14.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

141


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Diċembru 2004

dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn l-organizzazzjoni ta' seminar internazzjonali dwar il-benesseri ta' l-annimali fil-kuntest tal-Ftehim KE-Ċilì dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji applikabbli għan-negozju fl-annimali u prodotti ta' l-annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra u l-benesseri ta' l-annimali

(2004/907/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 li tikkonċerna l-infieq fil-qasam veterinarju (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim KE-Ċilì dwar miżuri Sanitarji u Fitosanitarji applikabbli għan-negozju fl-annimali u prodotti ta' l-annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra u l-benesseri ta' l-annimali (minn hawn “l quddiem il-Ftehim)” jinkludu, minħabba fl-importanza tal-benesseri ta' l-annimali u r-relazzjoni tagħha ma' affarijiet veterinarji, bil-għan li jiġu żviluppati standards tal-benesseri ta' l-annimali u biex jiġu eżaminati tali standards waqt li jittieħed in konsiderazzjoni l-iżvilupp ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali ta' l-istandards kompetenti. Bħal fl-Appendiċi IC tal-Ftehim, dan ser japplika b'mod partikolari għall-iżvilupp ta' l-istandards tal-benesseri ta' l-annimali dwar l-istordiment u l-qtil ta' l-annimali.

(2)

Il-grupp ta' ħidma speċifiku dwar il-benesseri ta' l-annimali stabbilit mill-Kumitat ta' Tmexxija Konġunta tal-Ftehim ikkonkluda li sabiex jinkisbu b'mod aħjar l-għanjiet tagħhom, il-bdil ta' informazzjoni dwar kompetenza xjentifika jkun utli u biex jiġu stabbiliti kuntatti attivi bejn xjenzjati miż-żewġ Partijiet.

(3)

Seminar internazzjonali dwar il-benesseri ta'b''Santiago, fiċ-Ċilì, f'Novembru 2004 mill-Ministeru Ċilen ta' l-Agrikoltura u d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għaċ-Ċilì biex jassistu ma' l-għan tal-Ftehim li jintlaħaq għarfien komuni bejn il-Partijiet dwar l-istandards tal-benesseri ta' l-annimali.

(4)

Taħt id-Deċiżjoni 90/424/KEE l-Komunità għandha twettaq miżuri tekniċi u xjentifiċi neċessarji għall-iżvilupp ta' leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp ta' edukazzjoni veterinarja jew taħriġ.

(5)

Fi qbil ma' l-obbligu tal-Komunità li tingħata konsiderazzjoni sħiħa lir-rekwiżiti tal-benesseri ta' l-annimali fl-ifformular u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Komunità, u l-għan tal-Ftehim li jintlaħaq għarfien komuni bejn il-Partijiet dwar l-istandards tal-benesseri ta' l-annimali għall-protezzjoni ta' l-annimali, huwa xieraq li l-Komunità għandha tappoġġja l-organizzazzjoni ta' dan is-seminar, ir-riżultat ta' liema ser jassisti fi żvilupp akbar tal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità u edukazzjoni veterinarja jew taħriġ fuq din il-kwistjoni.

(6)

Bil-għan ta' aktar żvilupp ta' l-edukazzjoni veterinarja jew taħriġ fil-qasam tal-benesseri ta' l-annimali, huwa xieraq li l-Komunità tassisti bl-ikkomunikar u t-tixrid tar-riżultat tas-seminar, inkluż li jiġu koperti l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni u t-tixrid tal-proċeduri xjentifiċi tas-seminar, li jridu jiġu organizzati fil-qafas ta' ħidma ta' sejħa ħielsa għall-offerti.

(7)

Huwa xieraq li l-iżburżar ta' tali sostenn finanzjarju għandu jiġi kkoordinat mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għaċ-Ċilì, wieħed mill-organizzaturi konġunti tas-seminar.

(8)

Ir-riżorsi finanzjarji neċessarji għall-Komunità biex isostnu l-organizzazzjoni ta' dan is-seminar għandhom għalhekk jiġu assenjati u mogħtija soġġetti għal twettiq effiċjenti tas-seminar ippjanat.

(9)

Il-miżuri li hemm f'din id-Deciżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il- Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ

Artikolu Waħdieni

L-azzjoni għall-appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' seminar internazzjonali dwar il-benesseri ta' l-annimali fil-kuntest tal-Ftehim KE-Ċilì dwar miżuri Sanitarji u Fitosanitarji applikabbli għan-negozju fl-annimali u prodotti ta' l-annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra u l-benesseri ta' l-annimali, li għandu jiġi ffinanzjat mill-linja tal-baġit 17.04.02 tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea għall-2004 sa ammont massimu ta' 35.000 EUR, huwa hawnhekk approvat. B'mod partikulari l-iffinanzjar mill-Komunità ta' l-ispejjeż ta' ppubblikar u tixrid tal-proċeduri xjentifiċi tas-seminar mhux ser jaqbżu 35.000 EUR fit-total.

Magħmula fi Brussell, fis-27 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kummissjoni

Is-Sur Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 (ĠU L 325, tat-12.12.2003, p. 31).