30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

343


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2004/661/PESK

ta' l-24 ta'Septembru 2004

dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tibqa' serjament imħassba dwar id-deterjorament kontinwu tad-demokrazija, l-istat ta' dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus.

(2)

Wara li tfakkar il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 1997, l-UE ittenni l-interess ċar tagħha fil-progress politiku, soċjali u ekonomiku tal-Belarus lejn stat demokratiku li jirrispetta l-istat ta' dritt u d-drittijiet tal-bniedem, sabiex il-pajjiż ikun jista' jieħu l-post leġittimu tiegħu fl-Ewropa.

(3)

L-UE, waqt li tirriafferma l-interess tagħha fi djalogu kostruttiv mal-Belarus, tikkunsidra li l-fatt li sa issa ma saret, jew inbdiet, ebda investigazzjoni indipendenti, sħiħa u kredibbli tad-delitti eżaminati mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa fir-rapport tagħha adottat fit-28 ta' April 2004 (“Rapport Pourgourides”), huwa daqqa ta' ħarta oħra lill-istat ta' dritt fil-Belarus.

(4)

Il-gvern tal-Belarus injora kontinwament is-sejħiet ta' l-UE, l-aħħar fid-Dikjarazzjoni tagħha ta' l-14 ta' Mejju 2004, tal-Kunsill ta' l-Ewropa, u oħrajn biex jiftaħ tali investigazzjoni indipendenti.

(5)

Ir-Rapport estensiv u ta' bażi soda ta' Pourgourides isemmi b'mod ċar il-Prosekutur Ġenerali kurrenti tal-Belarus, l-ex Segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà, Victor Sheyman, il-Ministru ta' l-Isport u t-Turiżmu tal-Belarus, l-ex Ministru ta' l-Intern, Yury Sivakov, u l-Kurunell Dimitri Pavlichenko ta' unità tal-forzi speċjali tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Interni tar-Repubblika tal-Belarus bħala atturi prinċipali fl-għajbien ta' erba' persuni magħrufa fil-Belarus fl-1999/2000 u l-ostruzzjoni sussegwenti tal-ġustizzja.

(6)

Dawk li għandhom ir-responsabbiltà prinċipali għall-għajbien ta' dawn baqgħu ma ġewx kastigati.

(7)

Konsegwentement, il-Kunsill, fid-dawl ta' l-ostruzzjoni apparenti tal-ġustizzja, iddeċieda li jimplimenta sanzjonijiet immirati f' għamla ta' restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni immirati lejn dawk l-individwi li huma responsabbli għal, iżda naqqsu li jibdew, investigazzjoni u prosekuzzjoni indipendenti tad-delitti allegati u lejn dawk li fir-Rapport Pourgourides huma kkunsidrati bħala atturi prinċipali fl-għajbien u l-ħabi sussegwenti. L-UE tirriżerva d-dritt biex tikkunsidra miżuri restrittivi addizzjonali f'data aktar tard.

(8)

L-UE terġa' tirrivedi l-posizzjoni tagħha fid-dawl ta' żviluppi futuri, waqt li jittieħed kont tar-rieda ta' l-awtoritajiet rilevanti tal-Belarus sabiex l-għajbien jiġi investigat b'mod komplet u trasparenti u ssir ġustizzja minn dawk responsabbli għad-delitti.

ADOTTA DIN IL-POSIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul jew it-transitu fit-territorju tagħhom tal-persuni elenkati fl-Anness, li huma responsabbli, iżda naqqsu li jagħtu bidu, għal investigazzjoni u prosekuzzjoni indipendenti tad-delitti allegati u ta' dawk li r-Rapport Pourgourides kkunsidra bħala atturi prinċipali fl-għajbien ta' erba' persuni magħrufa fil-Belarus fl-1999/2000 u l-ħabi sussegwenti, fid-dawl ta' l-ostruzzjoni apparenti tagħhom tal-ġustizzja.

2.   Il-paragrafu 1 ma jobbligax Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux ikun ta' preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'xi obbligazzjoni skond il-liġi internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż li jospita organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż li jospita konferenza internazzjonali konvokata min-Nazzjonijiet Uniti jew taħt il-patroċinju tagħhom; jew

(ċ)

taħt xi ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet.

Il-Kunsill għandu jiġi nfurmat kif xieraq f'kull wieħed minn dawn il-każijiet.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat li japplika wkoll fil-każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiz li jospita l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mil-miżuri mposti fil-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar huwa ġġustifikat abbażi ta' bżonn urġenti umanitarju, jew abbażi ta' attendenza f'laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni Ewropea, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt fil-Belarus.

6.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni tiġi kkunsidrata bħala mogħtija ħlief jekk wieħed jew iżjed mill-Membri tal-Kunsill jagħmlu oġġezzjoni bil-miktub fi żmien 48 siegħa mir-riċezzjoni tan-notifika ta' l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li wieħed jew iżjed mill-membri tal-Kunsill jagħmlu oġġezzjoni, il-Kunsill, li għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

7.   Fil-każijiet fejn, skond il-paragrafi 3, 4, 5 u 6, xi Stat Membru jawtorizza d-dħul jew it-transitu fit-territorju tiegħu ta' persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni li lilhom tkun tikkonċerna.

Artikolu 2

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni, għandu jadotta modifiki tal-lista li tinsab fl-Anness kif meħtieġ minn żviluppi politiċi fil-Belarus.

Artikolu 3

Sabiex ikun massimizzat l-impatt tal-miżuri hawn fuq imsemmija, l-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk li hemm f'din il-Posizzjoni Komuni.

Artikolu 4

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tapplika għal perjodu ta' 12-il xahar. Għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata skond kif ikun xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-miri tagħha ma ġewx milħuqa.

Artikolu 5

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tibda sseħħ fil-jum meta tiġi adottata.

Artikolu 6

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar l-24 ta'Septembru 2004

Għall-Kunsill

Il-President

L. J. BRINKHORST


ANNESS

Lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1

1.

SIVAKOV, YURY (YURIJ) Leonidovich, Ministru tat-Turiżmu u Sport tal-Belarus, imwieled fil-5 ta' Awissu 1946, fir-Reġjun ta' Sakhalin, dik li qabel kienet ir-Repubblika Sovjetika Federattiva Soċjalista Russa.

2.

SHEYMAN (SHEIMAN), VICTOR Vladimirovich, Prosekutur Ġenerali tal-Belarus, imwieled fis-26 ta' Mejju 1958, fir-reġjun ta' Grodno.

3.

PAVLICHENKO (PAVLIUCHENKO), DMITRI (Dmitry) Valeriyevich, uffiċjal tal-forzi speċjali tal-Belarus, imwieled fl-1966 fi Vitebsk.

4.

NAUMOV,VLADIMIR Vladimitovich, Ministru ta' l-Intern, imwieled fl-1956.