31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

68


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Ottubru 2004

dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen

(2004/860/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 62, il-punt 3 ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 63 u l-Artikoli 66 u 95 flimkien ma' l-Artikolu 300(2),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, fis-17 ta’ Ġunju 2002, in-negozjati ma’ l-Awtoritajiet Svizzeri, dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-Isvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen ġew konklużi.

(2)

Soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, hu mixtieq li l-ftehim li ġie inizjalat fil-25 ta’ Ġunju 2004 jiġi ffirmat.

(3)

Il-Ftehim jissodisfa l-applikazzjoni proviżorja ta' x'uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijie għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

(4)

Sa fejn hu konċernat l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (1) isiru applikabbli, mutatis mutandis, għar-relazzjonijiet ma’ l-Isvizzera ma' l-iffirmar tal-Ftehim.

(5)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-pożizzjoni tar-Renju Unit, taħt il-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Deċizjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jieħdu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (2).

(6)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-pożizzjoni ta' l-Irlanda, taħt il-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Deċizjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002, dwar it-talba ta' l-Irlanda biextjieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (3).

(7)

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tippreġudika l-pożizzjoni tad-Danimarka, taħt il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF GEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Aquis ta’ Schengen, u d-dokumenti relatati li jikkonsistu fl-Att Finali tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta’ Ittri dwar il-Kumitati li jassistu l-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħa esekuttiva tagħha u d-Dikjarazzjoni Komuni dwar laqgħat konġunti tal-Kumitati Mħallta huma hawnhekk approvati f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għal konklużjoni.

It-testi tal-Ftehim u d-dokumenti relatati huma mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill hu b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) awtorizzata/i biex t/jiffirma/w il-Ftehim u d-dokumenti relatati f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għal konklużjoni.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni għandha tapplika fl-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Annessi A u B tal-Ftehim u għall-iżvilupp tagħhom sa tali punt fejn tali dispożizzjonijiet għandhom, jew, skond id-Deċiżjoni 1999/436/KE (5), ġew determinati li għandhom, bażi legali fi ħdan it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 4

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 1 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE għandhom japplikaw, bl-istess mod, għall-assoċjazzjoni ta’ l-Isvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen, li jaqa’ taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

2.   Qabel ma d-delegazzjonijiet li jirrapreżentaw il-membri tal-Kunsill jipparteċipaw f’deċiżjoni tal-Kumitat Imħallat stabbilit mill-Ftehim, skond l-Artikolu 7 (4) jew (5) jew l-Artikolu 10 tiegħu, huma għandhom jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill sabiex jiddeterminaw jekk tistax tiġi adottata pożizzjoni komuni.

Artikolu 5

B'mod konformi ma' l-Arikolu 14(2) tal-Ftehim, l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 6 u l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 7(2)(a) tiegħu għandhom japplikaw fuq bażi proviżorja, sakemm jitwettaq id-dħul fis-seħħ tiegħu.

Magħmul fil-Lussemburgu, 25 ta’ Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

R. VERDONK


(1)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(2)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(3)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(4)  Dokument tal-Kunsill 13054/04; aċċessibbli fuq http://register.consilium.eu.int

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 17.