7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

22


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTA' BiĦ/2/2004

tal-21 ta' Settembru 2004

dwar il-ħatra ta’ Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għall-Operazzjoni Militari ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina

(2004/733/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTA',

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 25, it-tielet paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar l-Operazzjoni Militari ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 2 ta’ l-Azzjoni Konġunta, id-Deputat Kmandant Alleat Suprem għall-Ewropa (DSACEUR), l-Ammiral Rainer FEIST, ġie maħtur Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għall-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina.

(2)

In-NATO iddeċidiet li taħtar lill-Ġeneral Sir John REITH bħala Deputat Kmandant Alleat Suprem għall-Ewropa (DSACEUR) biex jieħu post l-Ammiral Rainer FEIST. L-inkarigu tal-Ġeneral Sir John REITH ser jibda fit-30 ta’ Settembru 2004.

(3)

Taħt l-Artikolu 6 ta’ l-Azzjoni Konġunta, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PSC) biex jieħu deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-ħatra tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE.

(4)

Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża.

(5)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002 adotta Dikjarazzjoni li tistqarr li l-arranġamenti “Berlin plus” u l-implimentazzjoni tagħhom ser japplikaw biss għal dawk l-Istati Membri ta’ l-UE li huma wkoll jew membri tan-NATO jew sħab fil-“Partnership for Peace”, u li b’konsegwenza ta' dan ikkonkludew ftehim għas-sigurtà bilaterali man-NATO,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ġeneral Sir John REITH qiegħed hawn jiġi maħtur Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE għall-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-30 ta' Settembru 2004.

Magħmula fi Brussel, nhar l-21 ta' Settembru 2004.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

A. HAMER


(1)   ĠU L 252, 28.07.2004, p. 10.