12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

291


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta' Ottubru 2004

li tistabbilixxi disposizzjonijiet ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/23/KEE tal-Kunsill fir-rigward ta' l-istħarriġ statistiku fuq il-bhejjem u l-produzzjoni tas-settur tal-majjali

(innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 4090)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2004/760/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 93/23/KEE tal-Kunsill ta' l-1 ta' Ġunju 1993 dwar l-istħarriġ statistiku li għandu jitwettaq fil-qasam tal-produzzjoni tal-majjali (1), u b'mod speċjali l-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 1 tagħha, il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 2 tagħha, il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 3 tagħha, il-paragrafi 1 u 2 ta' l-Artikolu 6 tagħha, il-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 8 tagħha, il-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 94/432/KE tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 1994 li tistabbilixxi disposizzjonijiet ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/23/KEE tal-Kunsill fir-rigward ta' l-istħarriġ statistiku fuq il-bhejjem u l-produzzjoni tas-settur tal-majjali (2) ġiet modifikata diversi drabi.

(2)

Għall-eżekuzzjoni ta' l-istħarriġ maħsub fid-Direttiva 93/23/KEE, hemm il-bżonn ta' definizzjonijiet preċiżi. Għalhekk, jaqbel li jiġi stabbilit liema rziezet se jidħlu fil-qasam mistħarreġ u li jiġu definiti l-kategoriji skond il-kobor tal-mandriet kif ukoll ir-reġjuni li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri jelaboraw ir-riżultati ta' l-istħarriġ statistiku li jwettqu b'intervalli regolari. Sabiex jiġu stabbiliti l-istatistiċi tal-qtil tal-bhejjem, hemm bżonn definizzjoni unika tal-piż tal-karkassa.

(3)

Skond id-Direttiva 93/23/KEE, l-Istati Membri jistgħu, fuq talba tagħhom, ikunu awtorizzati biex iwettqu l-istħarriġ tax-xhur ta' April u ta' Awissu jew ta' Mejju/Ġunju f'reġjuni magħżula bil-kondizzjoni li dan l-istħarriġ jittratta dwar mill-inqas 70 % tal-mandriet tal-majjali. L-Istati Membri li l-mandriet tal-majjali tagħhom jirrappreżentaw biss persentaġġ baxx tat-total tal-mandriet tal-bhejjem tal-Komunità jistgħu jkunu awtorizzati li iwettqu l-istħarriġ darba fis-sena f'April, f'Mejju/Ġunju jew f'Novembru/Diċembru jew biex jipproċedu għat-tqassim reġjonali għar-riżultati definittivi ta' l-istħarriġ ta' April jew ta' Mejju/Ġunju. Fl-aħħar l-Istati Membri jistgħu, fuq talba tagħhom, ikunu awtorizzati biex jipproċedu għat-tqassim stipulat skond il-kategoriji tal-kobor tal-mandriet għar-riżultati ta' l-istħarriġ ta' xahar fiss tas-sena.

(4)

Iddaħħlu talbiet relattivi għall-possibilitajiet differenti ta' deroga mill-Istati Membri.

(5)

Minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja, hemm bżonn li jsiru xi adattamenti tekniċi u li jinfirxu ċerti derogi għal dawn l-Istati Membri ġodda.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi nomenklatura komuni ta' l-unitajiet territorjali statistiċi (NUTS) għall-Istati Membri; għalhekk, jaqbel li l-livelli reġjonali definiti fil-passat jiġu sostitwiti bin-nomenklatura l-ġdida (NUTS).

(7)

B'hekk, jaqbel li d-Deċiżjoni 94/432/KE tkun revokata.

(8)

Din id-Deċiżjoni taqbel ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti ta' l-Istatistika Agrikola,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Razzett, fis-sens tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/23/KEE, hu unità tekniko-ekonomika taħt tmexxija unika u li tipproduċi prodotti agrikoli.

2.   L-istħarriġ maħsub fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/23/KEE jittratta dwar:

a)

l-irziezet li l-uċuħ tagħhom huma ta' ettaru jew iktar;

b)

l-irziezet li l-uċuħ tagħhom huma ta' inqas minn ettaru, jekk jipproduċu f'ċertu qies għall-bejgħ jew jekk l-unità ta' produzzjoni tagħhom taqbeż ċerti limiti fiżiċi.

3.   L-Istati Membri li jixtiequ jużaw limitu ieħor għall-istħarriġ tagħhom jintrabtu li jistabbilixxu dan il-limitu b'tali mod li jiġu esklużi biss l-iżgħar irziezet li l-kontribuzzjoni tagħhom fil-marġini totali standard — fis-sens tad-Deċiżjoni 85/377/KEE tal-Kummissjoni (4)— ta' l-Istat Membru konċernat ma tirrappreżentax iżjed minn 1 %.

Artikolu 2

Għas-subdiviżjonijiet territorjali maħsuba fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/23/KEE, l-Istati Membri jsegwu l-livell tan-nomenklatura komuni ta' l-unitajiet territorjali statistiċi (NUTS) definit fl-Anness I. Huma eżentati milli jistabbilixxu riżultati għar-reġjuni li l-mandriet tagħhom tal-majjali jammontaw għal inqas minn 1 % tat-total tal-mandriet tal-majjali fin-nazzjon.

Artikolu 3

Il-kategoriji tal-kobor tal-mandriet maħsuba fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/23/KEE jidhru fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Il-piż tal-karkassa maħsub fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva 93/23/KEE hu l-piż tal-friża tal-karkassa ta' majjal maqtul, sħiħ jew imqatta' għat-tul, wara li jitqaxxar, li jiġi żvinat, li jitneħħew l-imsaren u l-ilsien, il-pil, id-dwiefer, l-organi ġenitali ta' fuq barra, is-sonża, il-kliewi u d-dijaframma.

Artikolu 5

1.   Il-lista ta' l-Istati Membri awtorizzati biex iwettqu l-istħarriġ tax-xhur ta' April u ta' Awissu jew ta' Mejju/Ġunju f'reġjuni magħżula, taħt riserva li dan l-istħarriġ jittratta dwar mill-inqas 70 % tal-mandriet tal-majjali, tidher f'punt a) ta' l-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-lista ta' l-Istati Membri awtorizzati biex iwettqu l-istħarriġ darba fis-sena f'April, f'Mejju/Ġunju, f'Awissu jew f'Novembru/Diċembru tidher f'punt b) ta' l-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

3.   Il-lista ta' l-Istati Membri awtorizzati biex jipproċedu għat-tqassim reġjonali għar-riżultati definittivi ta' l-istħarriġ ta' April, Mejju/Ġunju tidher f'punt ċ) ta' l-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

4.   Il-lista ta' l-Istati Membri awtorizzati biex jipproċedu għat-tqassim stipulat skond il-kategorija tal-kobor tal-mandriet għar-riżultati ta' xahar fiss tas-sena tidher f'punt d) ta' l-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Ir-referenzi magħmula għad-Deċiżjoni revokata għandhom jitqiesu daqs li kieku kienu magħmula għal din id-Deċiżjoni.

Id-Deċiżjoni 94/432/KE hi revokata.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fis-26 ta' Ottubru 2004.

Mill-Kummissjoni

Joaquin ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 149 tal-21.6.1993, p. 1. Direttiva modifikata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284 tal-31.10.2003, p. 1).

(2)   ĠU L 179 tat-13.7.1994, p. 22. Deċiżjoni modifikata l-aħħar bid-Deċiżjoni 1999/547/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 209 tas-7.8.1999, p. 33)

(3)   ĠU L 154 tal-21.6.2003, p. 1.

(4)   ĠU L 220 tas-17.8.1985, p. 1. Deċiżjoni modifikata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2003/369/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 127 tat-23.5.2003, p. 48).


ANNESS I

SUBDIVIŻJONIJIET TERRITORJALI

Il-Belġju

NUTS 2

Ir-Repubblika Ċeka

NUTS 2

Id-Danimarka

Il-Ġermanja

NUTS 1

L-Estonja

NUTS 2

Il-Greċja

NUTS 2

Spanja

NUTS 2

Franza

NUTS 2

L-Irlanda

NUTS 2

L-Italja

NUTS 2

Ċipru

Il-Latvja

NUTS 2

Il-Litwanja

NUTS 2

Il-Lussemburgu

L-Ungerija

NUTS 2

Malta

NUTS 2

L-Olanda

NUTS 2

L-Awstrija

NUTS 2

Il-Polonja

NUTS 2

Il-Portugal

NUTS 2

Is-Slovenja

NUTS 2

Is-Slovakkja

NUTS 2

Il-Finlandja

NUTS 2

L-Iżvezja

NUTS 2

Ir-Renju Unit

NUTS 1


ANNESS II

KATEGORIJI TAL-KOBOR TAL-MANDRIET TAL-MAJJALI MIŻMUMA

Kategoriji

Numru ta' majjali/Proprjetarju

Numru tal-Proprjetarji

Numru tal-Bhejjem

Numru ta' ħnieżer nisa ≥ 50kg/Proprjetarju

Numru tal-Propjetarji

Numru tal-Bhejjem

Numru ta' majjali għas-simna>= 50 kg/Proprjetarju

Numru tal-Propjetarji

Numru tal-Bhejjem

I

1-2 (1)

 

 

1-2 (1)

 

 

1-2 (1)

 

 

II

3-9 (1)

 

 

3-4 (1)

 

 

3-9 (1)

 

 

III

1-9

 

 

5-9 (1)

 

 

1-9

 

 

IV

10-49

 

 

1-9

 

 

10-49

 

 

V

50-99

 

 

10-19

 

 

50-99

 

 

VI

100-199

 

 

20-49

 

 

100-199

 

 

VII

200-399

 

 

50-99

 

 

2000-399

 

 

VIII

400-999

 

 

100-

 

 

400-999

 

 

IX

1000

 

 

100-199 (2)

 

 

1000

 

 

X

1000-1999 (2)

 

 

200-499 (2)

 

 

1000-1999 (2)

 

 

XII

2000-4999 (2)

 

 

500- (2)

 

 

2000- (2)

 

 

XIII

5000 (2)

 

 

 

 

 

2000-4999 (3)  (2)

 

 

XIV

 

 

 

 

 

 

5000 (3)  (2)

 

 

 

Total

 

 

Total

 

 

Total

 

 


(1)  Tqassim fakultattiv għal BE, CZ, DK, MT, NL, SE, SK

(2)  Tqassim fakultattiv għal CZ, GR, LT, LU, MT, PT, SE, SI, SK

(3)  Tqassim fakultattiv għal FR, PL


ANNESS III

a)   

Stati Membri awtorizzati biex iwettqu l-istħarriġ tax-xhur ta' April u Awissu jew ta' Mejju/Ġunju f'reġjuni magħżula, bil-kondizzjoni li dan l-istħarriġ jittratta dwar mill-inqas 70 % tal-mandriet tal-majjali

 

Franza

 

L-Italja

b)   

Stati Membri awtorizzati biex iwettqu l-istħarriġ darba fis-sena f'April, Mejju/Ġunju, Awissu jew Novembru/Diċembru

Ċipru

Il-Lussemburgu

L-Estonja

Malta

Il-Greċja

Il-Portugall

Il-Finlandja

Is-Slovakkja

L-Irlanda

Is-Slovenja

Il-Latvja

L-Iżvezja

Il-Litwanja

 

c)   

Stati Membri awtorizzati biex jipproċedu għat-tqassim reġjonali għar-riżultati definittivi ta' l-istħarriġ ta' April, Mejju/Ġunju

April

Mejju/Ġunju

L-Olanda

Il-Ġermanja

 

Il-Belġju

d)   

Stati Membri awtorizzati biex jipproċedu għat-tqassim stipulat skond il-kategorija tal-kobor tal-mandriet għar-riżultati ta' xahar fiss tas-sena

 

Il-Belġju, Mejju

 

Id-Danimarka, Mejju

 

Il-Ġermanja, Mejju

 

L-Olanda, April

 

Il-Polonja, Awissu

 

L-Iżvezja, Ġunju