil-livelli edukattivi tal-ħaddiema u tisħiħ ta' l-inċentivi biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja, speċjalment fost dawk l-anqas mgħallmin, l-impjegati ta' l-SMEs u ħaddiema aktar avvanzati fl-età;

tkomplija tal-modernizzazzjoni tas-sistema binarja; tnaqqis tal-ħruġ kmieni mis-sistema edukattiva.

IL-GREĊJA

Għalkemm dan l-aħħar, il-ħolqien tax-xogħol kiber, il-Greċja xorta għad għandha l-inqas rata ta' impjiegi fl-UE, b'mod partikolari għan-nisa, u qgħad għoli iżda li qiegħed jonqos. Ix-xogħol mhux dikjarat huwa sostanzjali. Il-produttività fix-xogħol żdiedet b'mod sinifikanti iżda xorta għadha f'livelli baxxi. Il-parteċipazzjoni ta' l-adulti fit-taħriġ għadha b'mod partikolari baxxa, speċjalment meta tikkunsidra l-livell edukattiv baxx tal-popolazzjoni li tista' taħdem. Fl-aħħar snin, żieda fl-immigrazzjoni ikkontribwixxiet għall-ammont tal-ħaddiema.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Greċja għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

implimentazzjoni bis-sħiħ tal-pakkett ta' riformi li sar qbil fuqu dwar is-suq tax-xogħol; żieda aktar ta' l-attrazzjoni lejn ix-xogħol part-time u l-iżvilupp ta' aġenziji għat-tiftix ta' xogħol temporanju biex tiżdied id-diversità ta' l-arranġamenti dwar ix-xogħol;

tnaqqis fl-ispiża mhux salarjali tar-riżorsi umani waqt li tiġi ssalvagwardjata l-konsolidazzjoni ta' l-estimi; aktar sforzi biex jiġi trasformat ix-xogħol mhux dikajarat f'impieg regorali biż-żieda ta' l-attrazzjoni lejn kuntratti standard u mhux-standard lil impjegati u nies li jħaddmu u t-tisħiħ ta' l-infurzar tal-liġi;

ħolqien ta' ambjent aktar favorevoli għan-negozju.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

azzjoni aktar b'saħħitha biex jiżdiedu l-livell u l-effettività tal-linji politiċi attivi dwar is-suq tax-xogħol sabiex tkun koperta parti akbar minn dawk li mhumiex attivi jew li huma qiegħda;

żvilupp aktar malajr ta' servizzi għax-xogħol effiċjenti li joffru servizzi ta' prevenzjoni u personalizzati mal-pajjiż kollu;

żieda aktar fl-inċentivi għan-nisa biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, anke permezz ta' xogħol part-time; aktar disponibbiltà u konvenjenza fil-prezz tal-faċilitajiet għat-tfal u dipendenti oħrajn;

definizzjoni ta' strateġija komprensiva għal anzjanità attiva li tipprovdi arranġamenti flessibbli għal xogħol, inċentivi biex tinkorraġixxi ħaddiema aktar avvanzati fl-età biex jibqgħu jaħdmu aktar fit-tul u li tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp ta' l-abbiltajiet.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

tnaqqis fit-tluq kmieni mill-iskejjel u tisħiħ tar-rilevanza ta' l-edukazzjoni terzjarja fis-suq tax-xogħol;

reviżjoni ta' l-inċentivi li jippromovu tagħlim tul il-ħajja u tiżdid tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ, b'mod partikolari fost dawk l-inqas imħarrġa u l-immigranti.

SPANJA

Bejn l-1997 u l-2002, Spanja kellha l-aktar rata għolja ta' żieda fl-impjiegi u l-ogħla tnaqqis fir-rata ta' nuqqas ta' impjiegi fost l-Istati Membri. Madankollu, il-qgħad xorta jibqa' sew 'il fuq mill-medja ta' l-UE, waqt li r-rata ta' l-impjiegi għadha baxxa. B'differenzi kbar bejn reġjuni differenti, it-trattament tad-differenzi reġjonali jibqa' prijorità. Il-parteċipazzjoni femminili u r-rata ta' nies avvanzati fl-età li huma impjegati għadhom baxxi. Barra minn hekk, numru mdaqqas ta' nies (madwar terz tal-ħaddiema kollha) għadu impjegat skond kuntratti fissi. Il-produttività fix-xogħol għadha f'livelli baxxi. Il-livell edukattiv b'mod ġenerali u l-parteċipazzjoni ta' l-adulti fit-taħriġ għadhom baxxi wkoll. Fl-aħħar snin, iż-żieda fl-immigrazzjoni ikkontribwixxiet biex ikun hemm aktar min jaħdem.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li Spanja għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

promozzjoni tal-modernizzazzjoni ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol biex jissaħħu l-produttività u l-kwalità tax-xogħol;

reviżjoni ta' l-istruttura regolatorja biex il-kuntratti permanenti jsiru aktar attraenti għal min iħaddem u sabiex ikun skoraġġut l-użu ta' kuntratti fissi sabiex titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol; titjib fl-attrazzjoni lejn ix-xogħol temporanju ta' l-aġenziji għall-ħaddiema; tneħħija ta' l-ostakli għax-xogħol part-time;

l-użu tal-possibbiltajiet ta' differenzi fil-paga skond il-livelli fl-iżviluppi lokali, reġjonali u settorjali fil-produttività (ara l-linja gwida 5 tal-Linji Gwida Ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u tal-Komunità).

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

inċentivi akbar għan-nisa biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol; titjib fid-disponibbiltà u fil-prezzijiet għal faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal jew dipendenti oħra;

aċcess akbar u effiċjenza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol għall-iżvantaġġati, nies b'diżabbiltà, immigranti u dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil; tkomplija tal-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, inkluża s-sistema ta' monitoraġġ statistiku; tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn is-servizzi għall-impjiegi reġjonali; u trattament ta' l-ostakli preżenti għall-mobbiltà ġeografika;

definizzjoni ta' strateġija komprensiva għall-avvanzar attiv fl-età bil-proviżjoni ta' arranġamenti flessibbli tax-xogħol, inċentivi biex tinkoraġġixxi ħaddiema aktar anzjani biex jibqgħu aktar jaħdmu u jitħarrġu.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

tnaqqis fit-tluq kmieni mill-iskejjel, u jiġu żgurati l-kwalità u r-rilevanza, għas-suq tax-xogħol, ta' l-edukazzjoni terzjarja;

tisħiħ ta' l-inċentivi għal tagħlim tul il-ħajja kollha biex tiżdied il-parteċipazzjoni, b'mod partikolari f'dawk bl-inqas ħila.

FRANZA

Fi Franza, ir-rata ġenerali ta' l-impjiegi hija taħt il-medja ta' l-EU. Ir-rata ta' l-impjiegi għal ħaddiema avvanzati fl-età (55-64) hija waħda mill-iktar baxxi fl-UE. Il-qgħad naqas sewwa bejn l-1997 u l-2000 iżda beda jerġa' jogħla mat-tnaqqis ekonomiku. Il-qgħad jibqa' fost l-ogħla fl-UE u huwa b'mod partikolari għoli fost iż-żgħażagħ (15-24). Ir-rata ta' impjiegi fir-rigward ta' nies mhux ċittadini hija notevolment baxxa, speċjalment għan-nisa. Is-sehem ta' kuntratti fissi tkompli taqbeż il-medja ta' l-UE 15, waqt li l-parteċipazzjoni ta' l-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ hija kemmxejn taħt il-medja.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li Franza għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

faċilitazzjoni tat-transizzjoni ta' nies impjegati b'kuntratti fissi għal kuntratti permanenti biex tkun evitata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u jiżdiedu l-opportunitajiet biex persuna tibqa' u timxi 'l quddiem fis-suq tax-xogħol;

żvilupp ta' sistema aktar effettiva ta' antiċipazzjoni u ta' maniġġ tar-ristrutturazzjoni;

ħolqien ta' ambjent idoneu għan-negozju għall-żvilupp ta' SMEs u monitoraġġ tal-progress fit-tiżjid tan-numru ta' negozji ġodda;

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

monitoraġġ ta' l-impatt tar-riforma fil-pensjoni fuq l-età ta' l-irtirar mix-xogħol u żvilupp ta' strateġija komprensiva għal anzjanità attiva biex jinżammu aktar ħaddiema avvanzati fl-età fid-dinja tax-xogħol bl-adattament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, aċċess akbar għat-taħriġ u determinazzjoni akbar sabiex jitnaqqsu l-iskemi ta' irtirar kmieni;

titjib fil-koordinazzjoni bejn is-servizzi għall-impjiegi biex jissaħħaħ l-għoti ta' servizzi individwalizzati; ħolqien ta' aċċessi effettivi għax-xogħol u għat-taħriġ għal żgħażagħ qiegħda u għall-immigranti, speċjalment in-nisa;

evalwazzjoni xierqa tar-riforma riċenti tas-sistema assikurattiva għal min huwa bla xogħol u jiġi żgurat li din tkun akkumpanjata b'rekwiżiti xierqa u tiftix effettiv għax-xogħol.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

jiġi żgurat li l-ftehim bejn il-partijiet soċjali dwar it-taħriġ vokazzjonali u l-liġi dwar it-taħriġ tul il-ħajja tax-xogħol jirriżultaw f'żieda fil-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni fit-taħriġ, b'attenzjoni partikolari għal dawk bl-inqas ħila u lill-ħaddiema fl-SMEs.

tnaqqis fit-tluq kmieni mill-iskejjel; faċilitazzjoni u inkoraġġiment ta' aċcess usa' u aktar faċli għall-apprendistati.

L-IRLANDA

L-Irlanda għamlet progress impressjonanti f'termini ta' impjiegi u titjib fil-produttività sa mill-1997. Ir-rata totali ta' impjiegi żdiedet minn 56,1 % għal 65,3 % waqt li l-qgħad niżel kważi b'żewġ terzi u l-qgħad fuq perijodu ta' żmien fit-tul naqas minn 5,6 % għal 1,3 %. Il-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol tjiebet, iżda xorta għad hemm differenza sinifikanti bejn ir-rati ta' l-impieg għan-nisa u għall-irġiel, kif ukoll differenza kbira salarjali bejn is-sessi. In-nuqqas ta' impjegati għadha problema għalkemm qiegħda tonqos biż-żieda fl-immigrazzjoni. Element importanti fis-suċcess ta' l-Irlanda huwa l-kapaċità tagħha li tiġbed lejha investiment barrani. Is-sħubija soċjali, is-sistema tat-taxxa tagħha, l-ambjent regolatorju tajjeb u l-investiment fir-riżorsi umani huma wkoll fatturi ewlenin.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Irlanda għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

titjib fl-aċcess għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol għal sehem akbar ta' dawk qiegħda u l-parti mhux attiva tal-popolazzjoni u tiġi żgurata l-effikaċja tagħhom;

tiżdid ta' l-ammont ta' faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal u li dawn isiru finanzjarjament aktar aċċessibbli u azzjoni immedjata biex tingħeleb id-differenza salarjali bejn is-sessi.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

implimentazzjoni ta' strateġija koerenti għal edukazzjoni tul il-ħajja li tnaqqas it-tluq kmieni mill-iskejjel u żżid il-parteċipazzjoni fit-taħriġ, speċjalment għal dawk l-inqas imħarrġa u dawk avvanzati fl-età.

L-ITALJA

Minkejja kondizzjonijiet ekonomiċi dgħajfin, iż-żieda fl-impjiegi xorta għadha pożittiva u kompliet sejra 'l quddiem mill-1997 'l hawn. Madankollu, ir-rata ta' impjiegi għadha waħda mill-aktar baxxi fl-UE. Il-parteċipazzjoni tan-nisa u r-rata ta' impjiegi tal-ħaddiema aktar avvazati fl-età għadhom fost l-aktar baxxi fl-UE 25. Il-qgħad naqas fil-perijodu riċenti, iżda għadu fuq il-medja ta' l-UE 15. B'qgħad ta' madwar 5 % fiċ-ċentru-tramuntana, meta mqabbel ma' 18 % fin-nofsinhar, miżuri ġodda kontra d-differenzi reġjonali huma prijorità. Ix-xogħol mhux dikjarat għadu partikolarment sinifikanti, anke jekk is-sitwazzjoni ta' l-impieg ta' 700,000 immigrant ġiet regolarizzata. Il-livelli ġenerali ta' l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni fit-taħriġ għadhom b'mod partikolari baxxi.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Italja għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Monitoraġġ mill-qrib tar-riformi regolatorji mmirat biex inaqqas l-iżbilanċ bejn il-kuntratti permanenti u mhux-permanenti u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol; titjib tal-livell, tal-kopertura u ta' l-effettività ta' l-assigurazzjoni għal dawk qiegħda;

Tkomplja tat-tnaqqis fl-ispejjeż mhux salarjali, speċjalment għal dawk l-inqas imħallsin, biex tiġi ssalvagwardjata l-konsolidazzjoni ta' l-estimi; aktar sforzi biex jiġi ttrasformat ix-xogħol mhux dikajarat f'impieg regolari billi jitneħħew disinċentivi ta' taxxa u jitjieb l-infurzar tal-liġi;

Inkoraġġiment tas-sħab soċjali biex jirrevedu s-sistemi ta' nnegozjar tal-pagi biex jikkunsidraw id-differenzi reġjonali fis-suq tax-xogħol (ara l-linja gwida 5 tal-Linji Gwida Ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u tal-Komunità).

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

jiġi żgurat li l-iżvilupp, bil-koperazzjoni ta' l-awtoritajiet reġjonali, ta' servizzi effettivi għall-impjiegi fil-pajjiż kollu u l-implimentazzjoni ta' partnership bejn l-operaturi pubbliċi u privati; tiżjid ta' l-aċcess għal servizzi personalizzati effiċjenti u parteċipazzjoni fi skemi attivi tas-suq tax-xogħol, speċjalment fin-nofsinhar; attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni taż-żgħar, dawk żvantaġġjati u dawk l-inqas imħarrġa; implimentazzjoni ta' sistema ta' data kompjuterizzata dwar is-suq tax-xogħol nazzjonali mingħajr aktar dewmien;

tiżjid ta' l-aċċess u ta' l-konvenjenza fil-prezzijiet ta' faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal, speċjalment taħt it-tliet snin, u dipendenti oħrajn għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol;

żvilupp ta' l-istrateġija għal anzjanità aktar attiva, u jiġi żgurat li r-riformi li għandhom isiru jipprovdu inċentivi adegwati biex iżommu lill-ħaddiema aktar fix-xogħol u jiskoraġġixxu l-irtirar kmieni.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

monitoraġġ ta' riformi riċenti sabiex jiżgura li dawn jgħollu l-livell edukattiv tal-ħaddiema, inaqqsu t-tluq kmieni mill-iskejjel u jżidu r-rilevanza fis-suq tax-xogħol ta' l-edukazzjoni terzjarja biex tgħin fid-dħul fid-dinja tax-xogħol.

inċentivi effettivi għal tagħlim tul il-ħajja u, flimkien mas-Sħab Soċjali, tiżjid fil-parteċipazzjoni fit-taħriġ, b'mod partikolari għal dawk l-inqas imħarrġa, permezz – inter alia – ta' l-iżvilupp effettiv ta' fondi inter-professjonali.

IL-LUSSEMBURGU

Fil-Lussemburgu ir-rata ta' impjiegi hija qrib il-medja ta' l-UE iżda xorta għadha taħt il-mira ta' l-UE. Il-qgħad għadu baxx u r-rata tal-qgħad fit-tul huwa wieħed mill-aktar baxx fl-UE.

Madankollu, l-isplużjoni ekonomika lejn it-tmiem tad-disgħinijiet ma wasslitx għal żieda fl-impjiegi fl-oqsma kollha. Impjiegi ġodda ttieħdu b'mod partikolari minn ħaddiema li jaqsmu l-fruntiera u min-nisa, waqt li x-xogħol għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età baqa' baxx. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ għadha taħt il-medja ta' l-UE 15.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Lussemburgu għandu jagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

appoġġ għall-iżvilupp ta' negozji ġodda u promozzjoni tat-taħriġ fin-negozju biex jiġu nkoraġġuti sorsi alternattivi ta' ħolqien ta' xogħol;

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

żvilupp ta' stratetija komprensiva għal avvanzar fl-età attiv, speċjalment fis-settur privat u tisħiħ ta' l-inizjattivi riċenti sabiex il-ħaddiema jinżammu aktar fl-impieg bid-determinazzjoni li jiġu mnaqqsa l-iskemi ta' irtirar kmieni;

promozzjoni ta' soluzzjonijiet relatati max-xogħol għal nies, koperti bi skema ta' diżabbiltà, li jistgħu jaħdmu;

titjib fis-servizzi li jiffaċilitaw rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata, u l-inkoraġiment tan-nisa biex jirritornaw għax-xogħol wara perjodi twal barra s-suq tax-xogħol; azzjoni li titratta l-kawżi tad-differenzi salarjali bejn is-sessi.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

implimentazzjoni effettiva ta' l-istruttura legali dwar it-taħriġ kontinwu sabiex jissaħħu l-inċentivi għal tagħlim tul il-ħajja u tiżjid tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ, speċjalment għal dawk l-inqas imħarrġa;

reviżjoni tas-sistema ta' tagħlim tul il-ħajja biex tinkiseb aktar koerenza bejn is-sistemi edukattivi u ta' taħriġ u jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskejjel.

L-OLANDA

Filwaqt li r-rati ta' l-impieg kemm għan-nisa kif ukoll għal-irġiel jaqbżu sewwa l-miri ta' Lisbona, ir-rata ta' impjiegi fost l-immigranti għadha baxxa. Is-suq tax-xogħol huwa kkaratterizzat minn livell eċċezzjonalment għoli ta' xogħol part-time (madwar 44 % tal-ħaddiema kollha), u numru għoli ta' nies li jieħdu benefiċcji għad-diżabbiltà. Ir-rata ta' impieg fost il-ħaddiema avvanzati fl-età taqbeż il-medja ta' l-UE iżda għadha sewwa taħt il-mira ta' l-UE. Il-qgħad żdied sewwa fl-2001, għalkemm għadu fost l-aktar baxx fl-UE. Fil-ħarifa ta' l-2003, il-gvern u s-sħab soċjali iffirmaw ftehim li, fost affarijiet oħrajn, jinkludi l-iffriżar fl-iżvilupp tal-pagi fl-2004 u 2005.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Olanda għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

implimentazzjoni u monitoraġġ mill-qrib ta' l-iżviluppi fil-pagi skond il-“Ftehim tal-Ħarifa” bejn il-gvern u s-sħab soċjali (ara l-linja gwida 5 tal-Linji Gwida Ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u tal-Komunità).

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

stħarriġ sistematiku dwar l-abbiltà għax-xogħol ta' nies li jirċievu benefiċċju tad-diżabbiltà u assistenza għal dawk, li huma kapaċi jaħdmu, biex jippreparaw għal u jsibu xogħol xieraq; attenzjoni speċjali lil gruppi sopra-rappreżentati fl-iskema tad-diżabbiltà bħal nisa taħt l-40 sena;

tisħih tal-metodu ta' prevenzjoni għall-adulti; tiżjid ta' l-effettività ta' u l-aċcess għal miżuri effettivi għal riċevituri ta' benefiċċji soċjali u dawk bl-akbar riskju ta' inattività; faċilitazzjoni ta' l-integrazzjoni ta' l-immigranti;

kombinazzjoni tat-tneħħija ta' skemi ta' irtirar kmieni ma' inċentivi biex il-ħaddiema jinżammu aktar fix-xogħol u t-taħriġ, b'mod partikolari għal ħaddiema avvanzati fl-età l-anqas imħarrġin;

faċilitazzjoni tat-transizzjoni bejn ix-xogħol part-time u full-time; azzjoni urġenti biex jiġu ndirizzati l-kawżi tad-differenza salarjali bejn is-sessi; titjib fil-konvenjenza tal-prezzijiet l-aċċess għal postijiet li jieħdu ħsieb it-tfal.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

azzjoni biex tnaqqas it-tluq kmieni mill-iskejjel; tisħiħ ta' l-inċentivi ta' żvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja u tiżjid tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ, speċjalment għal dawk l-inqas imħarrġa u dawk li mhumiex attivi.

L-AWSTRIJA

L-Awstrija laħqet livell għoli ta' impjiegi b'mod ġenerali, u rata għolja fl-impieg tan-nisa, skond il-miri ta' Lisbona. In-nuqqas ta' xogħol huwa fost l-inqas fl-UE. Il-partnership soċjali għandu parti importanti fl-organizzazzjoni tal-modernizzazzjoni tax-xogħol, fit-titjib tal-leġislazzjoni dwar ix-xogħol u fit-tkomplija ta' żviluppi sodisfaċenti fil-pagi. Ir-rata ta' impieg għal ħaddiema avvanzati fl-età, Madankollu, hija b'mod partikolari baxxa. Iż-żieda fl-impjiegi naqset u l-qgħad beda jiżdied. Il-parteċipazzjoni ta' l-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ hija taħt il-medja ta' l-UE. Id-differenza salarjali bejn is-sessi għadha fost l-ogħla fl-UE.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Awstrija għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

monitoraġġ u, jekk huwa meħtieġ, komplimentazzjoni tar-riformi fil-leġislazzjoni dwar il-ħlas ta' l-impjegati mal-waqfien mix-xogħol u progress fl-implimentazzjoni ippjanata tad-dritt għal benefiċċju għal nuqqas ta' xogħol għal dawk li jaħdmu għal rashom biex jiżdiedu l-livelli tal-mobbiltà okkupazzjonali;

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

żvilupp ta' strateġija komprensiva għal anzjanità attiva, inkluża t-tneħħija ta' skemi ta' irtirar kmieni, u t-twessigħ ta' l-inċentivi biex jinżammu ħaddiema aktar anzjani fix-xogħol, speċjalment nisa avvanzati fl-età; monitoraġġ ta' l-impatt tar-reviżjoni tas-sistema tal-pensjoni fuq l-età effettiva tal-ħruġ u progress lejn il-miri nazzjonali;

azzjoni li tindirizza l-kawżi tad-differenza salarjali bejn is-sessi; tiżjid tal-preżenza u tal-konvenjenza tal-prezzijiet tal-faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal u stima ta' l-impatt ta' l-iskema preżenti ta' l-allowance tat-tfal fuq il-livell u l-kwalità tax-xogħol tan-nisa.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

reviżjoni ta' inċentivi biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-taħriġ, speċjalment għal dawk l-inqas imħarrġa u għall-immigranti;

IL-PORTUGALL

Il-Portugall qiegħed qrib biex jilħaq il-mira ta' Lisbona dwar l-impjiegi b'mod ġenerali u jaqbeż bi ftit il-miri dwar l-impjiegi għan-nisa u għall-ħaddiema avvanzati fl-età. It-tnaqqis ekonomiku riċenti wassal biex żdied in-nuqqas ta' xogħol, għalkemm dan għadu f'livelli relattivament baxxi meta mqabbel ma' l-UE. Il-livelli tal-produttività, il-livelli ġenerali fl-edukazzjoni u l-aċċess għal taħriġ għadhom b'mod partikolari baxxi. Barra minn hekk, numru mdaqqas ta' nies (madwar 20 %) huma impjegati b'kuntratti b'terminu fiss. Fl-aħħar snin, żieda fl-immigrazzjoni ikkontribwixxiet fin-numru tal-ħaddiema.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Portugall għandu jagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

promozzjoni tal-modernizzazzjoni ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol biex tissaħħaħ il-produttività u l-kwalità tax-xogħol;

aktar żvilupp abbażi tal-Kodiċi tax-Xogħol il-ġdid, il-kisba ta' kuntratti permanenti aktar attraenti għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati, u passi kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol;

żvilupp ta' sistema aktar effettiva ta' antiċipazzjoni u ta' mmaniġġ tar-ristrutturazzjoni.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

tisħiħ tal-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol għal dawk bla xogħol u għal dawk mhux attivi u tiġi żgurata l-effiċjenza tagħhom; tisħiħ ta' l-isforzi biex jiġu ntegrati l-immigrati;

azzjoni li tindirizza l-kawżi tad-differenza salarjali bejn is-sessi fis-settur privat u tiżjid fil-preżenza u l-konvenjenza tal-prezzijiet għal faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal u dipendenti oħrajn;

żvilupp ta' strateġija komprensiva għall-avvanzar fl-età, inkluż it-tneħħija ta' inċentivi għall-irtirar kmieni, tiżjid ta' l-aċcess għat-taħriġ u l-ħolqien ta' ambjenti xierqa tax-xogħol.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

jiġi żgurat li l-istrateġija nazzjonali għal tagħlim tul il-ħajja tirriżulta effettivament f'titjib fil-livell edukattiv tal-ħaddiema kollha, fit-tisħiħ ta' l-inċentivi għal tagħlim tul il-ħajja u fiż-żieda tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ, b'mod partikolari għal dawk l-inqas imħarrġa;

tnaqqis fit-tluq kmieni mill-iskejjel u tisħiħ tar-rilevanza fis-suq tax-xogħol ta' l-edukazzjoni terzjarja.

IL-FINLANDJA

Il-Finlandja hija qrib ir-rata ġenerali ta' impjiegi u taqbeż il-mira tar-rata ta' l-impjiegi għan-nisa. Hija kisbet żieda għolja fil-parteċipazzjoni ta' ħaddiema avvanzati fl-età fl-aħħar għaxar snin, biex resqet lejn il-mira ta' l-UE f'dan il-qasam. Ir-rata ta' nuqqas ta' impieg hija 'l fuq mill-medja ta' l-UE, u hija b'mod partikolari għolja fost iż-żgħażagħ.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Finlandja għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

tnaqqis ta' l-ispejjeż mhux salarjali għal dawk l-inqas imħallsin waqt li jinżammu sodi l-finanzi pubbliċi;

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

monitoraġġ ta' l-impatt tar-riformi riċenti ta' linji politiċi attivi fis-suq tax-xogħol fuq in-nuqqas ta' xogħol strutturali u fuq id-disparitajiet bejn ir-reġjuni; miżuri speċjali biex tiġi ffaċilitata l-attivazzjoni u l-integrazzjoni ta' żgħażagħ b'diżabbiltà, nies b'diżabbiltà u l-immigranti;

aktar riforma fis-sistemi ta' benefiċċji u tat-taxxa favur it-tneħħija ta' nases tal-qgħad;

tkomplija ta' l-istrateġija nazzjonali għal anzjanità attiva billi jittejbu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-inċentivi u l-għoti ta' taħriġ għal dawk l-inqas imħarrġa u għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

azzjoni biex jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskejjel u jiżdied it-taħriġ għal dawk l-inqas imħarrġa.

L-IŻVEZJA

L-Iżvezja taqbeż il-miri kollha ta' l-UE ta' l-impjiegi inklużi dawk għan-nisa u għall-ħaddiema avvanzati fl-età. It-total tar-rata tan-nies bla xogħol hija ta' madwar 5 %. Għandhom ikomplu l-isforzi biex jiġu evitati nuqqasijiet fis-suq tal-ħaddiema. Minħabba l-popolazzjoni dejjem tikber, se jkun hemm bżonn ta' sosteniment tas-suq tal-ħaddiema bl-isfruttar tar-riżorsi tax-xogħol fost l-immigranti, iż-żgħażagħ u dawk morda fit-tul, u billi jittejbu l-inċentivi għax-xogħol.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li l-Iżvezja għandha tagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

faċilitazzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-SMEs b'mod partikolari billi jitneħħa t-toqol amministrattiv.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

miżuri li jindirizzaw in-numru jikber ta' nies fuq sick-leave fuq perijodu ta' żmien fit-tul bil-promozzjoni ta' soluzzjonijiet marbuta max-xogħol u bit-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol;

eliminazzjoni tal-qgħad li fadal u tan-nases ta' l-inattività;

monitoraġġ mill-qrib tar-riżultati ta' l-azzjonijiet biex jiġu integrati l-immigrati fis-suq tax-xogħol.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

tnaqqis fit-tluq kmieni mill-iskejjel u tiżjid ta' l-aċċess għat-taħriġ għal dawk l-inqas imħarrġa u għal dawk mhux attivi; miżuri li jindirizzaw il-kwistjoni tad-diffikultajiet emerġenti u n-nuqqas ta' kompatibbiltà bejn il-ħaddiem u x-xogħol fis-setturi ta' l-anqas taħriġ u f'dawk ta' taħriġ medju.

IR-RENJU UNIT

Ir-Renju Unit jaqbeż il-miri kollha tar-rata ta' l-impjiegi, inklużi dawk għan-nisa u għall-ħaddiema avvanzati fl-età. Minkejja t-triq tan-niżla li qabdet l-ekonomija globali, ir-rati ta' impieg baqgħu kważi stabbli u l-livelli tal-qgħad huma sewwa taħt il-medja ta' l-UE. Madankollu, hemm konċentrazzjonijiet ta' inattività ekonomika, u sa ċertu punt, iżda inqas, ta' qgħad, li għadhom jippersistu f'ċerti komunitajiet u fost gruppi partikolari. Il-livelli ta' produttività, speċjalment kif espressi f'xogħol fis-siegħa, għadhom komparattivament baxxi. Dan huwa parzjalment l-effett tal-prevalenza tan-nuqqas ta' taħriġ fost il-ħaddiema, inkluża l-insuffiċjenza fit-taħriġ bażiku. Id-differenza salarjali bejn is-sessi hija waħda mill-akbar fl-UE.

L-istima tat-Taskforce dwar l-Impjiegi u l-analiżi fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta' l-UE u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 juru li r-Renju Unit għandu jagħti prijorità immedjata lil:

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

jiġi żgurat li t-titjib fil-pagi ma jaqbiżx l-iżviluppi fil-produttività (ara l-linja gwida 3 tal-Linji Gwida Ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u tal-Komunità).

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

jiġi żgurat li l-linji politiċi attivi fis-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' benefiċjenza jipprevjenu d-deterorjazzjoni fl-abbiltajiet u jippromovu l-kwalità tax-xogħol, billi jippromovu inċentivi għax-xogħol u jappoġġaw l-integrazzjoni sostenibbli u l-progress fis-suq tax-xogħol ta' dawk inattivi u bla impieg; miżuri li jindirizzaw in-numru dejjem jiżdied ta' nies li qegħdin jitolbu benefiċċji għall-mard jew għad-diżabbiltà, u attenzjoni partikolari għal dawk li huma ġenitur wieħed u nies li jgħixu f'naħat deprivati;

titjib fl-aċċess għal u fil-konvenjenza tal-prezzijiet tal-kura tat-tfal u tal-kura ta' dipendenti, tiżjid fl-aċċess għat-taħriġ għal nisa mħallsin ftit f'xogħol part-time, u azzjoni immedjata li tindirizza l-kawżi tad-differenza salarjali bejn is-sessi.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali għat-taktir ta' l-abbiltajiet biex jiġu provduti inċentivi aħjar għal tagħlim tul il-ħajja u b'hekk tiżdied il-produttività u l-kwalità tax-xogħol; attenzjoni partikolari għat-titjib fl-alfabetizzazzjoni u fit-tagħlim tal-kalkolu numeriku fost il-ħaddiema, għall-parteċipazzjoni u r-riżultati ta' dawk bejn is-16 u d-19-il sena, u ħaddiema li huma l-inqas imħarrġa, speċjalment dawk f'xogħlijiet imħallsin ftit.

PRIJORITAJIET GĦAL STATI MEMBRI ĠODDA

ĊIPRU

Ir-rata ta' impjiegi f'Ċipru hija sewwa 'l fuq mill-medja ta' l-UE 15 u r-rata tal-qgħad hija baxxa. Is-sehem tal-ħaddiema barranin, li ħafna drabi huma impjegati temporanjament, żdied b'mod sinifikattiv matul is-snin minħabba l-ħtiġijiet tas-suq.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Sfida partikolari għal Ċipru hija li jżid il-kapaċitajiet innovattivi u li jiddiversifika s-settur tas-servizzi.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

Waqt li l-parteċipazzjoni femminili hija 'l fuq mill-medja ta' l-UE, jista' jsir aktar biex jingħelbu d-differenzi bejn is-sessi. Il-miżuri għandhom jinkludu titjib fiċ-ċentri li joffru kura, it-tiżjid tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-taħriġ u t-tiżjid ta' l-attrazzjoni lejn xogħol part-time.

Ħaddiema barranin li jiġu Ċipru fuq bażi temporanja jikkostitwixxu parti kbira mill-popolazzjoni tal-ħaddiema. Hemm għalhekk każ għal reviżjoni tal-linji politiċi fir-rigward ta' l-impieg ta' ħaddiema barranin, kemm f'termini tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol kif ukoll fid-drittijiet u l-opportunitajiet għal ħaddiema immigrati.

Il-miżuri ta' prevenzjoni u attivi fis-suq tax-xogħol għandhom jissaħħu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet individwali u jkopru numru akbar ta' nies qiegħda u diżabbli, dawk avvanzati fl-età li qegħdin ifittxu x-xogħol u n-nisa. It-tisħiħ u l-immodernizzar tas-servizzi pubbliċi għat-tiftix ta' l-impjiegi huma wkoll prijoritajiet.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Filwaqt li jibni fuq ir-riorganizzazzjoni edukattiva li bdiet fl-2000, Ċipru għandu bżonn jiżviluppa strateġija nazzjonali komprensiva għat-tagħlim tul il-ħajja. Din għandha tikkontribwixxi biex tnaqqas in-numru ta' dawk li jitilqu mill-iskejjel, ittejjeb il-ħoloq bejn l-edukazzjoni inizjali u t-taħriġ kontinwu u tassigura parteċipazzjoni akbar fit-taħriġ.

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

Ir-rata ta' impjiegi fir-Repubblika Ċeka hija kemmxejn 'il fuq mill-medja ta' l-UE 25. Il-qgħad huwa madwar il-medja ta' l-UE 25 iżda ilu jiżdied bil-mod sa min-nofs tad-disgħinijiet. Ir-rata ta' impieg ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età hija qrib il-medja ta' l-UE iżda baxxa, b'mod partikolari għan-nisa, meta tikkunsidra l-irtirar kmieni statutorju. Huma importanti li-żbilanċi statutorji.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Waqt li ssegwi l-istrateġija tagħha għal tkabbir ekonomiku u tkabbir fl-impjiegi, ir-Repubblika Ċeka għandha bżonn tassigura li l-iżviluppi fil-pagi jibqgħu konformi ma' żviluppi fil-produttività.

Il-piż relattivament tqil tat-taxxa fuq id-dħul mix-xogħol u l-ispejjeż mhux salarjali tar-riżorsi umani jżommu lura l-ħolqien ta' l-impjiegi u kompetittivament jeskludu r-riżorsi umani ta' abbiltajiet baxxi 'l barra mis-suq tax-xogħol lejn is-sistemi tal-welfare u/jew xogħol mhux dikjarat. Riforma koerenti tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji għandha għalhekk tiskoraġġixxi aktar id-dipendenza fuq il-welfare u tassigura li x-xogħol regolari jħallas.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

Għalkemm 'il fuq mill-medja ta' l-UE, it-titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa u ta' dawk avvanzati fl-età għandha tkun prijorità. F'dan ir-rigward, inċentivi li jsaħħu x-xogħol part-time jistgħu jagħtu kontribuzzjoni importanti.

Jinħtieġu bosta sforzi biex jiġu integrati il-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol. Dan huwa b'mod partikolari meħtieġ fir-reġjuni li ma humiex Praga u għall-popolazzjoni tar-Roma. Dan jitlob miżuri preventivi u attivi fis-suq tax-xogħol, kombinati ma' miżuri kontra d-diskriminazzjoni, b'enfasi qawwija fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-appoġġ lil min huwa intraprendenti u fuq il-ħolqien tax-xogħlijiet. Il-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi għat-tiftix ta' l-impjiegi għandha tkun prijorità.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Billi tibni fuq l-istrateġija riċenti għall-iżvilupp tar-risorsi umani, iż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja u fit-taħriġ, kemm ġeneralment kif ukoll għal dawk l-inqas imħarrġa, hija kruċjali biex jibqa' jkun hemm il-ħolqien tax-xogħol u biex tiġi megħjuna l-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika.

L-ESTONJA

Ir-rata ta' impjiegi fl-Estonja hija kemmxejn taħt il-medja ta' l-UE 15. Ir-rata tal-qgħad naqset matul is-snin iżda għadha ogħla mill-medja ta' l-UE. Barra minn hekk, hija kbira dik il-parti li tikkonsisti f'dawk li ilhom żmien twil qiegħda. L-Estonja hija mistennija li tintlaqat sewwa min-nuqqas fil-popolazzjoni ta' l-età tax-xogħol bħala riżultat tat-tibdil demografiku.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

It-tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq ir-risorsi umani, speċjalment fuq dawk li jaqilgħu l-inqas, u l-promozzjoni tad-diversità kontrattwali u fil-ħin tax-xogħol jistgħu jikkontribwixxu biex jinħolqu iktar opportunitajiet ta' xogħol. Dan għandu jkun akkumpanjat bi sforzi biex titjieb is-sistema tat-taxxa u biex ix-xogħol mhux dikjarat jinbidel f'xogħol regolari. Huwa importanti wkoll li żviluppi fil-pagi jibqgħu jimxu ma' żviluppi fil-produttività.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

Fid-dawl tad-deklin kontinwu tal-popolazzjoni tal-ħaddiema tagħha, l-Estonja għandha tfittex li tnaqqas il-livell ta' inattività u li żżomm u tattira aktar nies fis-suq tax-xogħol. Għall-Estonja jibqa' essenzjali li żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa, ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età u ta' dawk l-inqas imħarrġa.

Sabiex jiġi kkumplimentat l-Att dwar l-Assigurazzjoni Kontra l-Qgħad, jidher li huwa importanti li tissaħħaħ il-miżura attiva fis-suq tax-xogħol sabiex tgħin fit-tiftix attiv għax-xogħol, tipprovdi aċċess akbar għat-taħriġ għal dawk qiegħda u tassigura li s-suq tax-xogħol isir aktar inklussiv. Is-servizzi pubbliċi għat-tiftix ta' l-impjiegi għandhom jibbenefikaw wkoll minn aktar risorsi. Nies żvantaġġati, bħal dawk li ilhom żmien qiegħda, żgħażagħ, id-diżabbli u dawk avvanzati fl-età li qegħdin ifittxu x-xogħol, għandhom bżonn ta' attenzjoni speċjali. L-appartenenza għal minorità etnika u n-nuqqas tat-tagħrif tal-lingwa nazzjonali huma fatturi partikolarment riskjużi.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Waqt li jittieħed kont tar-riskju ta' nuqqas ta' idoneità, l-Estonja għandha tinkoraġġixxi l-aċċess għal taħriġ għall-impjegati kollha, speċjalment għal dawk bl-inqas taħriġ. It-tnaqqis tan-numru ta' dawk li jitilqu prematurment mill-iskejjel u l-kisba ta' kwalità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ huma sfida partikolari. Il-bini ta' sistema ta' tagħlim tul il-ħajja għandu jiġi nkluż fil-pjanijiet għal dak li għandu jsir.

L-UNGERIJA

Ir-rata ta' impjiegi fl-Ungerija hija baxxa, b'mod partikolari għal dawk l-inqas imħarrġa, għal dawk żvantaġġjati, għan-nisa u għall-ħaddiema avvanzati fl-età. Fl-istess waqt, il-qgħad għadu jinsab ferm taħt il-medja ta' l-UE 25. Dan jista' jiġi spjegat minħabba rata baxxa ta' parteċipazzjoni, jiġifieri popolazzjoni, ta' l-età tax-xogħol, kbira li hija inattiva. Hemm żbilanċi sostanzjali fis-suq tax-xogħol bejn ir-reġjuni taċ-ċentru u tal-punent, fejn hija kkonċentrata ’l-ekonomija moderna’, u l-kumplament tal-pajjiż. Il-mobbiltà reġjonali u settorjali hija baxxa, waqt li bottlenecks ta' postijiet tax-xogħol li jirrikjedu nies imħarrġa jrriflettu kemm nuqqas ta' ħaddiema mħarrġa kif ukoll risposta insuffiċenti mis-sistemi edukattivi u tat-taħriġ għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għadu tqil u jirrappreżenta ostaklu għall-ħolqien tax-xogħol u huwa fattur li x'aktarx jikkontribwixxi għal xogħol mhux dikjarat. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tnaqqis fir-rata tat-takbir ta' l-ekonomija, huma meħtieġa sforzi ulterjuri sabiex, b'ħidma flimkien mas-sħab soċjali, jiġi żgurati aktar żviluppi salarjali li jkattru l-impjiegi. Dawn jingħataw impet mill-aktar parti kompetittiva ta' l-ekonomija u għalhekk mhux neċessarjament se jwasslu biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-ħolqien tax-xogħol fil-partijiet l-aktar dgħajfa ta' l-ekonomija.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

Is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema hija tema ta' tħassib, li tista' parzjalment tispjega n-nuqqas ta' attività. Għal dan il-għan, hemm bżonn ta' politika li tippromovi kondizzjonijiet aħjar tax-xogħol, u ttejjeb is-servizzi tas-saħħa fir-rigward ta' prevenzjoni u ta' kura. Għandhom jiġu segwiti riformi tas-sistema tal-benefiċċji soċjali, inklużi l-benefiċċji għall-mard, bil-għan li x-xogħol isir jirrendi u li jiġi mnaqqas ix-xogħol mhux dikjarat.

Dan għandu jkun akkumpanjat minn żvilupp ta' arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli u allineati mal-ħajja fil-familja, inkluż xogħol part-time attraenti, b'mod partikolari għan-nisa u l-ħaddiema aktar avvanzati fl-età. Huwa wkoll meħtieġ it-tisħiħ ta' miżuri preventivi u attivi fis-suq tax-xogħol għal dawk qiegħda u għal dawk inattivi, speċjalment fir-reġjuni l-aktar żvantaġġjati. Dan ifisser li jrid ikun hemm servizzi pubbliċi moderni għat-tiftix ta' l-impjiegi, bħala appoġġ għall-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika. Jeħtieġ li jsiru sforzi li, filwaqt li jibnu fuq l-Istrateġija Integrazzjonali, itejbu l-prospetti tal-popolazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Għandhom jiġu segwiti sforzi biex jiġu żviluppati strateġiji għal tagħlim tul il-ħajja u għandhom jinkludu miżuri biex jitnaqqas it-tluq prematur mill-iskejjel, biex jiġi promoss l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni universitarja u biex jitwessa l-aċċess għal taħriġ, b'mod partikolari għal dawk l-inqas imħarrġa u żvantaġġati. Huwa importanti li tiżdied l-effiċjenza tas-sistema edukattiva, u tiżdied il-flessibbiltà tagħha sabiex ikun hemm adattament aħjar għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol ta' abbiltajiet.

IL-LITWANJA

Ir-rata ta' impjiegi fil-Litwanja żdiedet ftit dan l-aħħar iżda għadha taħt il-medja ta' l-UE 25. Ir-rata tal-qgħad naqset b'mod sinifikanti iżda għadha sewwa 'l fuq mill-medja ta' l-UE.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Ir-rata komparabbilment baxxa ta' l-impjiegi fis-servizzi hija sfida. Għalkemm saru sforzi biex jitnaqqas il-piż tat-taxxa, xorta għad hemm piż kbir ta' taxxa fuq dawk li l-inqas jaqilgħu, li jostakola l-ħolqien ta' l-impjiegi. Is-sħab soċjali għandhom rwol partikolari fl-antiċipazzjoni u l-akkumpanjament tar-ristrutturazzjoni.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

Filwaqt li jkompli l-bini fuq ir-riforma tas-sistema ta' l-assistenza soċjali u li jsiru sforzi ulterjuri sabiex ix-xogħol iħallas, huwa importanti li jissaħħu l-linji politiċi attivi fis-suq tax-xogħol sabiex jiġu megħjuna l-qiegħda u l-persuni inattivi sabiex dawn jerġgħu jidħlu fl-impieg. Huma prijoritajiet ewlenin l-aċċess akbar għat-taħriġ, l-għajnuna fit-tiftix għax-xogħol, il-mobbiltà okkupazzjonali u l-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi għat-tiftix ta' l-impjiegi.

Għalkemm il-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-ħaddiema avvanzati fl-età hija komparabbilment għolja meta mqabbla mal-medja ta' l-UE, it-tneħħija ta' ostakli għal xogħol part-time tista' tikkontribwixxi biex jiżdiedu aktar il-livelli.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Huma meħtieġa sforzi serji biex jiġi żviluppat it-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari biex tiġi mmodernizzata s-sistema edukattiva, jitnaqqas il-fenomenu tat-tluq prematur mill-iskejjel u tiżdied il-parteċipazzjoni fit-taħriġ, b'mod partikolari għal dawk l-inqas imħarrġa. Il-parteċipazzjoni ta' min iħaddem fit-taħriġ, inkluż il-kontribuzzjoni tagħhom fit-taħriġ vokazzjonali kontinwu għall-impjegati, hija baxxa.

IL-LATVJA

Bl-għajnuna ta' żieda qawwija fir-rata ta' takbir ekonomiku, l-impjiegi fil-Latvja żdiedu tajjeb matul dawn l-aħħar sentejn. Madankollu, ir-rata ġenerali ta' l-impjiegi hija taħt il-medja ta' l-UE 25. Il-qgħad għadu 'l fuq mill-medja ta' l-UE 25 b'varjazzjonijiet reġjonali wesgħin. Fl-istess waqt, jeżistu nuqqas ta' xogħol u nuqqas ta' nies imħarrġa f'Riga.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Għal aktar ħolqien ta' mpjiegi huwa importanti li jkun hemm għajnuna fl-iżvilupp tas-servizzi, speċjalment f'reġjuni żvantaġġjati u li tiġi ndirizzata l-kwistjoni tax-xogħol mhux dikjarat. Id-daqs ta' l-ammont ta' xogħol mhux dikjarat inaqqas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u jwassal għal piż akbar ta' taxxa fuq ix-xogħol.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

Il-kombinazzjoni tal-paga minima mas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji għandhom ikunu isiru attraenti biżżejjed għan-nies sabiex jagħżlu mpjieg fl-ekonomija formali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex in-nisa jkunu mħeġġa jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

Dan jitlob ukoll sforzi akbar biex jiġu żviluppati linji politiċi attivi u preventivi għal dawk li huma qiegħda, b'mod partikolari miżuri li jgħinu fit-tiftix għax-xogħol, fl-intraprendenza, fil-mobbiltà ġeografika u f'aċċess akbar għat-taħriġ. Il-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi għat-tiftix ta' l-impjiegi għandha tiġi kkunsidrata bħala prijorità. Attenzjoni partikolari hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li jkun hemm suq tax-xogħol aktar ġust u inklussiv għaż-żgħażagħ u dawk l-anqas imħarrġa. Huma fatturi ta' riskju partikolari l-appartenenza għal etnija minoritarja u n-nuqqas ta' tagħrif tal-lingwa nazzjonali.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Sfida partikolari hija li jingħelbu d-differenzi fit-taħriġ u n-nuqqas ta' korrispondenza bejn ir-rekwiżiti ta' l-impjiegi u l-abbiltajiet tal-ħaddiema. Jinħtieġu aktar sforzi biex jiżdied l-aċċess għall-edukazzjoni, jonqos it-tluq prematur mill-iskejjel u jiżdied l-aċċess għat-taħriġ, b'mod partikolari għal dawk l-inqas imħarrġa. Dan għandu jkun parti minn strateġija ġenerali għall-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja.

MALTA

Ir-rata ta' mpjiegi f'Malta hija b'mod partikolari baxxa meta mqabbla mal-medja ta' l-UE 15. Ir-rata ta' mpjiegi fir-rigward tal-ħaddiema avvanzati fl-età hija partikolarment baxxa. Ir-rata ta' mpjiegi fir-rigward tan-nisa hija l-inqas fost l-UE 25: terz biss tan-nisa ta' età tax-xogħol jaħdmu. Il-qgħad żdied ftit fl-aħħar sentejn iżda għadu taħt il-medja ta' l-UE 15.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Sfidi partikolari għal Malta huma li tattiva l-programm tagħha ta' privatizzazzjoni waqt li tirrijalloka l-impjegati kif meħtieġ u li progressivament tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. F'dan ir-rigward, ikun importanti li tibni fuq id-disposizzjonijiet ta' l-Att, rivedut, dwar il-Promozzjoni ta' Negozji u li tagħmel monitoraġġ ta' l-impatt tiegħu.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

L-akbar sfida għal Malta hija li żżid in-nies fis-suq tax-xogħol billi żżid ir-rata ta' impjegati nisa. Filwaqt li tibni fuq l-Att, rivedut, li Jirregola l-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg, hemm il-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni femminili fl-ekonomija formali. Iż-żieda f'faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal tagħti kontribuzzjoni sinifikanti.

Riforma tas-sistema tat-taxxa u l-benefiċċi hija wkoll ikkunsidrata prijorità ewlenija, għaliex id-distakk bejn il-paga minima u l-livell tal-benefiċċi huwa rikonoxxut bħala żgħir wisq sabiex jipprovdi inċentiv suffiċenti sabiex persuna titħajjar taqbad taħdem. Din ir-riforma tgħin ukoll sabiex tittrasforma x-xogħol mhux dikjarat f'impieg regolari.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Livelli baxxi edukattivi fost il-ħaddiema u n-nuqqas ta' korrispondenza bejn ir-rekwiżiti ta' l-impjiegi u l-abbiltajiet tal-ħaddiema huma temi ta' tħassib. Ir-rati għolja ta' dawk li jitilqu kmieni mill-iskejjel, ta' l-analfabetiżmu u ta' nies b'abbiltajiet limitati huma partikolarment inkwetanti. It-titjib fil-livelli edukattivi ġenerali, it-tnaqqis tal-fenomenu tat-tluq prematur mill-iskejjel u t-tiżjid tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ, partikolament għal dawk l-inqas imħarrġa, huma prijoritajiet ewlenin. Għandhom jiġu segwiti sforzi sabiex is-sħab soċjali ikunu nklużi fl-iżvilupp ta' approċċ aktar sistematiku lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ.

IL-POLONJA

Ir-rata ta' impjiegi fil-Polonja hija fost l-inqas fl-UE 25. Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol iddeterjorat f'dawn l-aħħar erba' snin. Ir-rati ta' impjiegi fir-rigward tan-nisa, tal-ħaddiema avvanzati fl-età, taż-żgħażagħ u ta' dawk l-inqas imħarrġa huma partikolarment baxxi. Madwar 20 %, ir-rata tal-qgħad hija fl-ogħla livell tagħha sa mill-bidu tat-trasformazzjoni ekonomika, u hija l-ogħla fl-UE 25.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Huma ta' importanza partikolari, speċjalment fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni, miżuri li jkattru ambjent aktar favorevoli għax-xogħol u miżuri biex isostnu l-intrapriża.

Filwaqt li jitkompla l-bini fuq miżuri riċenti biex jitnaqqsu l-ispejjeż tar-riżorsi umani fir-rigward ta' dawk l-inqas imħarrġa u ż-żgħażagħ, jidher li huwa importanti li ssir reviżjoni tas-sistema tal-benefiċċji fiskali biex jiġi ndirizzat il-piż kbir ta' taxxa fuq l-impieg b'mod globali, partikolarment lejn it-tarf l-aktar baxx tas-skala salarjali. Dan jikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqas ix-xogħol mhux dikjarat.

Is-sħab soċjali għandhom rwol bażilari mhux biss biex isostnu żviluppi salarjali li jinkoraġixxu d-dħul fid-dinja tax-xogħol iżda wkoll biex jippromovu b'mod attiv il-bidla f'livell ta' intrapriża u biex jiffaċilitaw il-mobbiltà fix-xogħol.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Bħala parti mill-isforz biex jinbnew relazzjonijiet ta' sħubija effettivi għall-impjiegi fuq livell lokali u biex jiġu żviluppati linji politiċi attivi għas-suq tax-xogħol, il-Polonja għandha taċċellera t-twaqqif ta' servizzi ġodda pubbliċi għat-tiftix ta' l-impjiegi, b'riżorsi suffiċjenti fir-rigward ta' finanzjament, ta' numru ta' persunal, ta' taħriġ u ta' tagħmir.

Huwa importanti wkoll li titkompla r-riforma tas-sistemi differenti tal-benefiċċji inklużi l-benefiċċji għad-diżabbiltà u l-assistenza soċjali b'enfasi fuq il-promozzjoni ta' tiftix attiv għax-xogħol u għar-ri-integrazzjoni. Jeħtieġu attenzjoni partikolari iż-żgħażagħ żvantaġġati. Sforzi biex jitneħħew ostakli għal xogħol part-time jikkontribwixxu wkoll biex jiżdiedu l-opportunitajiet tax-xogħol għan-nisa u għall-ħaddiema li huma aktar avvanzati fl-età.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Filwaqt li jkompli l-bini fuq l-isforzi biex tiġi żviluppata strateġija koerenti għal tagħlim tul il-ħajja, ikun importanti li jiġi żgurat li s-sistema edukattiva u ta' taħriġ tipprovdi lil dawk li deħlin fis-suq tax-xogħol bl-abbiltajiet meħtieġa f'suq tax-xogħol karatterizzat minn tibdil strutturali. Attenzjoni partikolari tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-edukazzjoni u sabiex tittejjeb l-effiċjenza u l-kwalità ta' l-edukazzjoni. Inċentivi akbar għall-investiment fit-taħriġ u biex jiġi ffaċċilitat l-aċċess għat-taħriġ, kif ukoll l-impenn ta' l-isħab soċjali, huma rewiżiti essenzjali għall-iżvilupp ta' strateġija għal tagħlim tul il-ħajja..

IS-SLOVENJA

Ir-rata ta' impjiegi fis-Slovenja hija kemmxejn 'l isfel mill-medja fl-UE 25, iżda hija b'mod partikolari baxxa għal ħaddiema avvanzati fl-età. Ir-rata tal-qgħad hija sewwa taħt il-medja ta' l-UE.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

L-interazzjoni bejn il-paga minima u l-komponenti differenti tal-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għandha tiġi eżaminata biex tiżdied l-attività u jitnaqqas ix-xogħol mhux dikjarat. Huwa importanti li jkomplu l-isforzi biex jiġu promossi forom flessibbli ta' xogħol waqt li jinżamm il-bilanċ xieraq bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

It-tiżjid ta' l-impieg tan-nies li għandhom 'il fuq minn 55 sena hija prijorità ċara għas-Slovenja. Sforzi ulterjuri għandhom jinkludu t-tnaqqis ta' l-użu ta' skemi għall-irtirar kmieni, li tiġi żgurata konsistenza bejn ir-riformi tat-taxxa u tal-benefiċċji (eż. miżuri mmirati biex jonqos ix-xogħol mhux dikjarat u għal riformi tal-pensjonijiet), il-promozzjoni ta' forom flessibbli ta' xogħol u l-aċċess għal taħriġ għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età.

Sabiex ix-xogħol isir tassew iħallas, huwa importanti li ssir revizjoni ta' l-interazzjoni bejn il-qgħad, il-benefiċċji soċjali u l-paga minima, sabiex jiżdiedu l-inċentivi biex wieħed isib impieg fl-ekonomija formali. Is-servizz pubbliku għat-tiftix ta' l-impjiegi żviluppa mudell komprensiv ta' amministrazzjoni fl-implimentazzjoni tiegħu ta' l-approċċ preventiv, iżda hemm bżonn li jiżdied it-taħriġ tal-ħaddiema fis-servizz pubbliku għat-tiftix ta' l-impjiegi sabiex ikunu trattati b'mod aktar effiċjenti dawk li huma l-aktar diffiċli li jiġu mpjegati. Ir-relazzjonijiet bejn is-servizzi privati u pubbliċi għat-tiftix ta' l-impjiegi jista' jiġi intensifikat.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Filwaqt li jitkompla l-bini il-progress u l-inizjattivi reċenti sabiex jiġu żviluppati sistemi għal tagħlim tul il-ħajja, jidher li huwa importanti li jiżdied l-ammont tal-popolazzjoni adulta li tipparteċipa f'edukazzjoni u f'taħriġ ulterjuri. Huma meħtieġa riżorsi u inċentivi adegwati għall-ħaddiema u għal min iħaddem sabiex dawn jinvestu fit-taħriġ, kif ukoll definizzjoni ċara ta' x'inhuma r-rwoli tal-partijiet interessati kollha. It-tnaqqis ta' dawk li jitilqu t-taħriġ jidher li huwa problema importanti.

IS-SLOVAKKJA

Ir-rata ġenerali ta' l-impjiegi fil-Slovakkja għadha baxxa meta mqabbla ma' l-UE 15. Għalkemm qiegħed jonqos, il-qgħad għadu għoli ħafna, b'porzjon kbir ta' qiegħda għal tul ta' żmien. Ir-rata ta' impieg fir-rigward tan-nisa hija baxxa u r-rata ta' impieg fir-rigward taż-żgħażagħ, ta' dawk l-inqas imħarrġa u tal-ħaddiema avvanzati fl-età (speċjalment nisa) hija partikolarment baxxa. Huma importanti l-iżbilanċi reġjonali.

 

Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi

Huwa meħtieġ li jonqos aktar il-piż tqil ta' taxxa fuq ix-xogħol, taxxa li parti kbira minnha hija komposta minn kontribuzzjonijiet soċjali. Is-sħab soċjali għandhom ikunu nkoraġġuti jippromovu aktar diversità fil-kuntratti u fil-ħinijiet tax-xogħol (eż. ineħħu l-ostakoli għal xogħol part-time) sabiex jinħolqu aktar impjiegi u tiġi ffaċilitata l-mobbiltà fix-xogħol.

 

Attrazzjoni ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u li x-xogħol isir għażla ta' veru għal kulħadd

Huwa importanti li titkompla b'mod effettiv l-implimentazzjoni tat-tneħħija ta' nases tal-qgħad u ta' l-inattività u li x-xogħol mhux dikajarat jinbidel f'impieg billi jkompli l-bini fuq ir-riformi li bħalissa hemm għaddejjin dwar is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji. Għandhom jiġu mmonitorjati sewwa l-implimentazzjoni u l-impatt tar-riformi.

Barra l-isforzi immirati biex ix-xogħol iħallas, trid tkompli tingħata attenzjoni speċjali favur iż-żieda fil-parteċipazzjoni ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età fl-impjiegi, speċjalment permezz ta' l-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar l-impjiegi u ta' riforma fis-sistema pensjonistika, ta' forom aktar flessibbli ta' xogħol u ta' użu akbar tax-xogħol part-time. Dan jista' jwassal ukoll għal żieda fil-parteċipazzjoni femminili.

Għandhom jiżdiedu, minn livelli baxxi, il-finanzjament ta' politika attiva fis-suq tax-xogħol u s-sehem tan-nies li jieħdu sehem f'miżuri attivi. Huwa importanti li s-suq tax-xogħol isir aktar inklussiv u li jiġu implimentati riformi li jinfurzaw it-tiftix attiv għax-xogħol. Dan jitlob linji politiċi attivi moderni għas-suq tax-xogħol, aċċess akbar għat-taħriġ għall-persuni qiegħda u inattivi u servizzi pubbliċi moderni għat-tiftix ta' l-impjiegi sabiex tiġi koperta sezzjoni akbar tal-popolazzjoni. Aktar attenzjoni hija meħtieġa fuq gruppi li huma f'riskju (eż. dawk qiegħda għal tul ta' żmien, iż-żgħażagħ, id-diżabbli, ħaddiema avvanzati fl-età) u fuq reġjuni żvantaġġati. Il-prijorità l-ġdida mogħtija lill-integrazzjoni tal-popolazzjoni Roma għandha tiġi malajr imsarrfa f'azzjoni.

 

Investiment aktar u aktar effettiv fir-riżorsi umani u fit-tagħlim tul il-ħajja kollha

Ir-rata għolja b'mod allarmanti ta' żgħażagħ qiegħda turi li jrid jinbena pont bejn l-abbiltajiet miksuba waqt l-ewwel edukazzjoni u l-abbiltajiet meħtieġa biex persuna tirnexxi fis-suq tax-xogħol. Ir-ristrutturazzjoni ekonomika, in-nuqqas ta' korrispondenza reġjonali u n-nuqqas ta' korrispondenza bejn ir-rekwiżiti ta' l-impjiegi u l-abbiltajiet tal-ħaddiema jitolbu wkoll aktar appoġġ għall-mobbiltà okupazzjonali u ġeografika matul il-ħajja.

Inċentivi akbar biex ikun hemm investiment fit-taħriġ u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-taħriġ huma rekwiżiti bażilari għall-iżvilupp ta' strateġija għal tagħlim tul il-ħajja. Hemm bżonn li jiġi inkorraġġut l-investiment fir-riżorsi umani u li tingħata attenzjoni għat-tagħlim tul il-ħajja billi tiġi riformata aktar is-sistema edukattiva, u li jiġu riveduti l-kontribuzzjonijiet li għandhom isiru mill-individwi, mill-intrapriżi u mis-soċjetà fuq livell kollettiv.