7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

264


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2004/852/PESK

tat-13 ta' Diċembru 2004

dwar miżuri restrittivi kontra l-Kosta ta’ l-Avorju

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali, l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Novembru 2004 l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1572 (2004), minn hawn ’il quddiem magħrufa bħala “UNSCR 1572(2004)”, li tipprojbixxi l-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett lill-Kosta ta’ l-Ivorju, mit-territorji ta’ l-Istati Membri jew minn ċittadini tagħhom, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ta' inġenji ta’ l-ajru tal-bandiera tagħhom, ta’ armamenti jew kwalunkwe materjal relatat, b’mod partikolari inġenji ta’ l-ajru u tagħmir militari, kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le, kif ukoll il-proviżjoni ta’ kwalunkwe assistenza, parir jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari.

(2)

Sabiex dawn il-miżuri jiġu implimentati, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari għandha tkun ipprojbita wkoll.

(3)

Il-UNSCR 1572(2004) timponi wkoll miżuri biex jiġi prevenut id-dħul fi jew it-transitu minn territorji ta’ l-Istati Membri tal-persuni kollha indikati mill-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 14 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni (“il-Kumitat”), li jikkostitwixxu theddida għall-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Kosta ta’ l-Avorju, b’mod partikolari dawk li jimblukkaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Linas-Marcoussis u Accra III, u ta’ kwalunkwe persuna oħra determinata bħala responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi internazzjonali umanitarja fil-Kosta ta’ l-Avorju abbażi ta’ informazzjoni rilevanti, ta’ kwalunkwe persuna oħra li pubblikament tinċita l-mibegħda u l-vjolenza u ta’ kwalunkwe persuna oħra li l-Kumitat jiddetermina li qed tikser il-miżuri imposti taħt l-embargo ta’ armamenti.

(4)

Il-UNSCR 1572(2004) jimponi wkoll iffriżar ta’ fondi, riżorsi ekonomiċi u assi finanzjarji oħra, li huma l-proprjetà ta’ jew kontrollati direttament jew indirettament mill-persuni indikati mill-Kumitat jew li huma fil-pussess ta’ entitajiet li huma l-proprjetà ta’ jew kontrollati direttament jew indirettament minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt direzzjonijiet min għandhom, kif indikati mill-Kumitat u li l-ebda fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ma jkunu disponibbli lil jew għall-benefiċċju ta’ tali persuni jew entitajiet.

(5)

Il-paragrafu 19 tal-UNSCR 1572(2004) jipprevedi li l-miżuri relatati mad-dħul fi jew it-transitu minn territorji ta’ l-Istati Membri u ma’ l-iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi għandhom jidħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2004, sakemm il-Kunsill tas-Sigurtà ma jiddeterminax qabel dik il-ġurnata li l-firmatarji tal-Ftehim Linas-Marcoussis u Accra III jkunu implimentaw l-impenji kollha tagħhom taħt il-Ftehim Accra III u huma fi triqthom lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Linas-Marcoussis.

(6)

Fit-22 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill iddikjara li sabiex tikkontribwixxi aktar għall-paċi fil-Kosta ta’ l-Avorju u tiġi prevenuta d-destabbilizzazzjoni tas-subregjun, l-UE ser tkompli ssostni inizjattivi meħuda mill-Komunità Ekonomika ta’ l-Istati ta’ l-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u ta’ l-Unjoni Afrikana (AU).

(7)

Il-Kunsill reġa’ afferma wkoll l-impenn qawwi ta’ l-UE għas-sostenn ta’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim Linas-Marcoussis u Accra bil-mezzi kollha xierqa.

(8)

Hi meħtieġa azzjoni mill-Komunità biex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POSIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din il-Posizzjoni Komuni, it-terminu “assistenza teknika” għandu jfisser kwalunkwe sostenn tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista’ jieħu forma ta’ istruzzjoni, pariri, taħriġ, trasmissjoni ta’ konoxxenza prattika jew ta’ ħiliet jew servizzi ta’ konsultazzjoni; l-assistenza teknika tinkludi forom verbali ta’ assistenza.

Artikolu 2

1.   Il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armamenti u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi militari u tagħmir, tagħmir paramilitari u partijiet ta’ rikambju għal dawk imsemmija qabel, kif ukoll tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna, lill-Kosta ta’ l-Avorju minn ċittadini ta’ l-Istati Membri jew mit-territorji ta’ l-Istati Membri jew bl-użu ta’ bastimenti jew ta' inġenji ta’ l-ajru tal-bandiera tagħhom għandhom jiġu pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Għandu jiġi wkoll ipprojbit:

(a)

li jingħataw, jinbiegħu, jiġu provduti, jew trasferiti assistenza teknika, servizzi ta’ sensarija u servizzi oħra relatati ma’ attivitajiet militari u mal-proviżjoni, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armamenti u materjal relatat ta’ kull xorta, inklużi armi u munizzjon, vetturi militari u tagħmir, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għal dawk imsemmija hawn qabel, kif ukoll tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Kosta ta’ l-Avorju, jew għall-użu minnha;

(b)

li jiġi provdut finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma' attivitajiet militari, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armamenti jew materjal relatat, kif ukoll tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Kosta ta’ l-Avorju, jew għall-użu minnha.

Artikolu 3

1.   L-Artikolu 2 m’għandux japplika għal:

(a)

provvisti u assistenza teknika intiżi esklużivament għas-sostenn ta’ jew l-użu mill-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosta ta’ l-Avorju u l-forzi Franċiżi li jsostnuhom,

(b)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali intiż esklużivament għal użu umanitarju jew ta’ protezzjoni, inkluż tali tagħmir intiż għal operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet ta’ l-UE, tan-NU, ta' l-Unjoni Afrikana u ta' l-ECOWAS,

il-proviżjoni ta’ finanzjament u assistenza finanzjarja relatata ma’ tali tagħmir,

il-proviżjoni ta’ taħriġ u assistenza teknika relatati ma’ tali tagħmir,

kif approvati minn qabel mill-Kumitat,

(ċ)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ ilbies protettiv, inklużi ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Kosta ta’ l-Avorju minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, minn persunal ta’ l-UE, tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-medja u ħaddiema umanitarji u ħaddiema impjegati fl-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss;

(d)

bejgħ jew provvisti trasferiti jew esportati temporanjament lejn il-Kosta ta' l-Avorju lill-forzi ta’ Stat li jkun qed jieħu azzjoni, skond il-liġi internazzjonali, esklużivament u direttament biex jiffaċilita l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tiegħu u ta’ dawk li lejhom għandu responsabbiltà konsulari fil-Kosta ta’ l-Avorju, kif notifikat bil-quddiem lill-Kumitat,

(e)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armamenti u materjal relatat u taħriġ u assistenza teknika intiżi esklużivament għas-sostenn jew l-użu fil-proċess ta’ ristrutturar ta’ forzi ta’ difiża u ta’ sigurtà skond il-paragrafu 3, subparagrafu (f) tal-Ftehim Linas-Marcoussis, kif approvat minn qabel mill-Kumitat.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorji tagħhom, tal-persuni indikati mill-Kumitat, li jikkostitwixxu theddida għall-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Kosta ta’ l-Avorju, b’mod partikolari dawk li jimblukkaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Linas-Marcoussis u Accra III, ta’ kwalunkwe persuna oħra determinata bħala responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali fil-Kosta ta’ l-Avorju abbażi ta’ informazzjoni rilevanti, ta’ kwalunkwe persuna oħra li pubblikament tinċita l-mibegħda u l-vjolenza u ta’ kwalunkwe persuna oħra li l-Kumitat jiddetermina li qed tikser il-miżuri imposti mill-paragrafu 7 tal-UNSCR 1572(2004).

Il-persuni relevanti huma elenkati fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn il-Kumitat jiddetermina li l-ivvjaġġar huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ bżonn umanitarju urġenti, inkluż l-obbligu reliġjuż, jew fejn il-Kumitat jikkonkludi li eżenzjoni tmexxi ’l quddiem l-għanijiet tar-Riżoluzzjonijiet tal-UNSCR, għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Kosta ta’ l-Avorju u l-istabbiltà fir-reġjun.

4.   F’każijiet fejn skond il-paragrafu 3, Stat Membru jawtorizza d-dħul jew it-transitu fit-territorju tiegħu, ta’ persuni indikati mill-Kumitat, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni konċernati minnha.

Artikolu 5

1.   Il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà jew kontrollati direttament jew indirettament mill-persuni indikati mill-Kumitat jew li huma fil-pussess ta’ entitajiet li huma l-proprjetà ta’ jew kontrollati direttament jew indirettament minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjonijiet tagħhom, kif indikat mill-Kumitat, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi m’għandhom jintgħamlu disponibbli direttament jew indirettament lil jew għall-benefiċċju ta’ tali persuni jew entitajiet indikati mill-Kumitat.

3.   Jistgħu jsiru eżenzjonijiet għal fondi, riżorsi ekonomiċi u assi finanzjarji oħra li huma:

(a)

neċessarji għal spejjeż bażiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti ta’ l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, premiums ta’ assigurazzjoni, u kontijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

intiżi esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborz ta’ spejjeż magħmula assoċjati mal-proviżjoni ta’ servizzi legali;

(ċ)

intiżi esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji jew kontijiet għal servizzi, skond il-liġijiet nazzjonali, għal servizzi fiż-żamma jew manteniment normali ta’ fondi ffriżati, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra,

wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill-Kumitat dwar l-intenzjoni li jawtorizza, fejn xieraq, l-aċċess għal tali fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien jumejn ta’ xogħol wara tali notifika;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill- Kumitat u approvazzjoni minnu,

(e)

is-suġġett ta’ sentenza jew garanzija arbitrali, amministrattiva jew ġuridika, li f’tali każ il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħra jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dik il-garanzija jew s-sentenza sakemm il-garanzija jew is-sentenza kienet iskritta qabel id-data tal-UNSCR 1572, u mhix għall-benefiċċju ta’ persuna msemmija f’dan l-Artikolu, wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill-Kumitat.

4.   Il-Paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehim jew obbligazzjonijiet li ġew konklużi jew seħħew qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi,

bil-kondizzjoni li tali imgħax, dħul ieħor u ħlasijiet ikomplu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 6

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista li hemm fl-Anness u jimplimenta kwalunkwe modifika tagħha abbażi tad-determinazzjoni magħmula mill-Kumitat.

Artikolu 7

Din il-Posizzjoni Komuni għandu jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha, bl-eċċezzjoni tal-miżuri stabbiliti taħt l-Artikoli 4 u 5, li għandhom japplikaw mill-15 ta’ Diċembru 2004, sakemm il-Kunsill ma jiddeċiedix mod ieħor fid-dawl tad-determinazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà dwar it-twettiq tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 19 tal-UNSCR 1572 (2004).

Artikolu 8

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tapplika sal-15 ta’ Diċembru 2005. Hija għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġi mġedda, jew emendata skond kif ikun xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma ġewx milħuqa.

Artikolu 9

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar it-13 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. R. BOT


ANNESS

Lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 4

(L-Anness għandu jitlesta wara l-indikazzjoni mill-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 14 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1572(2004).)