30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

474


POSIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2004/698/PESK

ta' il-14 ta' Ottubru 2004

dwar it-tneħħija ta' miżuri restrittivi kontra l-Libja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Settembru 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) adotta r-Riżoluzzjoni 1506(2003) li tneħħi l-miżuri restrittivi imposti mill-UNSCR 748(1992) u 883(1993), waqt li tħalli f'posthom il-miżuri li jinsabu fil-paragrafu 8 ta' dan ta' l-aħħar, minħabba l-passi meħuda mill-Gvern Libjan biex jikkonforma mar-riżoluzzjonijiet hawn fuq imsemmija, b'mod partikolari dwar l-aċċettazzjoni ta' responsabbilità għall-azzjonijiet ta' uffiċjali tal-Libja, l-ħlas ta' kumpens xieraq u r-rinunzja tat-terroriżmu.

(2)

Il-Gvern Libjan ħa wkoll passi lejn ftehim sodisfaċenti tal-pretensjonijiet in konnessjoni ma' l-attakki terroristiċi kkawżati fuq it-titjira Pan Am 103 fuq Lockerbie, l-Iskozja, it-titjira 772 ta' l-Union de Transports Aériens fuq in-Niġer u d-diskoteka “La Belle” f'Berlin.

(3)

Il-miżuri restrittivi mposti mid-Deċiżjoni 93/614/PESK (1), li ġew adottati biex jimplimentaw il-UNSCR 748(1992) u 883(1993), u l-embargo ta' l-armi deċiż mill-Istati Membri fl-1986 u kkonfermat mill-Posizzjoni Komuni 1999/261/PESK (2), għandhom għalhekk jitneħħew.

(4)

Il-miżuri adottati skond il-paragrafu 8 tal-UNSCR 883(1993) għandhom jibqgħu fis-seħħ skond l-UNSCR 1506(2003).

(5)

Hi meħtieġa azzjoni mill-Komunitàà biex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POSIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 93/614/PESK u l-Posizzjoni Komuni 1999/261/PESK huma hawnhekk imħassra.

Artikolu 2

Il-miżuri adottati biex jiġu protetti operaturi minn pretensjonijiet fir-rigward ta' kuntratti u transazzjonijiet li l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet affettwata mill-imposizzjoni ta' miżuri restrittivi mill-UNSCR 883(1993) u riżoluzzjonijiet relatati, għandhom jibqgħu fis-seħħ.

Artikolu 3

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tieħu effett fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, nhar il-14 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

P. van GEEL


(1)  ĠU L 295, tat-30.11.1993, p. 7.

(2)  ĠU L 103, ta' l-20.4.1999, p. 1. Posizzjoni komuni kif emendata mill-Posizzjoni Komuni 1999/611/PESK (ĠU L 242, ta' l-14.9.1999, p. 31).