31.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Settembru 2004
li temenda d-Deċiżjoni 2001/131/KE li tikkonkludi l-proċedura ta’ konsultazzjoni mal-Ħaiti taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ l-ACP-KE
(2004/681/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (1), (il-“Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”) u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Abbażi tad-Deċiżjoni 2001/131/KE (3), l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-Ħaiti ġiet sospiża parzjalment bħala “miżuri xierqa” skond l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim tas-Sħubija ta’ l-AKP-KE. |
(2) |
Id-Deċiżjoni 2003/916/KE tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2004 u teħtieġ reviżjoni tal-miżuri fi żmien sitt xhur. |
(3) |
Fit-12 ta' Mejju 2004 saru diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Prim Ministru Transitorju tal-Ħaiti biex issir valutazzjoni tas-sitwazzjoni ta' l-aġenda politika tal-Gvern Transitorju b'rabta ma' l-istabbiliment mill-ġdid tat-tmexxija demokratika u kostituzzjonali sħiħa, inkluż programm ta' l-elezzjoni, b'rispett dovut għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà fundamentali. |
(4) |
Permezz ta' ittra tal-25 ta' Mejju 2004, il-Prim Ministru Transitorju tal-Ħaiti kkonferma l-impenji speċifiċi tal-Gvern Transitorju tal-Ħaiti li jirrispetta l-elementi essenzjali ta' l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat ta' dritt bil-ħsieb li l-pajjiż jirritorna għal tmexxija demokratika u kostituzzjonali sħiħa, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2001/131/KE hija b'dan emendata kif ġej:
(1) |
Fit-tieni u fit-tielet paragarafu ta’ l-Artikolu 3, id-data tal-31 ta' Diċembru 2004 għandha tiġi ssostitwita bi “31 ta' Diċembru 2005”. |
(2) |
L-Anness għandu jiġi ssostitwit bit-test li jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Settembru 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
L. J. BRINKHORST
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2003 (ĠU L 141, 7.6.2003, p. 25).
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.
(3) ĠU L 48, 17.2.2001, p. 31. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2003/916/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 156).
ANNESS
“ANNESS
Sinjur,
L-Unjoni Ewropea tagħti l-akbar importanza lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Is-Sħubija AKP-KE hi bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt. Dawn huma elementi essenzjali tal-Ftehim imsemmi hawn fuq u b'hekk jiffurmaw il-bażi għar-relazzjonijiet bejnietna.
F’dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea segwiet mill-qrib it-transizzjoni reċenti fil-Ħaiti, speċjalment rigward il-ħatra tal-Gvern Transitorju ġdid fil-Ħaiti, li ħa l-ġurament fis-17 ta’ Marzu 2004 wara proċess ta’ konsultazzjoni estensiv ibbażat fuq il-pjan CARICOM/OAS.
Fit-12 ta’ Mejju 2004, saru diskussjonijiet fi Brussell bejnek u bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bil-ħsieb li tiġi eżaminata l-aġenda politika tal-Gvern Transitorju fir-rigward ta' l-istabbiliment mill-ġdid tat-tmexxija demokratika u kostituzzjonali. L-Unjoni Ewropea ħadet nota ta' l-impenji tiegħek partikolarment fir-rigward tat-titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħolqien ta' prinċipji demokratiċi inkluż it-twettiq ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, l-istat ta' dritt u governanza tajba, kif iddikjarat fl-ittra tiegħek tal-25 ta' Mejju 2004 lill-Kummissjoni. Dawk l-impenji għandhom eventwalment iwasslu għal stabbilità politika akbar fil-Ħaiti. L-Unjoni Ewropea tħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern Transitorju biex jittraduċi minnufih dawn l-impenji f'azzjonijiet konkreti biex jiżgura li l-proċess ta' demokratizzazzjoni jsir parti integrali mill-ħajja politika, ekonomika u soċjali tal-Ħaiti, b'hekk jiġi rrispettat l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.
Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewopea rreveda d-Deċiżjoni tiegħu tat-22 ta' Diċembru 2003 u ddeċieda li jirrevedi l-miżuri xierqa msemmija fl-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE kif ġej:
(1) |
l-orjentament mill-ġdid tal-bqija tal-fondi taħt it-tmien Fond Ewropew ta' Żvilupp (FEŻ) lejn programmi li huma ta' benefiċċju dirett għall-poplu tal-Ħaiti, biex jissaħħu s-soċjetà ċivili u s-settur privat, u biex tiġi appoġġata d-demokratizzazzjoni, jissaħħu l-istat ta' dritt u l-proċess elettorali, ser jitkompla u jista' jinkludi wkoll azzjonijiet meqjusa bħala prijoritajiet fuq il-perijodu qasir u medju fil-Qafas ta' Kooperazzjoni Transitorja (ICF) stabbilit f'kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Gvern Transitorju, is-soċjetà ċivili u donaturi ewlenin, b'mod partikolari appoġġ istituzzjonali; |
(2) |
l-allokazzjoni ta' riżorsi taħt id-9 FEŻ ser tkun innotifikata bil-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea; |
(3) |
id-diskussjonijiet dwar l-ipprogrammar tar-riżorsi tad-9 FEŻ ser jibdew minnufih ma' l-Uffiċjali Nazzjonali ta' Awtorizzazzjoni bil-ħsieb tat-tħejjija tad-Dokument ta' Strateġija tal-Pajjiż (CSP) u l-Programm Indikattiv Nazzjonali (NIP). L-istrateġija ser tieħu konsiderazzjoni tar-riżultati ta' l-ICF; |
(4) |
jista' jintuża B-envelope qabel l-iffirmar tad-9 FEŻ CSP/NIP, skond il-ħtiġiet reali; |
(5) |
l-iffirmar tan-NIP hu previst wara l-elezzjonijiet nazzjonali li jirrispettaw ir-Riżoluzzjoni 822 OAS u li jkunu aċċettati bħala liberi u ġusti mill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Ħaiti u mill-Komunità Internazzjonali. Hu nnutatat li l-elezzjonijiet nazzjonali huma mistennija mhux aktar tard min-nofs ta' l-2005; |
(6) |
il-kontribuzzjonijiet għall-proġetti reġjonali, l-operazzjonijiet ta' natura umanitarja u l-kooperazzjoni tal-kummerċ m'humiex affettwati. |
Il-miżuri ta' hawn fuq kollha għandhom ikunu riveduti regolarment u mill-anqas fi żmien 6 xhur.
Huwa importanti għas-suċċess tal-kooperazzjoni li tiġi żgurata kapaċità msaħħa ta' assorbiment ta' l-għajnuna, li bħalissa hija nieqsa, permezz ta' governanza tajba u miżuri għall-bini ta’ kapaċità ta' l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna. Il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ser ikunu dawk adattati għall-kapaċità tal-pajjiż għall-amministrazzjoni xierqa tal-finanzi pubbliċi.
L-Unjoni Ewropea ser issegwi mill-qrib aktar żviluppi fil-proċess ta’ demokratizzazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett ta' l-impenji tal-Gvern Transitorju u l-passi lejn elezzjonijiet lokali, nazzjonali u presidenzjali. L-Unjoni ttenni r-rieda tagħha li tissokkta bid-djalogu politiku mtejjeb mal-Gvern Transitorju tal-Ħaiti skond l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.
Inselli għalik.
Għall-Kummissjoni
Għall-Kunsill
Il-President”